Rakkont | Min jaf... kieku... min jaf?

Rakkont mill-pinna tal-awtriċi Sharon Calleja

Sharon Calleja / 24 ta' Jannar 2018 16:20
Kienet waħda minn dawk il-ġranet li Lee kien ħass il-bżonn li kellu joħroġ jagħmel żewġ passi. L-arja tqila li kien qed iħoss fid-dar, kienet saret kważi toħonqu.

Ma kienx ġuvnott ikrah. Pjuttost ftit stramb. Imma mhux għax kien hekk minnu nnifsu. Huma kienu ġegħluh iħossu hekk. Il-ġuvintur l-oħra li kien hemm l-iskola tiegħu. Forsi għax ħadd ma kien jifhmu... forsi għax kienu jgħiru għalih għax dejjem kien imur aħjar minnhom fl-eżamijiet... jew forsi għax kien xi ftit eċċentriku.

Imma hu, hu kulma ried li jkun maħbub.

U issa li kien spiċċa l-kors ta’ studju li kellu jagħmel, kien qed iħossu aħjar. Għax ma kienx ser ikollu jħabbat wiċċu aktar magħhom. Ma’ dawk l-istudenti l-oħra li kienu għamlulu ħajtu infern.

Imma issa kien ser ikollu jerġa’ jgħaddi sajf waħdu. Fejn kellu jaqbad imur, mingħajr ma kellu lil ħadd ma’ min joħroġ, ma’ min jiltaqa’...

“Kieku saqajja għadhom tajbin, kont niġi miegħek,” kienet qaltlu nanntu aktar kmieni. Nanntu kienet taf li Lee kien ġuvni ta’ natural ħelu. L-unika problema li kellu kienet li ma kienx jemmen fih innifsu. Forsi minħabba l-fatt li kien tilef il-ġenituri ta’ età verament żgħira. U t-trawma kienet affettwatu hekk. Kien għad għandu tliet snin u ħlief żewġt uċuħ familjari jitbissmu fuq ritratt fl-intrata tan-nanna, ma kien għadu jiftakar kważi xejn. Issa kienu diġà skorrew ħmistax-il sena minn dak il-lejl.

Eżatt malli dar il-liwja li kienet tagħti lejn il-pjazza tar-raħal, beda jdoqqlu l-mowbajl fil-but. Fil-bidu, lanqas biss kien semgħu. Kien hemm ħafna storbju; karozzi u trakkijiet għaddejjin, nies ipaċpċu minn maġenb il-ħwienet, trakk mimli ħut imdawwar bin-nies jixtru, Pinu u Leli, li dejjem kont issibhom f’nofs iz-zuntier izekzku fuq in-nies, u donnhom biex jikkumplimentaw mal-ħsejjes kollha, kien hemm l-għasafar qegħdin isaffru fis-siġar kbar li kien hemm fin-nofs tal-pjazza. Imma f’nofs dan kollu, sema’ l-unika mezz ta’ teknoloġija li kien juża hu, idoqqlu fil-but.

Għajnejh tberrqu ftit għax in-numru ma għarfux u lil Lee ħadd ma kien iċempillu.

“Ħellow?” għajjat fil-mobajl ħalli jkun ċert li kienu semgħuh fost dak l-għagħa kollu.

“Għażiż Lee...” beda jisma’ leħen maskili jgħidlu. “Inti intagħżilt fost l-applikanti kollha sabiex tibda taħdem magħna.”

“Eħe?” tbellah.

Dak ix-xogħol. Dak ix-xogħol li kien applika għalih! Min qatt kellu jgħidlu li l-unika xogħol li kien applika għalih, kienu għażluh mill-ewwel? Lilu?

“Inti tifel bravu!” sema’ kważi leħen nanntu tgħidlu. Dejjem hekk kienet sejra.

Lee ħass qalbu tfur bil-ferħ!

Kien ser ikun jaħdem bħala assistent f’ħanut prestiġġjuż tal-kotba! L-iżjed ħaġa li kien iħobb jagħmel! Ix-xogħol li kien studja għalih!

“Grazzi!” għajjat fil-mowbajl u dar lura lejn daru, jiġri kemm jiflaħ ħalli jagħti l-aħbar lill-għażiża nanntu, li kienet l-unika persuna li kienet tagħti kasu.

Pinu u Leli daru jħarsu lejh għax malli rawh jitlaq jiġri b’kemm kellu saħħa lura minn fejn kien ġie, kienu ħasbuh li kien tilef xi skorfina minn moħħu.

U dakinhar...

Dakinhar li kellu jibda xogħol, kien dam jipprepara mhux ftit. Kien mar għand Toni l-barbier, qata’ xagħru, xtara tibdila pulita, li kienet ser isservih bħala waħda mit-tibdiliet li kien ser jilbes fil-ħanut, qaxxar il-ftit leħja mill-ġnub li kienet bdiet tikber ftit żgħira, u dellek nofs ġismu bil-fwieħa.

Ried jagħti impressjoni tajba.

U malli fetaħ il-bieb tal-ħanut, ħass qalbu trid toħroġ minn ġo sidru.

Ir-riħa tal-kotba; karti ġodda u antiki mħallta ma’ xulxin mogħnija bil-linka. Il-kuluri sbieħ tal-kotba differenti, impoġġija b’sengħa u ħila kbira fuq l-ixkafef li kienu jgħattu kull parti tal-ħanut kbir, kollha fl-ordni tagħhom taħt kartelluni puliti bl-isem tas-suġġetti vasti, xkaffar fin-nofs tal-ħanut f’ringiela sħiħa minn quddiem sa’ wara. Dan il-ħanut kien armat b’kotba tat-tfal, tal-kbar, kotba xjentifiċi, oħrajn tal-lingwi... u dak kollu li wieħed seta’ qatt jimmaġina.

Għal mument, Lee waqaf hemm bilwieqfa b’ħalqu miftuħ, idawwar rasu minn naħa għal oħra.

“X’għandek bżonn?” staqsieh ġuvni li kien qed iħares lejh minn bejn in-nuċċali, wara l-bank, eżatt faċċata tiegħu.

“Jien biex nibda naħdem hawn,” wieġbu hu jlaqlaq xi ftit bl-eċitament.

“Lee?” staqsieh dan il-ġuvni. “Jien Rudy. U dik... dik Ylenia.”

U ħarset lejh għall-ewwel darba.

“Ylenia.” Kien kważi xeraq biex jipprova jgħid isimha.

Ylenia kienet l-isbaħ tfajla li qatt kien ra. F’ħajtu kollha.

U hi, tbissmitlu minn taħt għaliex dehret li kienet ta’ ftit kliem.

U minn dakinhar. Lee ħassu jagħmel parti minn dan il-ħanut. Kuljum kien imur għal qalbu x-xogħol. Forsi għax kien jogħġbu, jew forsi għax kien ikun hemm Ylenia. Iva, aktar għax kien ikun hemm Ylenia.

Dejjem xtaq ikellimha. Xtaq isaqsiha ftit fuqha nnifisha, iżda kien jistħi. Kien jistħi wisq.

“Min jaf... kieku... min jaf...?” kien beda jgħidilha.

U hekk malli ħarset lejh, beda jħoss id-demm tiela’ għal rasu.

“Biex nixtri ktieb,” kważi bela’ lsienu bil-mistħija.

Ylenia tbissmitlu. Dawk l-għajnejn kannella kbar u sbieħ, dik il-ġilda bajda fina, dawk ix-xufftejn żgħar u puliti.

“Ingeżwirulek?” qaltlu. Għax hi kienet taf tgeżwer il-kotba b’sengħa kbira u anke Rudy lilha kien iqabbad biex tgeżwirhom.

“Iva,” weġibha Lee, wisq mistħi. U telaq ’il barra jgerger miegħu nnifsu.

Ried isib il-kuraġġ. Il-kuraġġ sabiex jgħidilha. Jgħidilha li kienet togħġbu! Imma kif seta’ jsib il-kuraġġ biex jgħidilha hekk meta lanqas kuraġġ ikellimha ma kellu?

“Min jaf...” reġa’ beda jgħidilha l-ġurnata ta’ wara.

Malli daret tħares lejh, reġa’ qalilha li ried jixtri ktieb. U hi kienet aċċettat li tgeżwirulu mill-qalb.

U hekk kien spiċċa, li kuljum kien ikun ser ikellimha, u minflok ma jibda jsaqsiha fuqha nnifisha, kien jgħidilha biex tgeżwirlu ktieb.

“Kemm qed tinteressa ruħek f’kotba!” kienet qaltlu nanntu b’ton sarkastiku, hekk kif ratu dieħel id-dar bi ktieb ieħor imgeżwer f’idejh u jwaddbu ġol-kaxxa tal-kartun li kellu f’kamartu, li ftit ftit kienet qiegħda timtela b’kotba mgeżwrin u li qatt ma kien jiftaħ.

“Aqtagħha nann!” weġibha kważi urtat.

Nanntu berrqet lejh minn taħt il-lenti li kienet tuża biex tirrakkma.

“Jekk qed tibża’ għal ilsienek, tibqax...” qaltlu.

Lee nħasad.

“Il-ħajja qasira, Lee. U inti taf dan daqsi... is-snin igerrbu. Ma jistennew lil ħadd. Jekk għandek tagħmel xi ħaġa llum, tistenniex għal għada.”

Lee għamlilha iva b’rasu u ddeċieda li l-għada kien ser jagħmel mezz ikellem lil Ylenia.

“Min jaf...kieku... min jaf?” staqsieha l-jum ta’ wara.

Kienu qegħdin f’mument kwiet li ma tantx kien hemm nies fil-ħanut u Lee sab ix-xoqqa f’moxta.

“Xiex?” staqsietu hi, b’dik il-ħarsa li kien tant sar iħobb.

“Biex tgeżwirli ktieb ieħor, jekk jogħġbok.” Kien kważi beda jirrabja miegħu nnifsu.

“Tidher li tħobb taqra,” weġbitu.

U mar lura lejn id-dar jagħfas il-ktieb imgeżwer f’idu.

L-għada, kien iddeċieda li jgħidilha żgur.

“Min jaf... kieku... min jaf?” beda jsaqsiha.

“Ingeżwirlek ktieb,” qatgħetlu d-diskors hi.

U qabad taha ktieb li ġie għal idejh u beda jgerger minn taħt.

Iżda dakinhar...

Dakinhar, li kien jaħbat il-Ġimgħa filgħaxija, kien irnexxielu jikteb in-numru tal-mowbajl tiegħu fuq biċċa karta. U poġġa l-karta fuq il-bank ħalli malli jneħħi l-ktieb l-imgeżwer setgħet tarah.

U hi rat in-numru, hekk kif Lee telaq ’il barra mill-ħanut b’rasu mgħaddsa bil-mistħija.

Ylenia qabdet il-karta li kien ħallielha minn fuq il-bank u baqgħet tħares hemm bilwieqfa, b’idejha tirtogħod.

U eżatt malli sebaħ il-Ħadd filgħodu, Lee rċieva telefonata.

“Lee...” ħass qalbu trid toħroġ minn ġol-qafas ta’ sidru.

“Ylenia...”

“Inħobbok. Grazzi.”

U qatgħet il-linja.

Għalkemm beda jipprova jċempel lura dak in-numru kemm-il darba, Ylenia ma qabditux u Lee kien beda jirrassenja ruħu li hi ma kellhiex interess fih.

U għalhekk stenna sat-Tnejn filgħodu.

Iżda xħin mar lura x-xogħol, Ylenia ma kinitx qiegħda hemm.

“Ylenia mhix xogħol illum?” staqsa lil Rudy, li kien qed jirranġa xi kotba fuq xi xkaffa.

“Mela ma smajtx?” staqsieh dak xi ftit inkwetat.

Lee għamillu le b’rasu.

“Smajt fuq l-aħbarijiet li eżatt malli telqet minn hawn il-Ġimgħa filgħaxija tajritha karozza. U wara li kienet gravi, ilbieraħ mietet!”

“Mietet?” staqsieh Lee kważi jaqta’ n-nifs.

Mingħajr ma qagħad jaħsibha darbtejn, infaqa’ jibki, seħet lilu nnifsu u telaq jiġri lejn id-dar. Qabad il-kaxxa l-kbira tal-kartun, li kienet mimlija kotba u beda jċarrat il-karti li kienu mgeżwrin fihom.

Inħasad.

Kull ktieb, kull wieħed kellu nota!

Lee beda jqatta’ u jqatta’... isib iżjed noti. U iżjed noti. Nota għal kull ktieb illi hu kien xtara.

“Jiena għandi grazzja miegħek... jekk tkun trid li niltaqgħu, dan in-numru tiegħi.”

“Min jaf... kieku... min jaf... kieku kellna noħorġu waħda flimkien jiena u inti?”

“Illum bdejt taħdem magħna. U jiena nixtieq insir nafek aħjar.”

“Jiena nistħi ngħidlek dak li nħoss għax nibża’ li m’għandekx grazzja miegħi.”

Lee baqa’ mbellah. Qatt ma stenna li Ylenia kellha grazzja miegħu hi wkoll. U li issa... issa kien tard wisq.