Opinjoni | Is-sit tal-ITS f’Pembroke: l-art pubblika, profitti tal-privat

Matul din il-ġimgħa l-media tkellmet dwar il-miljuni li qed jiġi miftieħem li jitħallsu għall-bejgħ eventwali ta’ sulari sħaħ fit-torrijiet tal-Grupp db

Carmel Cacopardo / 24 ta' Jannar 2018 08:31
L-iżvilupp tas-sit preżentement okkupat mill-Istitut tal-Istudji Turistiċi f’Pembroke reġa’ fl-aħbarijiet. Is-settur pubbliku jipprovdi l-art filwaqt li l-Grupp db jimpala l-ewro, bil-miljuni.

Matul din il-ġimgħa l-media tkellmet dwar il-miljuni li qed jiġi miftieħem li jitħallsu għall-bejgħ eventwali ta’ sulari sħaħ fit-torrijiet tal-Grupp db. Dawn mhumiex flejjes li ser jitħallsu għal xiri ta’ proprjetà fuq il-pjanta, għax s’issa la hem permessi u l-anqas għad m’hemm l-ebda pjanta ffinalizzata.

L-awtoritajiet tal-ippjanar għadhom fl-istadji inizzjali fl-eżami tagħhom tal-proġett propost: l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għadha kif bdiet il-proċess ta’ konsultazzjoni statutorja dwar l-Istudju tal-Impatt Ambjentali (EIA) li għandu għaddej sat-12 ta’ Frar. 

Minkejja li l-ERA għad tista’ tirrakkomanda tibdil, żgħir jew kbir, fil-proġett wara li tkun ikkunsidrat bir-reqqa l-EIA, qiesu li l-iżviluppaturi huma ċerti li mhu ser ikun hemm l-ebda konsiderazzjoni ta’ ppjanar jew ambjent li ser ixxekkel dak li bosta jqisu li hu proġett żejjed u mhux meħtieġ.

Id-dokumenti ppreżentati għall-iskrutinju pubbliku huma sostanzjali u voluminużi. Imma possibilment fihom in-nieqes u għaldaqstant diġà ktibt lill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi biex tirrimedja u tippubblika dak li ġie identifikat bħala nieqes s’issa.

Dokument ta’ interess li nsibuh fuq is-sit elettroniku tal-ERA huwa l-Project Description Statement (PDS) li tħejja minn ditta (partnership) ta’ periti li ftit kienet magħrufa s’issa. Din id-ditta ġġib l-isem ta’ Landmark Architects u jirriżulta li titmexxa mill-eks Ministru tat-Trasport il-Perit Jesmond Mugliett.

Fil-paġna 5 ta’ dan id-dokument, il-Perit Mugliett jikteb hekk “Nhar it-2 ta’ Frar 2017, il-Gvern u s-soċjetà db San Gorg Property Limited iffirmaw il-kuntratt għat-trasferiment tal-art li dwarha ħarġet sejħa pubblika għall-proposti.

Kemm il-Gvern ta’ Malta kif ukoll is-soċjetà db San Gorg Property Limited jaqblu li l-evalwazzjoni tal-proġett ta’ żvilupp m’għandhiex iddum iktar mill-perjodu minimu stabilit mill-leġislazzjoni tal-ippjanar. (On the 2nd of February 2017, the Government of Malta and dB San Gorg Property Limited signed the contract for the granting of the RFP site. 

Both the Government of Malta and db San Gorg Property Ltd. agree that evaluation of the project development should not extend beyond the minimum time frames established by Planning Law.)  Fil-fehma tiegħi dan ifisser li l-Gvern diġà rabat idejn l-Awtorità tal-Ippjanar dwar kif din għandha topera f’dan il-każ.   

L-iżviluppatur donnu mhux inkwetat li l-Masterplan imfassal għal Paceville ġie skartat u beda l-proċess biex dan jitfassal mill-ġdid u dan wara l-konsultazzjoni pubblika mqanqla li kellna lejn tmiem l-2016.

L-awtur tal-PDS fil-fatt jinfurmana li “L-Gvern ta’ Malta u s-soċjetà db San Gorg Property Limited komplew bin-negozjati, u eventwalment qablu li ma kienx fl-interess tal-proġett, tal-industrija Maltija tat-Turiżmu u tal-ekonomija Maltija li joqogħdu jistennew li jkun konkluż dan il-Masterplan.” (The Government of Malta and dB San Gorg Property Limited continued with negotiations, eventually coming to an agreement that it was not in the interest of the project, the Maltese Tourism Industry and the Maltese economy to wait for the conclusion of this masterplan).

Dan, fil-fehma tiegħi jimmina l-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika. Għax liema huma r-regoli u politiċi tal-ippjanar li l-Awtorità tal-Ippjanar ser issegwi fuq is-sit illum okkupat mill-Istitut tal-Istudji Turistiċi? Il-proposta diġà tidher ċar li tmur kontra dak li jipprovdi l-pjan lokali tal-2006 li hu applikabbli. Allura fuq liema kriterji ser tkun ivvalutata l-proposta ta’ żvilupp?

Xi żmien ilu konna infurmati li l-ebda żvilupp fl-inħawi mhu ser jitħalla jibda sakemm ikun konkluż Masterplan ġdid għal Paceville. Dakinhar kien emfasizzat li l-proposti dwar is-sit tal-ITS f’Pembroke seta’ jkun evalwat biss wara l-approvazzjoni tal-Masterplan ġdid għal Paceville.

Din hi wegħda li kienet skartata kompletament!   

Kien ukoll ġie mwiegħed li l-Masterplan il-ġdid ma kienx ser ikun imniġġes minn kunflitti ta’ interess. Tgħid din il-wegħda ser tkun injorata wkoll?