Films ġodda li ħerġin din il-ġimgħa

Films li se jibdew jintwerew fis-swali taċ-ċinema din il-ġimgħa

Carmel Bonnici / 16 ta' Jannar 2018 20:26
Darkest Hour

Atturi Ewlenin: Gary Oldman; Kristin Scott Thomas; Lily James; Stephen Dillane; Ronald Pickup; Ben Mendelsohn.

Direttur: Joe Wright.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 131 min.

Ċert. P.G.

Il-figura enigmatika ta' Winston Churchill tibqa' żgur tiddomina l-qalb tal-poplu Brittaniku. Dan il-bniedem ta' temperament qawwi, ta' qilla u furja palpabbli, oratur eċċezzjonali, f'ħin qasir wara jinbidel, isir mans u kważi jlaqlaq quddiem martu, Clementine, li taf b'abbilità kbira kif tikkontrollah, sab ruħu Prim Ministru tar-Renju Unit, meta kulħadd tilef il-fiduċja f'Neville Chamberlain, il-Prim Ministru ta' qablu, li m'għarafx il-malizzja ta' Adolph Hitler li jrid jaħtaf l-Ewropa taħt idejh.

‘Darkest Hour’ jirrakkonta kif dan il-bniedem ta' fibra, baqa' jsostni, wara l-waqgħa ta' diversi pajjiżi Ewropew taħt il-ħakma Nazista, li l-Gran Brittanja qatt m'għandha ċċedi lil tirann ta' din il-kwalità, minkejja oppożizzjoni ħarxa minn Lord Halifax u minn Chamberlain ukoll. Wara laqgħa mar-Re Ġorġ VI, li qabel stqarr ma' Churchill li jbeżżgħu hu jieħu l-parir tar-Re u jindaga personalment x'inhu l-polz tan-nies komuni. B'hekk, fl-aħħar jispiċċa bl-aqwa diskors tiegħu ta' nkoraġġiment, ‘Niġġieldu l-għadu fuq l-art, fl-ajru, fuq il-baħar...’, fejn qala' applaws kbir anki fil-Parlament.

Gary Oldman, bi bravura kbira, rassew jinkarna l-persuna kumplessa ra din l-ikona tal-istorja, bil-manjieri kollha attribwiti lilu. Ir-relazzjoni ta' bejnu u s-segretarja mbeżża' u żagħżugħa tiegħu, Elizabeth Layton (James), li wara kitbet ktieb fejn tiddeskrivieh bid-dettal, diġà rajnieha f'‘Churchill’ (2017), però hawn f'parti aktar elaborata. ‘Darkest Hour’ jiddeskrivi wkoll il-ħila ta' Churchill fl-evakwazzjoni tas-suldati mix-xatt ta' Dunkirk, kważi b'suċċess sħiħ. Waqt li nħossuna bħala spettaturi ta' dan il-perjodu ikrah tal-istorja moderna, qegħdin insegwuh b'manjiera grandjuża.

 

Insidious: The Last Key

Atturi Ewlenin: Lin Shaye; Angus Sampson; Leigh Whannel; Josh Stewart; Bruce Davison.

Direttur: Adam Robitel.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 103 min.

Ċert: 15.

Is-sensiela tas-soprannaturali u l-biża', ‘Insidious’ mill-moħħ tal-produtturi tas-serje oħra ta' suċċess, ‘Saw’ , waslet fir-raba' puntata tagħha b'‘Insidious: The Last Key’. Dan l-episodju ġdid jimxi kronoloġikament mal-istorja ta' ‘Insidious, Chapter 3’ tal-2015. Għal darb'oħra, fil-parti prinċipali nsibu lil Lin Shaye, li tassew saret addattata ġo dawn il-kwalitajiet ta' xogħlijiet, bħala l-parapsikoloġista Elisa Rainier.

Din id-darba d-dehriet imsaħħrin se jseħħu fid-dar tagħha stess fejn għaddiet tfulitha u naraw l-avventuri makabri li għaddiet minnhom bħala tifla u wara li laħqet l-età taż-żogħżija. Fil-parti ewlenija bħala adulta, Shaye terġa' tagħti nterpretazzjoni sodisfaċenti li tgħolli xi ftit il-livell ta' din il-produzzjoni. Żewġ atturi żgħażagħ oħra jinterpretawha fi ‘flashbacks’ bħala tifla u wara tfajla. Il-kittieb tal-istorja hu Leigh Whannel li għandu parti sekondarja f'dan il-film dirett minn Adam Robitel.