Opinjoni | Nilagħbu?

Marylin Belizzi tqabbel il-fidi ma' logħba...

Marilyn Bellizzi / 10 ta' Frar 2018 10:16
Jekk il-jiem sħan tas-sajf jiġbruna qaqoċċa ma’ mejda quddiem il-baħar, il-jiem kiesħa xitwija jagħtuna l-istess opportunità b’saqaf fuq rasna.

Ftit tal-jiem ilu kont qed nilgħab logħba ma’ grupp ta’ żgħażagħ. Għalkemm qatt ma kont lgħabtha qabel dħalt fiha sew. Bażikament din tintlagħab billi tpoġġi blokok fuq xulxin biex tibni qisu torri. Il-blokok iridu jitqiegħdu 3 f’kull saff, f’saff minnhom jitqiegħdu b’mod vertikali ħdejn xulxin u fis-saff ta’ fuqhom terġa’ tpoġġi 3 blokkijiet oħra imma din id-darba jridu jkunu mqiegħda orizzontali.

Il-logħba tintlagħab billi l-parteċipanti jippruvaw ineħħu blokka waħda minn xi saff bla ma jwaqqgħu l-oħrajn. Kif tibda tilgħab tinduna li aktar ma tneħħi blokkijiet, speċjalment jekk ikunu viċin il-pedament, u ċoé viċin il-bażi fis-saff t’isfel, it-torri jibda jiżbilanċja, jitlef is-saħħa u anke jispiċċa jikkrolla.

"Il-fidi mhix logħba; jekk nibdew innaqqru minnha nkunu qed nissograw li kollox jaqa’ u jisfaxxa fix-xejn"
Dak il-ħin, mitlufa fi spirtu ta’ logħob bdejna nidħku meta naraw it-torri jiċċaqlaq donnu mlebleb biex jitferrex mal-kamra. Imma dan hu proprju dak li jiġri lilna jekk nippruvaw innaqqru mill-pedament tal-fidi u t-tagħlim li għaddewlna l-ewwel dixxipli Kristjani, li l-bażi li fuqha bnew kienet biss il-Kelma ta’ Alla – il-Profeti, l-Appostli u Kristu bħala l-Blata Soda (Efesin 2:20). Jekk nippruvaw inneħħu biċċa minn din u biċċa minn dik għax ma jogħġobnix jew għax naħsibha mod ieħor, inkunu qed noħolqu fidi sempliċement imsejsa fuq opinjonijiet umani li ma twassalniex iktar ’il bogħod milli niskopru l-alla falz li nkunu ħloqna aħna stess.

Il-fidi mhix logħba; jekk nibdew innaqqru minnha nkunu qed nissograw li kollox jaqa’ u jisfaxxa fix-xejn. Ladarba l-ġust jgħix bil-fidi u ma jistax ikun li wieħed jogħġob lil Alla mingħajrha, mela l-fidi ċertament mhix logħba; hi kwistjoni ta’ ħajja u mewt!

[email protected]

Ktieb b’xejn għalik

Minn qalbi nixtieq noffrilek ktieb b’xejn bl-isem: ‘Fuqhom Żernaq id-Dawl’ – Joe Mizzi

Dan il-ktieb fih messaġġ qawwi fis-sempliċità tiegħu. Qawwi għax jisfida u jqanqal mistoqsijiet dwar ċerti punti ta' twemmin stabbilit fostna. Sempliċi għax bi stil mexxej u bla teknikalità żejda, l-awtur iħajrek teżamina kollox fid-dawl tal-Iskrittura Mqaddsa. Appuntu t-titolu tal-ktieb - l-awtur konvint li d-dawl ġenwin li jwassalna għall-verità niksbuh biss mill-Ktieb Ispirat.

Jekk inti interessat li tirċievi kopja bil-posta, jekk jogħġbok ibgħat ismek u l-indirizz flimkien mal-isem tal-ktieb permezz ta’ sms fuq 77290051.