Films ġodda li ħerġin din il-ġimgħa

Films li se jibdew jintwerew fis-swali taċ-ċinema din il-ġimgħa

Carmel Bonnici / 10 ta' Jannar 2018 19:28
Ritratt | All the Money in the World
All the Money in the World

Atturi Ewlenin: Michelle Williams; Christopher Plummer; Mark Wahlberg; Charlie Plummer; Romain Duris; Timothy Hutton.

Direttur: Ridley Scott.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 132 min.

Ċert. 15

Id-direttur Ridley Scott reġa' għamilha! Din id-darba fuq storja vera li ġrat fl-1973 u li ħalliet lis-semmiegħa u qarrejja ta' dak iż-żmien issummati jistennew x'se jseħħ. ‘All The Money In The World’ jitratta l-ħtif ta’ ġuvni ta' 16-il sena, John Paul Getty III [Charlie Plummer] f'Ruma minn gang li talbu rahan qawwi biex jeħilsuh. Però, il-film iżjed jiffoka fuq l-attentati ddisprati tad-devota ommu Gail [Williams], biex tikkonvinċi lill-biljunarju nannuh, J. Paul Getty Sr. [Christopher Plummer] biex ihallas din is-somma. Ix-xwejjaħ għalkemm għandu flus kemm jesa ġildu, hu interessat u jirrufta bil-qawwa.

Iż-żmien beda għaddej, Getty Sr. baqa' jwebbes rasu u dawk li qabbduh xebgħu jistennew u saru brutali. Il-ħajja tat-tfajjel tkun mhedda bil-kbir, hekk kif Gail u Fletcher Chase [Wahlberg], dak li jagħtiha l-pariri jingħaqdu flimkien b'urġenza f'ġirja sfrenata kontra l-ħin, azzjoni li turi l-importanza tal-imħabba kontra l-fissazzjoni tad-tfaddil esaġerat tal-flus. B'ħila kbira, Scott jirnexxilu jżomm l-udjenzi fuq ix-xwiek għal kważi sagħtejn u kwart. Christopher Plummer, li daħal għal din il-parti tal-rgħib, Getty Sr li jingħad li kien wieħed mill-aktar sinjuri li qatt eżistew, minflok Kevin Spacey li tneħħa, f'ġimgħa lesta kollox u tassew jikkonvinċi fl-irwol tiegħu.

Ridley Scott ukoll ħaqqu prosit, imma tiddomina bil-wisq fuq kulħadd u tassew hi maestuża, b'kalma kbira fuqha, mingħajr sentimentaliżmu, iżda tidher mill-ġesti ta' wiċċha emozzjonanti u mnikkta minn ġewwa, hi l-meraviljuża Michelle Williams. L-aħħar xena tagħha tassew tesprimi volum kbir ta' sentimenti varji. Id-diċerija tal-attur tal-passat, WC Fields ‘A rich man is nothing but a poor man with money’ tassew tixraq lill-karattru ta' J. Paul Getty! Titilfuħx!

 

Ritratt | Molly's Game
Molly's Game

Atturi Ewlenin: Jessica Chastain; Idris Elba; Kevin Costner; Michael Cera; Chris O'Dowd

Direttur: Aaron Sorkin

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 140 min.

Ċert. 15

Jessica Chastain uriet kemm hi attriċi ta' stoffa u ta' livell għoli professjonali meta ħadmet, fost oħrajn, f'‘Miss Sloane’. B'hekk il-produtturi raw kemm hi addattata biex tieħu parti oħra ta' imtegrità, ta' mara indipendenti u kariżmatika, Molly Bloom, fil-film ‘Molly's Game’. Il-preżenza ta' din il-mara f'dan ix-xogħol ibbażat minn fuq il-memorji tal-veru Molly Bloom, tinħass matulu kollu, kemm meta tlissen kliem b'ħeffa jew tirrakkonta hi stess kull sitwazzjoni li ssib ruħha fiha.

Fl-2003, Molly kienet atleta li tiskija fuq is-silġ, b'ċans kbir li tipparteċipa fl-Olimpjadi, imma minħabba inċident ikrah kellha tabbanduna din id-dixxiplina sportiva. Malajr sabet impieg għas-sajf tieħu ħsieb klijenti sinjuri u anki rinomati, fosthom atturi ta' Hollywood li hawn jibqgħu anonimi, f'logħob illegali tal-poker għall-flejjes kbar. F'dan ix-xogħol saret sinjura mit-tips li taqla' u għamlet għaxar snin ta' lussu u ta' suċċess glamoruż.

L-iżball tagħha wasal meta ħajret lill-Mafja Russa fuq l-imwejjed tal-logħob. Il-liġi wkoll tasal fuqha u jkollha tafda biss fuq l-avukat difensur tagħha, Charlie Jaffy [Elba]. ‘Molly's Game’ tassew juri stampa vivaċi ta' mara ‘smart’ li, b'effiċjenza denja, taġixxi bl-aqwa mod f'dinja maħluqa għall-irġiel.