Opinjoni | Loop

'Kultant jiena nissuspetta li hemm dinja li jgħaddi minnha l-bniedem tat-triq u dinja oħra li jixtieq ibigħ dak li jxerred l-aħbar....' Owen Bonnici 

Ministru Owen Bonnici / 21 ta' Frar 2018 10:50
Ilbieraħ, sieħbi s-Segretarju Parlamentari Tony Agius de Celis u jien nidejna sforz li wettaqna fi ħdan Spazju Kreattiv biex nagħmlu ċ-ċinema li hemm fi ħdan dan l-iSpazju iktar aċċessibbli għall-persuni neqsin mis-smiegħ bis-saħħa tal-installazzjoni ta' dik li jgħidulha loop system jew loop technology.

Diġà kien hemm proġett pilota f'Ta' Pinu għall-installazzjoni ta' loop system u issa dan il-preċedent pożittiv ġie estiż għal fi ħdan Spazju Kreattiv sabiex b'hekk iċ-ċinema, li hu l-uniku arthouse ċinema f'pajjiżna jkun aċċessibbli għal iktar persuni.

Din hi ħaġa pożittiva ferm u, għalkemm miżura żgħira, se tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies li qabel kienu jħossuhom esklużi minħabba raġunijiet li mhumiex fil-kontroll tagħhom.

Probabbilment aħbar bħal din bilkemm se tissemma’ fil-mezzi tax-xandir għaliex mhijiex xi skandlu jew inkella ma tikkontenix sensazzjoni imma għal dik il-persuna li għandha diffikultà fis-smigħ, din l-aħbar hija d-dinja għalih.

+ + +

L-investiment li sar biex installajna din il-loop system kien żgħir – mhux iktar minn €5,000.  Lanqas frazzjoni tan-nefqa li għamilna biex, pereżempju, tejjibna s-sistema ta' arja kundizzjonata fl-iSpazju Kreattiv.  Iżda, kif għidt qabel, din hi miżura li kif qaluli biha deherli li hi tant importanti u tant sabiħa għaliex se ttejjeb il-kwalità tal-ħajja ta' persuni li jirrikjedu għajnuna addizzjonali.  Jekk ngħinu mqar persuna waħda biss minn issa sa 10 snin oħra wkoll ikun investiment xieraq u li mnalla jkun li sar.

+ + +

Kultant jiena nissuspetta li hemm dinja li jgħaddi minnha l-bniedem tat-triq u dinja oħra li jixtieq ibigħ dak li jxerred l-aħbar.  Sintendi min ixerred l-aħbar, jekk ikun kapaċi, ikun f'possibbilità li jinfluwena l-bniedem tat-triq.  U anke l-bniedem tat-triq, jekk jippreżenta każ b'saħħtu u tajjeb, kapaċi jinfluwenza lil min ixerred l-aħbar biex dik l-aħbar ixerridhielu.

Jien wieħed minn dawk li, bħal sħabi wara kollox, jagħmel ħiltu biex inkun aċċessibbli u jiltaqa' ma' kemm jista' jkun nies possibbli.  U wara li niltaqa' mal-persuni u l-familji insib infallibbilment li dak li jkun fuq l-aġenda tal-familji u dak li jkun fuq l-aġenda tal-mezzi tax-xandir ikunu differenti ħafna.

"L-għan hu li l-PN jipprova jimmitiga u jnaqqas l-impatt tal-ġlied attroċi li hemm fi ħdanu billi jbigħ l-idea li anke fil-partit l-ieħor li hemm il-ġlied. Gidba mill-bidu sal-aħħar"
Naf politiċi li huma popolari mmens u jgawdu rispett tremend li għamlu deċiżjoni konxja li ma jinvestux ħin fil-media management u  fl-attivitajiet relatati ma' opportunitajiet ta’ media.  Naf politiċi mbagħad li għandhom il-polz tal-mezzi tax-xandir f'idejhom u jgħarblu x'qed jingħad fil-mezzi tax-xandir u jħallu relazzjoni għaddejja mal-mezzi tax-xandir jekk jista' jkun 24 siegħa kuljum.  Ma naħseb li hemm ebda triq li hi aħjar minn oħra għad li forsi l-aħjar għażla li tieħu t-triq tan-nofs.

Imma li jiena ċert hu li l-opinjonijiet u l-issues importanti għall-familji Maltin u Għawdxin isiru b'mod indipendenti minn dak li jkun għaddej fil-mezzi tax-xandir.

+++

Il-politiċi nemmen li kapaċi jinfluwenzaw ħafna l-opinjoni pubblika.  Meta l-Prim Ministru jew il-Kap tal-Oppożizzjoni jieħdu stand jew pożizzjoni, awtomatikament hemm fazzjoni tal-poplu li bla ma jridu jkunu miftuħin huma wkoll għal dik l-idea li tkun għada kemm ġiet mmexxija 'l quddiem.  Sintendi hemm fin-nofs kwistjoni ta' kreddibbilità wkoll - il–Prim Ministru attwali Joseph Muscat naħseb għandu livelli ta' kreddibbilità u influwenza tal-opinjoni pubblika f'livelli bla preċedent.

Hemm imbagħad studju sħiħ ta' kif wieħed jibni reputazzjoni, kreddibbiltà u aura u hemm diversi fatturi li jilagħbu fin-nofs.

Biss, li hu żgur hu li din l-influwenza u l-ħila li tħalli impatt fuq l-opinjoni pubblika ma tiġix b'kumbinazzjoni jew inkella billi wieħed ifaqqa' subgħajh imma sforz ħafna xogħol, perseverenza u sagrifiċċji u attenzjoni.

Hu żgur ukoll li waqt li politiku tal-affari tiegħu jara l-affarijiet darba, tnejn, tlieta qabel jieħu stand jew pożizzjoni, jista' jkun li l-media – anke minħabba l-għaġġla u l-immedjatezza tal-aħbar li ngħixu fiha llum – sempliċiment ma għandux l-opportunità li jagħmel hekk.

+ + +

Kultant din ir-realtà tweġġa' ħafna u mhux ta' b'xejn imbagħad il-persuna tat-triq f'kull stħarriġ li jsir jgħid li jemmen iktar lill-Gvern milli lill-mezzi tax-xandir.  Ħa nġib eżempju billi nsemmi ġurnal li hu normalment simpatizzanti mal-Partit Laburista - l–Orizzont biex ħadd ma jgħid li qed nipprova niskurja xi punt politiku.

"Il–Prim Ministru attwali Joseph Muscat naħseb għandu livelli ta' kreddibbilità u influwenza tal-opinjoni pubblika f'livelli bla preċedent"
Din il-ġimgħa dan il-ġurnal iddeċieda li jagħmel paġna ta’ quddiem u editorjal fejn qal li fid-deċiżjonijiet li jagħtu l-Imħallfin fil-Qorti tal-Familja, in-nisa jiġu mogħtija vantaġġ fuq l-irġiel.  Qal li kellmuh grupp ta' persuni li għandhom kawżi ta' separazzjoni għaddejjin li ikkonvinċewh favur din il-pożizzjoni.

Ġurnal serju ma jaqbadx u jfajjar stqarrija serja bħal din għax ikunu kellmuh erba', ħames min-nies li jkollhom kawża ta' separazzjoni pendenti.  Jien nista' nifhem minn xiex qed jgħaddu dawn il-persuni u s-solidarjetà tiegħi hi sħiħa lejhom u nifhem għala jaqbdu u jirrikorru għand il-ġurnalist sforz id-dwejjaq iktar minn kull ħaġa oħra meta, pereżempju, il-Qorti tiċħad xi digriet jew tiddekreta b'mod li ma jogħġobhomx fejn għandu x'jaqsam l-aċċess jew il-kura u kustodja. Imma mbagħad ġurnal serju ma jistax jippubblika storja bħal din mingħajr ma, pereżempju, iqabbad grupp ta' esperti biex janalizzaw id-digrieti kollha li joħorġu ngħidu aħna fl-aħħar sentejn u jkun hemm rapport serju u kif suppost jew għallinqas jieħu l-fehma ta' esperti fis-settur bħal eks ġudikanti, avukati, social workers u attivisti favur id-drittijiet ċivili.

Sadanittant il-ħsara inġusta tkun saret. U ċaflisa f'wiċċ ix-xogħol kollu li sar u qed isir biex il-Qorti tal-Familja taqta' iktar kawżi u tqassar id-dewmien esaġerat li konna sibna ma’ wiċċna fl-2013.

+ + +

Sieħeb l-istorja l-oħra ivvintata fin-Nazzjon ta' nhar il-Ġimgħa fejn il-ġurnal iddeċieda li jgħid li kien hemm ġlieda feroċi fil-każin Laburista ta' Ħal Safi u żeffnu fin-nofs lili u lil sieħbi Stefan Zrinzo Azzopardi.  Gidba mill-bidu sal-aħħar, kif qalu bla tlaqliq diversi nies li kienu fuq il-post bħas-Sindku Johan Mula.  Sintendi l-għan hu li l-PN jipprova jimmitiga u jnaqqas l-impatt tal-ġlied attroċi li hemm fi ħdanu billi jbigħ l-idea li anke fil-partit l-ieħor li hemm il-ġlied.  Gidba mill-bidu sal-aħħar.

Ħriġna ċaħda minnufih u fi ftit minuti n-nies indunat li dan kien eżerċizzju ieħor ta' disprament tal-Partit Nazzjonalista.

Ma nistax nifhem kif partit li jaspira li jirbaħ il-Gvern jibbaża l-politika tiegħu fuq il-gideb.

Intant sħabi kollha tad-distrett se nkomplu naħdmu iktar minn qatt qabel ponn wieħed biex inkomplu nagħmlu l-ġid fuq il-ħames distrett li tant hu għal qalbna.

+++

Għax il-politika dik hi – mezz li bih tagħmel il-ġid u tmexxi 'l quddiem il-kwalità tal-ħajja ta' eluf ta' familji u negozji f'dan il-pajjiż eċċezzjonali li jismu Malta.

Inkomplu naħdmu.  Ma nifqux.