Muscat u Delia fil-klabbs tal-futbol; Il-Kunsill tal-MFA mistenni jaqta’ l-kundanna

Il-Kunsill tal-MFA mistenni jiltaqa' din il-ġimgħa...Il-PN jiċħad dak li qal is-Segretarju ta' Tarxien Rainbows u se jkun qed jikteb lill-MFA biex jiċċara li Adrian Delia qatt m'organizza attività politika fil-klabb

Albert Gauci Cunningham / 28 ta' Jannar 2018 10:59
Ir-regolamenti tal-klabbs ma jippermettux li jsiru attivitajiet politiċi fihom
Il-Kunsill tal-Malta Football Association (MFA) mistenni li jqajjem il-kwistjoni tal-użu politiku ta’ klabbs tal-futbol wara ksur ċar tar-regolamenti minn klabb partikolari, kemm nhar il-Ħadd li għadda, kif ukoll fil-passat riċenti.

Nhar il-Ħadd li għadda l-Partit Laburista organizza attività politika fil-klabb tal-futbol ta’ Ħal Tarxien u jirriżulta, minn kummenti li ta s-Segretarju ta' Tarxien Rainbows Joe Spiteri lill-one.com.mt li l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, għamel l-istess waqt il-kampanja għall-Kap ġdid tal-partit. Il-PN qed jiċħad dan u mistenni jikteb lill-MFA biex jiċċara li dan qatt ma sar. 

Ir-regolament tal-klabbs tal-futbol, li bagħtet l-MFA stess lil din il-gazzetta, jispeċifikaw b’mod ċar li attivitajiet ta’ natura politika ma jistgħux isiru fi klabbs tal-futbol jew fejn isir taħriġ u li l-Kunsill tal-MFA għandu kull dritt jieħu miżuri dixxiplinarji.

L-ILLUM staqsiet lill-MFA jekk l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet politiċi hix permessa fi kwalunkwe klabb tal-futbol, skont l-istatut tal-istess assoċjazzjoni u jekk mhux permess, x’azzjoni l-istess MFA għandha s-setgħa li tieħu kontra kwalunkwe klabb.

Kelliem tal-MFA qal illi l-istatut “ma jgħid xejn dwar dan, għajr li l-MFA trid tkun newtrali fejn tidħol politika.”

“Min-naħa l-oħra,” kompla jgħid il-kelliem, “ir-regolamenti dwar il-klabbs jistipulaw li; l-ebda attività politika ma tista’ tkun permessa minn kumitat li jimmaniġġja klabb fuq il-proprjetà nnifisha jew f’xi bini fejn isir taħriġ.” (No political activities of any sort shall be permitted by a Member Club’s Management Committee on the premises or at training infrastructure of its Club.)

L-istess regolamenti jagħmluha ċara wkoll illi l-Kunsill (tal-MFA) “tikkastiga dan it-tip ta’ ksur ta’ dawn il-proviżjonijiet, kif tħoss li huwa l-aħjar.”

“Kif appuntu jistipula dan ir-regolament,” qal il-kelliem lill-ILLUM, huwa l-Kunsill tal-MFA li jiddeċiedi kienx hemm ksur tar-regolamenti u jekk għandhiex tittieħed xi miżura.” Minkejja dan il-Kelliem tal-Malta Football Association ma xtaqx jippreċiża eżatt f’liema Kunsill se tkun diskussa din il-materja.

Din il-gazzetta tinsab infurmata illi l-Kunsill li jmiss tal-MFA se jiltaqa’ din il-ġimgħa. 

Apparti l-attività tal-Partit Laburista l-Ħadd li għadda, kien is-Segretarju ta’ Tarxien Rainbows Joe Spiteri stess li f’kummenti mal-midja tal-Partit Laburista kkonferma li Delia wkoll kien organizza attivitajiet politiċi fil-binja tal-klabb.

Il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti iżda li kuntrarjament għal li qal Spiteri mhux veru li Adrian Delia, kemm bħala Kap tal-PN u anke qabel, qatt organizza attivitajiet politiċi f'Ħal Tarxien. Sorsi mill-PN li tkellmu ma' dan is-sit dalgħodu stess żvelaw ukoll kif il-PN se jkun qed jikteb lill-MFA biex jiċċara u jinsisti fuq dan il-punt.

 

 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.