Mill-Kapitali | Valletta 2018 wasal iż-żmien biex tibda l-festa!

Valletta 2018 hija ċelebrazzjoni eċitanti tas-sena – programm kulturali li jibda fil-belt kapitali tagħna u li jinfirex lejn il-bliet u rħula madwar Malta u Għawdex kollha

Clifford Galea / 5 ta' Jannar 2018 12:50
Is-sena tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura tagħna, 2018, ser tibda fi ftit jiem oħra b’ċelebrazzjoni unika denja tal-Festa tradizzjonali Maltija.

Valletta 2018 hija ċelebrazzjoni eċitanti tas-sena – programm kulturali li jibda fil-belt kapitali tagħna u li jinfirex lejn il-bliet u rħula madwar Malta u Għawdex kollha.

Il-ftuħ tagħha mistenni  jiġbed folol fil-qalba tal-Belt Valletta bil-mużika u d-divertiment, artisti tat-triq u prestazzjonijiet li se jxerrdu l-kelma dwar il-ftuħ madwar it-toroq tal-kapitali, esibizzjonijiet li se jsiru f’diversi postijiet madwar il-Belt, open days li jiskopru mill-ġdid l-ispazji affaxxinanti storiċi tal-Belt Valletta, attivitajiet tal-qari tal-istejjer maħsuba għar-residenti tal-belt u l-ispazji li jużaw, u ħafna aktar.

Valletta 2018 investiet bil-qawwi fi programm li jara l-involviment ta’ madwar 1,000 artist lokali u internazzjonali, kuratur, kollettivi ta’ artisti, mexxejja ta’ ‘workshops’, kittieba, disinjaturi, korijiet u produtturi tal-films.

Filwaqt li numru ta’ artisti internazzjonali qed jikkollaboraw ma’ persuni lokali matul il-programm tal-2018, artisti Maltin qed jivjaġġjaw lejn il-Kapitali Ewropea tal-Kultura ġemella tagħna, Leeuwarden fl-Olanda, kif ukoll lejn bliet oħra f’Ċipru, fil-Ġappun, fil-Polonja u fil-Greċja.

Il-programm tal-2018 huwa bbażat fuq investiment dirett ta’ €10 miljun fis-settur kulturali. Fiċ-ċentru tal-programm tal-2018 hemm bosta proġetti infrastrutturali mfassla biex jevolvu u jespandu lil hinn mill-2018. Fost dawn insibu l-MUŻA, il-Valletta Design Cluster, is-Suq tal-Belt u Strada Stretta. 

Il-Fondazzjoni Valletta 2018 nediet il-Programm Kulturali għall-2018: ġabra ta’ aktar minn 140 proġett u 400 attività li se jseħħu matul is-sena tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura.

Il-programm li se jiftaħ fl-20 ta’ Jannar, b’serje ta’ attivitajiet spettakolari fil-Belt Valletta u l-madwar jistiednu lill-udjenzi biex jieħdu sehem f’din il-festa mifruxa madwar il-gżira. Il-Programm Kulturali huwa inklussiv u varjat, li jinvolvi lil diversi komunitajiet u li jikkonsisti minn proġetti minn dixxiplini differenti, inkluż il-mużika, l-arti viżiva, iż-żfin u l-prestazzjoni, biex insemmu xi wħud.

Matul dawn l-aħħar snin, it-tim ta’ Valletta 2018 kiber minn grupp ta’ ħames persuni għal tim magħqud ta’ 45 individwi jaħdmu fuq bażi full-timepart-time jew freelance.

Fi kliem iċ-Ċermen ta’ Valletta 2018 Jason Micallef: “Ħdimna bla qies biex infasslu programm li jipprovdi opportunitajiet ugwali għal kulħadd; li niżguraw li l-kultura ma tkunx elitista u li l-inklussività ssir mhux biss prijorità, iżda neċessità. Is-sena 2018 twiegħed li tkun żmien li jara l-akbar attività u ċelebrazzjoni kulturali sa mill-Indipendenza ta’ Malta lil hawn”.

Il-Koordinatriċi tal-Programm ta’ Valletta 2018, hija Joanne Attard Mallia li f’kummenti dan l-aħħar qalet: “L-2018 se tkun sena unika.

Qed inħarsu lejn programm b’saħħtu ta’ 12-il xahar maħsub biex jesplora u jkabbar il-fehim tagħna dwar il-kultura u l-arti: billi jgħaqqad tradizzjonijiet, forom ta’ art u kunċetti b’modi innovattivi, u xi kultant mhux tas-soltu.

Kemm jekk bħala artist, bħala parteċipant f’workshop, bħala voluntier ma’ Tal-Kultura, bħala membru tal-udjenza, dan huwa programm li jistieden lil kulħadd biex jipparteċipa, jesperimenta, jikkontribwixxi u jkun parti minnu.”

Id-Direttur Artistiku tal-Avvenimenti Speċjali ta’ Valletta 2018, huwa Mario Philip Azzopardi. F’kummenti tiegħu lill-midja huwa qal li: “Wara snin ta’ ppjanar, preparamenti u xogħol iebes li jinvolvi mijiet ta’ artisti, artiġjani, organizzaturi, tekniċi, voluntiera u doża tajba ta’ rieda u determinazzjoni tajba, wasal iż-żmien biex il-Belt Valletta tagħna tieħu t-titolu ta’ ‘Kapitali Ewropea tal-Kultura’.

Minn Jannar, il-belt se tinbidel f’post għal wirjiet spettakolari internazzjonali u divertiment fit-toroq li jinkludi artisti lokali, mużiċisti, kantanti u żeffiena, kollha kemm huma jikkontribwixxu għal festa għal kulħadd. Wasal iż-żmien; ejja nibdew din il-festa.”

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici tkellem kemm-il darba dwar kif għal dawn l-aħħar snin il-Gvern ħadem flimkien mal-Fondazzjoni Valletta 2018 u entitajiet oħra biex filwaqt li nsaħħu l-kultura f’pajjiżna, inressqu l-kultura eqreb lejn kulħadd bil-għan li tkun aktar aċċessibbli.

B’referenza għat-titlu prestiġġjuż tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2018 li se tkun qed tgawdi l-Belt Valletta s-sena li ġejja, il-Ministru Bonnici kien qal li hu jemmen bis-sħiħ li dan l-avveniment għandu jservi ta’ opportunità biex kulħadd iduq il-kultura fid-diversi aspetti tagħha u jibda jagħtiha post importanti fil-ħajja ta’ kuljum. Il-Ministru Bonnici faħħar l-inizjattiva tal-Fondazzjoni li ttella’ attivitajiet kulturali fil-komunitajiet biex dan ikun jista’ verament isir.

Fi kliem is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista: “Valletta 2018 nistgħu ngħidu huwa l-ikbar avveniment ta’ dimensjoni internazzjonali f’Malta. Avveniment uniku li se jipprometti attendenza qawwija kemm minn udjenzi lokali u kemm minn udjenzi barranin – tant li huwa stmat li f’sena l-udjenzi se jaqbżu l-miljun persuna. Hawn stennija kbira għall-20 ta’ Jannar meta nagħtu bidu għal dan l-avveniment. L-2018 se tkun is-sena tal-Maltin kollha, li bi kburija se jara l-arti, il-kultura, l-istorja u l-lingwa fiċ-ċentru tal-proġett Ewropew.”

Fiċ-ċentru tal-festa grandjuża tal-ftuh ta’ Valletta 2018 nhar is-Sibt 20 ta’ Jannar 2018, insibu l-ferħ, iż-żfin, il-mużika u l-ħolm li jimlew l-erba’ pjazez ewlenin tal-Belt Valletta – Pjazza San Ġorġ, il-Pjazza ta’ San Ġwann, Pjazza Kastilja, u ż-żona madwar il-Funtana tat-Tritoni – fejn il-grupp teatrali Katalan, La Fura dels Baus, se jinvolvi lill-udjenza permezz ta’ akrobaziji ta’ barra, filwaqt li ŻfinMalta joffru prestazzjonijiet taż-żfin kontemporanju.

Matul iċ-ċelebrazzjoni tagħna, il-projezzjonijiet diġitali, l-arti tal-filmati u s-sinfonija tal-kor se jagħtu atmosfera sabiħa u maġika lill-kapitali tagħna. U madwar il-belt kollha, il-baned jivjaġġaw u l-artisti se jwasslu l-festa fit-toroq, filwaqt li jistiednu lir-residenti u lill-viżitaturi minn madwar il-gżejjer Maltin kollha biex jieħdu sehem f’din iċ-ċelebrazzjoni spettakolari.

Ċelebrazzjonijiet oħra fl-okkażżjoni tal-ftuħ ta’ Valletta 2018 se jsiru bejn l-14 u l-21 ta’ Jannar madwar il-Belt Valletta.

Il-Programm Kulturali sħiħ tal-Valletta 2018 jista’ jitniżżel hawnhekk.