Opinjoni | X’sar minnhom il-klandestini?

Wisq probabbli, għax ilna ma narawhom deħlin bil-ġgieget tas-salvataġġ oranġo, qegħdin naħsbu li l-problema tar-rifuġjati sparixxiet

Immanuel Mifsud / 26 ta' Jannar 2018 18:21
Kos, ilna mhux ħażin ma nisimgħu bir-refuġjati, bil-klandestini, ġejjin lejna fuq id-dgħajjes ħalli jisirqulna xogħolna u l-kultura tagħna. Anki l-għajjat tal-patrijotti jidhirli li siket, m’għadekx tisma’ bihom lanqas.

Wisq probabbli, għax ilna ma narawhom deħlin bil-ġgieget tas-salvataġġ oranġo, qegħdin naħsbu li l-problema tar-rifuġjati sparixxiet. U bilħaqq, anki s-Sirja nsejnieha; u t-taqlib u t-taħwid politiku fil-Libja.

Jekk nagħmlu ftit moħħna hemm u naħsbu naqra għandna nindunaw li anki l-aħbarijiet “ta’ barra” donnhom il-moda tal-ilbies. Wara ġimgħat u forsi xhur nisimgħu fuq it-tali kunflitt, jiskot kollox u ninsew il-kunflitt u l-effetti tiegħu kollha. Issa aktar qegħdin ninkwetaw fuq is-saħħa mentali ta’ Trump milli x’inhu għaddej fil-pajjiżi kollha kunflitti u gwerer.

Stramba tassew din id-dinja tagħna – kif tiddeċiedi dwar min għandna naħsbu u meta u kemm, u lil min għandna ninsew. 

Din hija waħda mill-ħasriet fil-mod kif żviluppat u qiegħda tiżviluppa d-dinja tagħna: l-amnesija totali ta’ traġedji kbar, ġaldadarba dawn it-traġedji huma ta’ ħaddieħor. U l-amnesija twassal biex dak li jkun jibda jemmen li m’għadu jiġri xejn ħażin, li dak li konna qegħdin ninkwetaw fuqu issa ssolva. “Tassew, x’kien ġara hemmhekk? M’għadhomx jissemmew, hux veru?”

Aħna, jiġifieri aħna li ngħixu f’Malta, għaddejjin fl-aqwa żmien tal-istorja, u għaldaqstant ħadd ma jista’ jlumna li m’aħniex nagħtu wisq kas ta’ dak u tal-ieħor. 

Ferħanin li l-plattin reġa’ qed jistrieħ fuq il-pali tat-tritoni (wara li konna sfrakassajniehom); ferħanin li l-belt kapitali tagħna saret il-kapitali Ewropea għal sena sħiħa; ferħanin li hemm pjanijiet avvanzati biex ikollna ftit pompi tal-petrol oħrajn f’nofs imkien għal meta nkunu qegħdin nivvjaġġaw f’distanzi immensi minn raħal għal ieħor.

Il-kumdità li m’għandniex bżonn, tittieħed bħala sinjal ta’ progress mingħajr ma forsi naħsbu li hemm kumditajiet oħrajn li forsi huma aktar neċessarji; fejn naf jien, ftuħ, nuqqas ta’ bini, libertà, u fuq kollox saħħa.

Ma rridx inkun negattiv u nħassar il-festi. Tassew, kuntent li l-funtana tat-tritoni reġgħet fil-maestà li kont nara biss fuq ritratti antiki ta’ putirjal, il-lok li issa qed jissejjaħ Pjazza Tritoni. 

Niftakarni nara, fuq it-televixin, karrettuni u żeffiena jaqbżu fuq it-tritoni waqt xi festa nazzjonali. U niftakar ukoll il-pali tal-idejn miksura, l-ilma aħdar u tunellata fliexken tal-luminata jdawru l-akbar funtana f’Malta.

L-istess kif niftakarna niltaqgħu għall-ħarġa tas-Sibt (fis-sitta ta’ filgħaxija) u putirjal u l-funtana mimlija nies. Il-funtana kienet il-monument li fuqu konna nintefgħu bil-kitarri u nitgħannqu u nitbewsu għall-ħars ta’ kull min kien ikun fuq tal-linja.

Dan huwa wieħed mill-użi tal-monumenti: il-post li jimmarka punt komunitarju. Tintebaħ b’dan anki meta tmur fi pjazez barranin, pereżempju l-monumenti tal-poeti nazzjonali fil-pjazza ewlenija ta’ Ljubljana u Krakovja. (Il-monument tal-poeta nazzjonali tagħna ħbejnieh kemm stajna, f’rokna li bilkemm tinduna biha, imma aħna la aħna Sloveni u lanqas Pollakki.) 

F’kull pajjiż tista’ tgħid ukoll li l-monument serva ta’ simbolu f’mumenti mqanqla tal-istorja. Fi Praga, pereżempju, kienu għattew għajnejn il-monumenti tagħhom meta l-blokk Sovjetiku invada l-pajjiż fl-1968.

F’Sofija żebgħu l-monument lill-Armata l-Ħamra b’kulur roża bħala apoloġija għas-sehem tal-Bulgarija f’din l-istess invażjoni. Fi kliem ieħor, ħafna drabi l-monument jaqdi bżonn ta’ simbolu ta’ protesta. Hekk ġara din il-ġimgħa lil uħud mill-monumenti li għandna mxerrda fi protesta li saret minn #OccupyJustice meta dawn libbsu flokk lil numru ta’ figuri fuq monumenti varji.

Lil hinn mill-punt jekk għandhomx raġun f’dak li qegħdin jgħidu jew le, il-ġest ta’  #OccupyJustice huwa wieħed mill-aktar naturali u komuni ħafna f’pajjiżi oħrajn. Għaldaqstant diffiċli nifhem għala xi nies tkażaw b’dak li għamlu. 

Meta monument jiġi użat kif intużaw dawn minn #OccupyJustice ifisser li dak il-monument għandu sens u jagħmel sens għan-nies; ifisser li dak il-monument huwa ħaj. Monument li ħadd ma jiltaqa’ ħdejh, li ħadd ma jpoġġi bilqiegħda miegħu, u li ħadd ma jimmanifesta l-messaġġ tiegħu bih, huwa monument bla skop.

Għax l-iskop li ntellgħu monument mhuwiex biss li nweġġħu lil xi persuna prominenti jew biex  infakkru xi avveniment storiku importanti, imma huwa wkoll biex nagħmlu marka fil-lok, insawru punt ta’ referenza fiżiku għan-nies u l-komunità. Il-ħasra hi, anzi, meta monument jispiċċa minsi jew agħar minn hekk, bħalma ġralu l-monument tal-ħaddiem fl-Imsida, jispiċċa kantuniera ma’ fejn tipparkja l-karozza.

X’sar minnhom il-klandestini?

Ara l-ieħor fuq xiex qed jinkwieta!

Immanuel Mifsud twieled f'Malta fl-1967. Beda jikteb il-poeżija u l-proża meta kellu 16-il sena u beda jaħdem ukoll ma' gruppi teatrali esperimentali. Kien jidderieġi x-xogħlijiet tiegħu stess u iktar tard xogħlijiet ta' Chekhov, Dario Fo, Max Frisch, Federico Garcia Lorca, David Mamet, Harold Pinter u Alfred Buttigieg. Diversi xogħlijiet ta' Immanuel Mifsud kienu tradotti u ppubblikati f'ħafna pajjiżi Ewropej u fl-Istati Uniti. Il-proża ta' Mifsud mill-ewwel ġibdet l-attenzjoni tal-kritiċi Maltin u rebaħ l-unur Maltese Generation-X writer. Il-ġabra ta' stejjer qosra fl-2005 'Kimika' qajmu kontroversja u ntqal li kienu 'letteratura pornografika' u l-pubblikatur oriġinali waqqaf l-istampar ta' dan ix-xogħol. Iżda mbagħad dil-ġabra ġiet ippubblikata iktar tard f'dar tal-pubblikazzjoni oħra. Ironikament 'Kimika' spiċċa fit-tieni post fl-Unuri tal-Ktieb Nazzjonali tal-2005. Immanuel Mifsud jikteb ukoll għat-tfal, u ppubblika ġabra ta' stejjer qosra għat-tfal u ktieb bit-taħniniet. Fl-2002, il-ġabra ta' stejjer qosra L-Istejjer Strambi ta' Sara Sue Sammut rebaħ il-Premju tal-Ktieb Nazzjonali u fl-2011 Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben) rebaħ il-Premju Letterarju tal-Unjoni Ewropea.