Editorjal | Sagħtejn u nofs wara...u bqajna fejn konna

Il-Parlament iltaqa’ biex suppost jiddiskuti l-ftehim tal-isptarijiet, imma ftit li xejn twieġbu mistoqsijiet...għalhekk qed nerġgħu nistaqsu

Albert Gauci Cunningham / 22 ta' Jannar 2018 21:07
Ġimagħtejn ilu, dan l-ispazju editorjali kien kollu kemm hu ddedikat għall-bejgħ ta’ Vitals Global Healthcare (VGH) lil Steward Healtcare, kif ukoll il-bejgħ ta’ tliet sptarijiet lil VGH fl-2015.

Din il-ġimgħa l-Parlament iltaqa’ biex suppost jiddiskuti dan il-ftehim, imma minflok twieġbu mistoqsijiet pertitenti dwar il-bejgħ fl-2015 u l-ftehim ma’ Steward Healthcare kellna attentat biex ikunu diskussi kisbiet li m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ dawn il-kuntratti.

Li taħt Gvern Laburista naqsu l-waiting lists b’mod konsiderevoli kif naqsu b’mod konsiderevoli l-mediċini out-of-stock jidher illi huwa fatt li kważi ħadd mhu jinnega. Dan minnu nnifsu huwa ċertifikat pożittiv tal-immanniġġjar u sistemi aħjar li daħħal dan il-Gvern fl-isptar Mater Dei. L-istess għat-titjib fl-isptar ta’ Għawdex; il-fatt li numru ta’ trattamenti issa qed isiru Għawdex, huwa xi ħaġa pożittiva.

Il-fatt li l-Gvern jixtieq illi jidħol jaħdem mal-privat mhux fattur negattiv anqas, anzi. Sħubija mal-privat hija xi ħaġa pożittiva, imma meta ssir sew u meta nkunu ċerti illi se nagħtu proprjetà ta’ pajjiż f’idejn nies li se jagħtuna xi ħaġa aħjar. F’idejn nies li huma kapaċi, esperjenzati, bi track record tajjeb u li anke jekk l-għan tagħhom jibqa’ l-profitt, dak l-għan jintlaħaq billi s-servizzi jitjieb. Billi l-miri jinżammu.

"Sħubija mal-privat hija xi ħaġa pożittiva, imma meta ssir sew u meta nkunu ċerti illi se nagħtu proprjetà ta’ pajjiż f’idejn nies li se jagħtuna xi ħaġa aħjar. F’idejn nies li huma kapaċi, esperjenzati, bi track record tajjeb"
Dan sar bil-VGH? X’ħadna lura f’dawn is-sentejn? Żammewhom l-obbligi tagħhom il-VGH? Jekk ma żammewx l-obbligi tagħhom, kif il-Gvern ma daħalx biex jara illi l-kuntratt għadu validu? Fejn marru l-flus li ħadu VGH? Aċċertajna li din il-kumpanija ma ratx il-proprjetà li għaddejnielha biss bħala tranżazzjoni finanzjarja?

Sagħtejn u nofs ta’ dibattitu Parlamentari ma weġibx il-mistoqsijiet. Sagħtejn u nofs wara, konna għorrief dwar l-assi ta’ pajjiżna daqs sagħtejn u nofs qabel.

Ġimagħtejn ilu din il-gazzetta kienet staqsiet dawn il-mistoqsijiet;  Meta sar jaf il-Gvern li Vitals iridu jbigħu? Għalfejn m’għamilx din l-intenzjoni pubblika? Għaliex wara madwar 20 xahar biss Vitals iridu jbigħu? Għax m’għandhomx finanzi? Għax din kienet avventura ta’ ‘start-up’ li falliet? Sar ‘due diligence’ biżżejjed? Jaf il-Gvern fiċ-ċert min huwa s-sid ta’ din il-kumpanija li wara kollox ħadu proprjetà pubblika? Għalfejn il-unjins ma ġewx ikkonsultati malli l-intenzjoni ta’ Vitals kienet ċara? Kemm ħadu flus Vitals? Intalbu jagħtu rendikont tal-flus li ħadu? Veru li biegħna t-tagħmir għal €1 biss? Dan għaliex? Min iddeċieda li €1 biżżejjed?

"Meta sar jaf il-Gvern li Vitals iridu jbigħu? Għalfejn m’għamilx din l-intenzjoni pubblika? Għaliex wara madwar 20 xahar biss Vitals iridu jbigħu? Sar ‘due diligence’ biżżejjed? Jaf il-Gvern fiċ-ċert min huwa s-sid ta’ din il-kumpanija li wara kollox ħadu proprjetà pubblika? Għalfejn il-unjins ma ġewx ikkonsultati?"
Għalfejn il-Gvern ma talabx li jerġa’ jibda l-proċess mill-ġdid? Għalfejn ma talabx li jsir proċess kompetittiv ta’ għażla? U fl-aħħar mill-aħħar, x’sens jagħmel li għażilna kumpanija tajba issa u mhux waħda tajba mill-ewwel?

Hawn xi ħadd li jista’ jgħidilna, onestament, illi waħda minn dawn il-mistoqsijiet ġiet imwieġba? Għax f’sagħtejn u nofs ma twieġeb xejn u kulħadd baqa’ fejn kien, jipprova jiddeċifra eżatt x’qed jipprova jgħid il-kap tal-Oppożizzjoni u kif għall-PM li tistaqsi u titlob informazzjoni dwar kumpanija privata li tingħata tliet sptarijiet pubbliċi, hija b’xi mod ‘att kontra l-privat’.

Daqslikieku l-Partit Laburista meta kkritika bla waqfien, u ġustament, il-privatizzazzjoni tal-Mid Med Bank (biex nagħtu eżempju minn ħafna) kien qed jagħmel hekk ‘għax kontra l-privat.’ Għamel hekk għax kellu raġun; il-prezz li bih mar bank pubbliku ma kienx jirrifletti dak li verament jiswa dan l-ass tal-poplu, li jekk ma tridx kien qed jagħmel il-flus.

Il-privat mhux xi baqra sagra, sempliċiment għax huwa l-privat. U allura l-mistoqsijiet jeħtieġ isiru u jeħtieġ jitwieġbu.

Sagħtejn u nofs fil-Parlament ma serva għal xejn, ħlief biex min huwa Nazzjonalist jirriaferma l-messaġġ tal-Kap u min huwa Laburist, tal-mexxej. U kulħadd baqa’ fejn kien.

U ilbieraħ, biex tgħaxxaq, il-gazzetta The Sunday Times irrapurtat kif sa qabel ma biss ħarġet is-sejħa għall-interess kien diġa ġie iffirmat Memorandum of Understanding, ma' Mark Pawley, li jmexxi il-kumpanija Bluestone, Holding Company tal-kumpanija Vitals. Kif ħadd mill-Gvern ma wieġeb? Iva, informazzjoni daqstant dannuża, ma ħaqqhiex risposta, kjarifikazzjoni jew ċaħda? Nuqqas ta' reazzjoni tfissser biss li r-rapport huwa kollu kemm hu minnu u allura li l-affari hija ferm iktar tinten, milli diġa hi. 

"Daqslikieku l-Partit Laburista meta kkritika bla waqfien, u ġustament, il-privatizzazzjoni tal-Mid Med Bank (biex nagħtu eżempju minn ħafna) kien qed jagħmel hekk ‘għax kontra l-privat"
Għalhekk nemmnu li lil hinn mid-diskorsi magħmulin biss biex jogħġbu lil min jemmen naħa jew oħra, mingħajr ma jistaqsi, hemm bżonn li permezz tal-investigazzjoni tal-Awditur, u jekk hemm bżonn lil hinn minn hekk, jitwieġbu l-mistoqsijiet li qed isiru f’dan l-editorjal.

Fl-interess tiegħek, l-ewwel u qabel kollox.

Valletta 2018...

Ilbieraħ il-Belt Valletta saret il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura. Dan huwa unur kbira għal pajjiżna u għall-belt kapitali ta’ pajjiżna, Valletta.

Ma niddejqu xejn ngħidu illi l-Belt Valletta hija waħda mill-isbaħ bliet Ewropej u matul dawn ix-xhur, iktar minn qatt qabel se titpoġġa f’vetrina, biex kulħadd jammira l-istorja rikka ta’ pajjiżna.

Huwa ferm xieraq li d-daħla tal-Belt, permezz tal-Pjazza tat-Tritoni, issa ngħatat id-dehera li jixirqilha.

Jalla dak li nbeda, l-injezzjoni tal-ħajja fil-Belt Valletta ma tispiċċa qatt.

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.