Ir-relazzjoni bejn Microsoft u l-Gvern tkompli tissaħħaħ

Rappreżentanta ta' Microsoft f'taħdidiet mal-Gvern fuq it-teknoloġija emerġenti

Staff Reporter / 19 ta' Jannar 2018 18:16
Hekk kif Microsoft din is-sena tfakkar il-15-il anniversarju tagħha f’Malta, il-kumpanija kompliet tisħaq l-impenn li tkompli tgħin lil Malta biex tfassal l-istrateġija nazzjonali ta’ l-ICT fil-livell li jmiss.

Dan qalitu Peggy Antonakou, il-General Manager ta’ Microsoft għall-Greċja, Ċipru u Malta waqt laqgħa li kellha mal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Waqt din il-laqgħa li għaliha attenda wkoll is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri, Antonakou tkellmet b’mod pożittiv ħafna dwar l-inizjattivi li qed jittieħdu sabiex jissaħħaħ is-settur lokali ta’ l-ICT. Peggy Antonakou, kienet akkumpanjata wkoll minn Stavros Alexakis, Public Sector Lead ta’ Microsoft għar-reġjun u minn Kevin Schembri, Enterprise Account Executive għal Malta.

Huma ddiskutew diversi aspetti marbuta mat-teknoloġija tal-mument u dik emerġenti fosthom l-infrastruttura tal-‘cloud’, l-intelliġenza artifiċjali, l-Big Data u l-Blockchain.

Silvio Schembri saħaq l-impenn tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ ir-relazzjoni ma’ Microsoft. Huwa qal li mistennija jsiru iżjed laqgħat bejn Microsoft u s-Segretarjat Parlament sabiex jiġu stabbiliti inizjattivi ġodda imfassla fuq l-ambizzjoni ta’ Malta li tkun fuq quddiem nett fis-settur ta’ l-ICT fir-reġjun.

F’Malta, Antonakou ltaqgħet ukoll ma’ rappreżentanti tal-MITA u għadd ta’ msieħba u klijenti oħra ta’ Microsoft.