Aġġornata | Il-Karnival se jkompli nhar is-Sibt u l-Ħadd li ġej

Hemm dilettanti tal-Karnival li għad ma kellhomx ċans jesponu x-xogħol tagħhom

Yendrick Cioffi / 12 ta' Frar 2018 15:48
Il-programm tal-Karnival, li kellu jsir illejla, tħassar ukoll b'dilettanti tal-Karnival jilmentaw fuq il-midja soċjali li għad ma kellhomx ċans jesponu x-xogħol tagħhom.

Kien għalhekk li ġie deċiż li l-programm li kellu jsir is-Sibt u llum, ikun pospost għal nhar is-Sibt u l-Ħadd li ġej.

Id-Direttur Artistiku tal-Karnival, Jason Busuttil, kien ikkonferma mal-Illum.com.mt, li kellha ssir laqgħa bejn dawk kollha involuti fl-organizzazzjoni flimkien mal-parteċipanti biex tkun diskussa din il-possibilità u anke tittieħed deċiżjoni.

Sa issa, il-programm ta' għada se jsir kif ippjanat, għalkemm skont l-Uffiċċju Meteoloġiku tal-Ajruport Internazzjonali ta' Malta, ix-xita se tippersisti sa nhar il-Erbgħa.

Ilbieraħ it-temp kien ftit aktar ħanin u ta ċans lid-dilettanti biex jesponu dak li kienu ilhom jaħdmu fuqu għal xhux sħaħ

Minħabba l-maltemp qamet diskussjoni sħiħa fuq il-midja soċjali. Minn beda jsemmi s-Sibt u l-Ħadd li ġej u oħrajn qed jistaqsu jekk il-Karnival għandux jibda jsir f'Mejju.

Oħrajn qed jisħqu li bħalma saret tinda għall-karrijiet, għandha tibda ssir tinda fi Pjazza San Ġorġ biex almenu jitgawdew il-kostumi.