Opinjoni | Dilemmi

Immanuel Mifsud jeħodna vjaġġ mill-għerien fejn konna ngħixu sakemm bnejna tempju, u tnejn, u tlieta....

Immanuel Mifsud / 7 ta' Frar 2018 21:08
Xi darba konna ngħixu fl-għerien. Konna għadna kemm wasalna minn xi mkien ieħor u malli tlajna l-art il-ġdida, sibna l-għerien u dħalna fihom, għamilniehom darna. Hekk kienu jgħallmuna l-iskola għallinqas. Imbagħad xrifna barra minn dawn l-għerien u bdejna ntellgħu l-għerejjex u mbagħad skoprejna t-talent għall-bini bil-ġebel u aktarx bnejna tempju, u tnejn, u tlieta.

L-istorja donnha tieqaf imbagħad imma tkompli timmanifesta ruħha fil-binjiet, għall-ewwel umli imma mbagħad aktar ambizzjużi u irfinuti u kumplessi.

"Kuljum preċett tisma’ l-aħbarijiet dwar dik il-biċċa art jew ir-roqgħa l-oħra li dendlulha mannara ma’ rasha. Torrijiet, pompi tal-petrol u issa anki restoranti tal-ejja-ħa-mmorru"
Sakemm bnejna dak li għadna nsejħulu sal-lum ir-raħal Malti. Huwa l-bini li ħalaq dan kollu; il-bini fuq art verġni li qisnieha b’tagħna bi dritt. Dawk id-djar, uħud imdaqqsa jew kbar, oħrajn iżgħar; dawk it-toroq li ffurmaw ruħhom ħafna drabi mserrpa u fuq kollox dak it-tempju li donnu minnu ħiereġ kollox għamlu d-dehra u s-sura ta’ Malta.

Kien il-bini: kien il-bini fuq art verġni. L-istess il- bliet. Kull naħa li ttieħdet ittieħdet bi bżonn. Ma nafx hux fl-istess żmien jew wara – din inħalluha għall-istoriċi – beda jiżviluppa sens ta’ estetika li aktarx li kien marbut mas-sens ta’ qies. Biex imbagħad dan is-sens estetiku u ta’ qies wassal għal ċerti deċiżjonijiet li l-għan tagħhom kien ir-regolazzjoni, appuntu d-demarkazzjoni ta’ ċerti zoni li kellhom jibqgħu bla mittiefsa.

Issa donnu li qiegħed jiġri li s-sens estetiku ta’ darba sparixxa jew inbidel, u s-sens ta’ qies ġralu l-istess. Jew ħalli ngħidu hekk: biż-żmien tfaċċa grupp ta’ nies li jkejlu b’qisien differenti minn dari. L-art jarawha biss bħala potenzjal, potenzjal għat-tiswir ta’ ħafna u ħafna flus. U tilfu s-sens tal-qies, tant li dawk iz-zoni li konna ddeċidejna li m’għandhomx jintmessew saru l-mira ewlenija. Kuljum preċett tisma’ l-aħbarijiet dwar dik il-biċċa art jew ir-roqgħa l-oħra li dendlulha mannara ma’ rasha.

Torrijiet, pompi tal-petrol u issa anki restoranti tal-ejja-ħa-mmorru jissikkaw dejjem aktar u se jissoffokawna. Uħud minna qegħdin jirrealizzaw li waqt li xi darba l-bini għamel pajjiż issa l-bini qiegħed ikissru.

Il-punt l-ieħor hu li dad-diskors sar qisu mantra, litanija, sensiela ma tinbidilx tal-istess ilment, u li sadattant mhu jkollha ebda effett. Anzi wisq nibża’ li minħabba r-ripetizzjoni tispiċċa ttarrax u tmewwet. Din hija d-dilemma kontinwa li jaffaċċjaw uħud minna. Imma meta tara li kuljum titfaċċa xi applikazzjoni oxxena ġdida tħossha diffiċli toqgħod bi kwietek.

"Ir-ripetizzjoni tispiċċa ttarrax u tmewwet. Din hija d-dilemma kontinwa li jaffaċċjaw uħud minna. Imma meta tara li kuljum titfaċċa xi applikazzjoni oxxena"
Din mhijiex l-unika dilemma li wħud minna qegħdin jaffaċċjaw bħalissa. Kif tħabbar ftit ilu, xi flus li dawn il-bennejja tat-torrijiet se jdaħħlu se jmorru għall-fondi għal inizjattivi kulturali. Hemm min qed jinterpreta dil-mossa bħala atteġjament ċiniku ħafna ta’ kif issikket lill-artisti. Jew inkella kif tpoġġi lill-artisti f’pożizzjoni skomda għax għal xogħolhom dawn jeħtieġu flejjes li huma m’għandhomx. Veru wkoll li hija ironija kbira li tikkritika kuntest u mbagħad tirrelata miegħu. Sfortunatament ħafna drabi – għalkemm tajjeb nisħaq li mhux dejjem – l-għażla hi bejn li taħdem jew li ma tagħmel xejn.

Ħdejn il-flus li se jdaħħlu dawn il-bennejja huma litteralment perkaċċi dak li qed jagħtu għall-kultura. Id-differenza hi bejn ftit eluf u ftit miljuni. Iżda d-dilemma tibqa’ xorta waħda, u hija skomda ħafna għax aktarx li twassal lil dak li jkun biex jagħmel kompromess skomdu aktar mid-dilemma nfisha.

Hija storja antika din ukoll, kif l-artist ikollu jorqod ma’ min potenzjalment hu l-għadu tiegħu: ħu l-kbar fost l-aqwa artisti u mużiċisti u tara kif ħafna drabi servew patruni korrotti li kienu komdi u privileġġjati ħafna aktar milli kienu huma stess.

Iżda wieħed għandu jifhem ukoll li f’sistema bħal din l-għażla mhijiex daqshekk diretta bejn li tagħmel l-arti jew li ma tagħmilhiex. L-għażla taf tkun bejn li tkompli għaddej bil-protesta jew li tagħlaq il-bibien kollha u tispiċċa agħar għax ma tgħid xejn, għax ma ssemma xejn.

Indubbjament id-dilemma u kwalunkwe deċiżjoni li wieħed jieħu jibqgħu skomdi u diffiċli ħafna.

Qiegħed nikteb dan kollu waqt li qed inżur il-fiera internazzjonali tal-ktieb fil-Kajr. Il-kobor ta’ din il-fiera jaqtagħlek nifsek: il-lok, in-numru ta’ pubblikaturi, in-numru ta’ kotba għall-bejgħ u fuq kollox il-folol kbar ta’ nies li qegħdin iżuruha.

Qaluli li l-akbar numru ta’ qarrejja huwa fl-età ta’ bejn it-tmintax u t-tletin sena. Forsi hemm jinsab verament il-futur tal-Eġittu: fil-qarrejja tiegħu u fil-kotba li foesi għandhom il-ħila li jqajmu, li jibdlu. U dan, ovvjament, ma jgħoddx għall-Eġittu biss.

Immanuel Mifsud twieled f'Malta fl-1967. Beda jikteb il-poeżija u l-proża meta kellu 16-il sena u beda jaħdem ukoll ma' gruppi teatrali esperimentali. Kien jidderieġi x-xogħlijiet tiegħu stess u iktar tard xogħlijiet ta' Chekhov, Dario Fo, Max Frisch, Federico Garcia Lorca, David Mamet, Harold Pinter u Alfred Buttigieg. Diversi xogħlijiet ta' Immanuel Mifsud kienu tradotti u ppubblikati f'ħafna pajjiżi Ewropej u fl-Istati Uniti. Il-proża ta' Mifsud mill-ewwel ġibdet l-attenzjoni tal-kritiċi Maltin u rebaħ l-unur Maltese Generation-X writer. Il-ġabra ta' stejjer qosra fl-2005 'Kimika' qajmu kontroversja u ntqal li kienu 'letteratura pornografika' u l-pubblikatur oriġinali waqqaf l-istampar ta' dan ix-xogħol. Iżda mbagħad dil-ġabra ġiet ippubblikata iktar tard f'dar tal-pubblikazzjoni oħra. Ironikament 'Kimika' spiċċa fit-tieni post fl-Unuri tal-Ktieb Nazzjonali tal-2005. Immanuel Mifsud jikteb ukoll għat-tfal, u ppubblika ġabra ta' stejjer qosra għat-tfal u ktieb bit-taħniniet. Fl-2002, il-ġabra ta' stejjer qosra L-Istejjer Strambi ta' Sara Sue Sammut rebaħ il-Premju tal-Ktieb Nazzjonali u fl-2011 Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben) rebaħ il-Premju Letterarju tal-Unjoni Ewropea.