Opinjoni | Iva għat-tajjeb... Le għall-ħażin

Ta’ kuljum irridu nagħmlu għażliet żgħar li xi drabi jwassluk tagħżel għażliet ferm akbar

Ivan Bartolo / 13 ta' Jannar 2018 15:42
Fil-ħajja pubblika, mhux kulħadd dejjem iċapċaplek. Inħoss li dan huwa sinjal tajjeb. Sakemm dak li nikteb u ngħid nemmen fih ming ħajr spirtu ta’ biża’. Però onestament mhux dejjem togħġob lil kulħadd.

Ċerti argumenti bħal sikkina taqta’ minn żewġ naħat. Però bħala politiku, trid tagħmel dak id-dixxerniment li jwasslek twassal messaġġ għall-ġid komuni. Jiġifieri li jkollok dik il-qawwa fil-kelma tiegħek, li tgħid iva għat-tajjeb u le għall-ħażin. Ta’ kuljum irridu nagħmlu għażliet żgħar li xi drabi jwassluk tagħżel għażliet ferm akbar. Irid ikollok ċertu qawwa fik u argumenti li tqum bilwieqfa mingħajr biża’ u tgħid kif tħossok, b’mod speċjali meta tinduna li int fil-minoranza.

Nirringrazzja ’l Alla li dejjem kelli l-kuraġġ nagħmel dan bla biża’. Trid ħafna qawwa, għax min jaf kemm-il darba jiġu mumenti u l-ħajra li aħjar tibqa’ sieket, u li ma tinbagħadx, ma taqlax polemiċi, tevita milli jidher ismek fuq l-aħbarijiet, tagħmel perjodu fil-ġenb jew fuq wara tax-xena. Komda l-idea, iżda mhux meta jkollok l-għażla tagħżel bejn li tkun onest jew passiv. Jien nagħżel l-ewwel waħda, dik li tkun onest għall-ġid komuni.

Min ikun fidil fil-ftit, ikun fidil fil-ħafna, silta minn fomm Kristu. Għax min ikun leali lejn il-vokazzjoni tiegħu, irid ikun ta’ xhieda. Faċli tiktibha, imma xi drabi taf tkun iebsa. F’ xi mumenti tinħass u tidher rasek iebsa. Filwaqt li dejjem għandek timxi mal-linja tal-partit, ikun hemm mumenti fejn trid tinfluwenza lil dawk ta’ madwarek, waħdek, bilwieqfa, dritt.

Faċli tgħidha, għax taf issib stallett, mhux minn tal-faċċata iżda f’dahrek u minn warajk. Stallett immirat biex jidħol dritt u jmiss il-qalb, jew jaqtgħulek saqajk biex forsi tispiċċa f’qiegħ ta’ sodda biex fi żmien qasir, tispiċċa taqta’ qalbek u żżarma b’mod naturali. Iżda tkun iebsa għalihom jekk fik hemm qawwa inspjegabbli. Tkun faċli għalihom, jekk fik għad hemm spirtu ta’ biża’.

Politiku ta’ veru xi drabi jlaqqatha, imma wara mewtu kulħadd jagħraf il-kapaċità u d-determinazzjoni li kellu. Ixerduhielu li kien raġel ta’ prinċipju, għalkemm probabbli l-istess nies ikunu għamlulu ħsara kbira. L-istess tgħodd għal kull min huwa fil-ħajja pubblika. Tassew li mhux kulħadd iċapċaplek, imma fil-qiegħ ta’ qalbek tħoss paċi kbira.

Kuntent li kont kapaċi tikkontrolla l-ballun. Il-ballun kien f’sieqek! U l-kelma kontroll, hija ferm importanti fil-ħajja politika. Li titkellem f’ħinu u f’waqtu huwa għaqal. Ftit huma dawk li jindunaw b’ dan, imma maż-żmien tibda tħoss il-fiduċja anki minn sħabek viċin tiegħek. Taf toħroġ għalik ix-xafra tal-moħriet, u f’ għajnejn il-maġġoranza taf tidher ġidra, ġifa injorant, beżżiegħ u kodard. Iżda għall-prinċipju, u għax mimli għerf u dehen tagħmilha akkost li tidher dgħajjef.

L-appell tiegħi lill-qarrejja ta’ rieda tajba ta’ dan il-ġurnal ILLUM huwa biex jagħrfu aħjar il-ġudizzju pront fuq il-politiċi u fuq dawk li huma f’ras il-għajn. Mhuwiex ta’ gost li tkun tispikka minn oħrajn. Mhux dejjem huwa l-każ li politiku jagħżel triq differenti minn dik ta’ sħabu biex ipattiha lill-Kap tiegħu jew lil xi ħadd minn sħabu jew għal gwadann politiku.

Filwaqt li jżeffen fin-nofs il-kuxjenza, inħoss li jkun hemm ħafna aktar minn hekk. Xi drabi jkunu jridu jiġbdu l-attenzjoni li huma parti mill-grupp. Il-messaġġ li jkunu jridu jwasslu mhux dejjem jasal kif suppost. Xi drabi dawn it-talin jeħtieġu appoġġ u parir tajjeb. Aħna lkoll obbligati ngħinuhom u nappoġġjawhom bil-preżenza tagħna u anki b’xi kelma ħelwa, anki jekk kapaċi jeħduna bl-aħrax.

Aħna obbligati ma nħallu lil ħadd jidħol dritt għal ġol ħajt. Dan huwa obbligu tagħna lkoll, mingħajr ma nwasslu l-ebda messaġġ milli nwaqqfu jew ninkoraġixxu lil dak li jkun milli jwassal il-verità. Il-verità teħlisna, akkost li nasal fi tmiem il-karriera. Nippreferi jum bilwieqfa milli għomri għarkopptejja. Mill-ftit esperjenza li għandi fil-politika, mhux dejjem issib min iċapċaplek, pjuttost issib aktar lil dawk li jogħxew iċapċpuhielek.

Magħruf l-aktar bħala preżentatur tar-radju u t-televiżjoni, l-aktar fi programmi ta' ġeneru soċjali. Kellu diversi esperjenzi l-aktar f'xogħol komunitarju magħruf aħjar bħala żvilupp fil-Komunità. Kien Editur għal sentejn sħaħ ta' gazzetta lokali li kienet titqassam b'xejn darba fil-ġimgħa. F'Ottubru li ġej jippubblika l-ħolma li dejjem kellu, l-ewwel ktieb tiegħu bl-isem ta' "Jien Miljunarju."