Editorjal | ODZ, SLAPP u x’jimpurtani...

".....Jimpurtani biss l-but. Jimpurtani min se jmut, basta jħalli lili nferfer u paxxut....”

Albert Gauci Cunningham / 28 ta' Jannar 2018 13:03
Fl-1995, il-kant-awtur Philip Vella, kien ħareġ diska li saret popolari ħafna f’pajjiżna u li jisimha ‘x’jimpurtani’. Kont tismagħha kwazi kullimkien.

Ftakarna f’din il-kelma u l-messaġġ wara l-istess diska ftit iktar minn ġimgħa ilu, meta fuq il-programm Xarabank Deputat minn naħa tal-Gvern qal illi n-nies ma jimpurtahomx ta’ min hu l-Vitals, in-nies jimpurtahom biss li meta jmorru l-isptar isibu l-mediċini u li ma jkollhomx għalfejn joqgħodu jistennew f’lista ta’ stennija (għal xi operazzjoni) li ma tispiċċa qatt.

Dan l-argument huwa vera minn angolu, imma fallaċi minn naħa l-oħra. Dażgur li l-poplu jrid isib il-mediċini, dażgur li ma jridx jistenna f’listi ta’ stennija, dażgur li jrid iħallas kontijiet inqas tad-dawl u l-ilma, dażgur li jrid illi jistenna inqas fit-traffiku u jieħu nifs b’arja iktar nadifa. Dażgur u dażgur.

"Dak kollu li sejjer tajjeb fil-qasam tas-saħħa, filwaqt li hu pożittiv, ma jista' qatt iservi ta' paraventu għal għoti ta tliet sptarijiet pubbliċi lil xi ħadd anonimu, b'indirizz fil-British Virgin Islands, li irċieva miljuni mit-taxxi tal-poplu u radd ftit li xejn lura (VGH)...."
Imma dan kollu ma jfissirx li proċess, hu x’inhu, jista’ jkun inqas trasparenti. Jiġifieri għax issib il-pirmli l-isptar għandna naċċettaw proċessi jintnu seba’ pesti li jinvolvu assi tal-pajjiż? Jiġifieri li naqsu l-waiting-lists, kisba pożittiva ta’ Gvern Laburista, hija raġuni tajba biżżejjed biex ma nkunux nafu f’idejn min kienu tliet proprjetajiet pubbliċi? Mela t-tajjeb isir biex jgħatti l-ħażin? Mela l-effiċjenza qiegħda hemm biex isservi ta’ paraventu għall-proċessi li jinkludu assi pubbliċi u politiċi f’pożizzjoni għolja? Dan x’argument hu? Inkunu ilħaqna sitwazzjoni ottima, meta il-pirmli nisbuhom, kif jidher li qed jiġri, meta l-waiting lists jonqsu kif, jidher li qed jiġri, imma wkoll li jkun hemm trasparenza sħiħa ta’ kif ikunu negozjati proprjetajiet pubbliċi. Xi ħaġa li ma jidhirx li qed tiġri.

Għax mill-Ħadd li għadda sal-bieraħ, l-gazzetta oħt Maltatoday ippublikat storja li turi illi Vitals ingħataw id-diskrezzjoni li jestendu l-konċessjoni għal 99 sena, minflok it-30 sena li konna mingħalina li suppost ingħataw.

U gazzetta oħra, The Sunday Times, ippublikat storja illi żvelat ukoll kif kien sar Memorandum of Understanding (MOU) mal-ogħla uffiċċjali wara l-Vitals Global Healthcare xhur qabel ma’ fil-fatt ħarġet l-espressjoni ta’ interess għall-proġett.

Dażgur li l-poplu għandu jimpurtah dwar dak li jolqot lilu. Il-pirmli fl-isptar jolqtu lilu, il-waiting lists jolqtu lilu, il-kontijiet jolqtu lilu, x-xogħol jolqot lilu, l-paga tolqot lilu u iva, l-assi pubbliċi tal-pajjiż jolqtu lilu wkoll. Għax huma tiegħu.

"Dażgur li l-poplu għandu jimpurtah dwar dak li jolqot lilu. Il-pirmli fl-isptar jolqtu lilu, il-waiting lists jolqtu lilu, il-kontijiet jolqtu lilu, x-xogħol jolqot lilu, l-paga tolqot lilu u iva, l-assi pubbliċi tal-pajjiż jolqtu lilu wkoll. Għax huma tiegħu"
U jekk għadu mhux qed jinkwieta u għadu qed jgħid,bħall-lirika tad-diska ‘u jien, x’jimpurtani’ qed jagħmel ħażin. Qed juri li lilhinn mill-emozzjoni, għadu mhux verament qed irabbi sens ta’ pussess fuq dak li wara kollox, huwa tiegħu...

ODZ is ODZ

U ‘x’jimpurtani’ oħra din il-ġimgħa. Kumpanija tapplika biex tibni restorant fuq art barra ż-żona tal-iżvilupp (ODZ). Tiftakruha ‘ODZ is ODZ’ tal-eks PM Lawrence Gonzi? X’sar minnha?

Wasal iż-żmien li kull biċċa art ODZ, anke jekk hija nofs kantuniera, lanqas applikazzjoni ta’ żvilupp għaliha ma jista’ jsir. Xejn. Żero.

Mhux għadna għaddejjin nibnu qisna ngħixu f’pajjiż daqs kontinent. U minn ‘ODZ is ODZ’ morna għal ‘ODZ is ODZ, sakemm....ma tkunx skola, xi Università Amerikana, sptar....imbagħad erġajna għidna sakemm ma tkunx argi-turiżmu u issa qed jidħlu applikazzjonijiet għal ristoranti wkoll. Imbagħad, xi pompa tal-petrol, naturlament.

Dwar il-pompi tal-petrol nistgħu nagħmlu editorjal sħiħ, imma biżżejjed ngħidu li fin-naħiet ta’ Burmarrad/San Pawl il-Baħar hemm waħda li bdiet tinbena issa (ħdejn stabbiliment kbir tal-ħwejjeġ), ftit metri oħra hemm pompa tal-petrol oħra, eżatt xħin tidħol San Pawl il-Baħar u jekk ma tridx, oħra faċċata tagħha. Tliet pompi fi spazju ta’ 30 sekonda sewqan.

"għadna għaddejjin nibnu qisna ngħixu f’pajjiż daqs kontinent. U minn ‘ODZ is ODZ’ morna għal ‘ODZ is ODZ, sakemm...."
Imma x’jimpurtani. L-aqwa li meta jkolli bżonn għandi pompa tal-petrol eżatt m’għajni. X’jimpurtani mill-art u mill-ODZ u mill-art li qed tittiekel u minn dawk kollha ‘li moħħhom fl-gremxul’.

U finalment, l-ISLAPP. Din il-gazzetta ma jinteressaha xejn li kien id-Deputat Jason Azzopardi li ressaq Private Members Bill biex il-Gvern jipproteġi lill-midja minn dawk li jintimidaw billi jheddu gazzetta jew dar tal-midja f’libelli li jġibuha għalkubbtejha.

Jinteressaha biss li dak ta’ Azzopardi huwa pass li, tal-anqas prima facie u fuq il-prinċipju, għandu jkun appoġġjat...hemm liġijiet tal-libell f’pajjiżna u min iħossu malafamat jew inġurjat jista’ jfittex rimedju fil-Qrati Maltin. Ħadd m’għandu jkollu id libera li jipprova jhedded permezz ta’ proċessi ta’ libelli, magħmulin apposta biex ikissru u jagħlqu ħalq midja.

Nħeġġu lill-Partit Laburista biex jagħti appoġġ lil dan l-abbozz.

Nisperaw li anke hawn mhux se jkollna ħafna li jgħidulna, ‘u n-nies x’jimpurtahom mill-ISLAPP u l-libertà tal-espressjoni, l-aqwa’

U fi kliem Vella fid-diska tal-1995; “Jimpurtani biss l-but. Jimpurtani min se jmut, basta jħalli lili nferefer u paxxut....”.

22 sena wara, inbidel xi ħaġa?

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.