Editorjal | L-2017 għallmitna ħafna...

Is-sena li għaddiet uriet kemm id-demokrazija hija xi ħaġa ħajja, imma fraġli wkoll u kemm il-kalma fil-pajjiż u l-libertà tal-espressjoni mhux dejjem huma awtomatiċi

Albert Gauci Cunningham / 2 ta' Jannar 2018 12:32
Is-sena 2017 issa ntemmet u tniżżlet bħala parti mill-istorja. 

Għalhekk ikun tajjeb li f’dan l-editorjal nagħtu ħarsa lejn  l-akbar tagħlimiet politiċi li tat l-2017 lil dawk li jmexxuna, lil dawk li suppost qed jibnu oppożizzjoni b’saħħitha u lilna lkoll, ċittadini, kemm dawk li jaħdmu fil-midja u anke dawk li le. 

L-ewwel u qabel kollox, is-sena li għaddiet urietna kemm id-demokrazija hija xi ħaġa ħajja, imma fraġli wkoll u kemm il-kalma fil-pajjiż u l-libertà tal-espressjoni mhux dejjem huma awtomatiċi. 

Il-mumenti illi fihom kienet ġiet żvelata allegazzjoni sejra fil-konfront ta’ mart il-Prim Ministru, Michelle Muscat u s-sigħat ta’ wara kienu mumenti li fihom l-arja politika qraset u tqalet ħafna.

Id-diskorsi u l-immaġini ta’ Prim Ministru u martu fil-ħabs u l-inkoraġġiment biex il-Pulizija u s-servizzi sigrieti u l-President ‘jagħmlu dak li għandu bżonn isir’ biex jitneħħa Prim Ministru leġittimu, qanqlu biża’ fil-pajjiż li s-sitwazzjoni taf tintilef mill-kontroll.

Għal mument ħafna, anke wħud fil-midja, bdew jistaqsu jekk id-diskors ta’ Simon Busuttil dakinhar kienx kważi għajta biex isir kolp u jitneħħa PM leġittimu, fuq allegazzjoni serja imma s'issa mhux ppruvata. 

Minn dak il-ħin lil hemm il-poplu kellu jassisti għal waħda mill-aktar kampanji elettorali illi fihom iddominat il-qrusa, l-antipatija u f’xi minn daqqiet il-mibgħeda. Il-fatt li bejn iż-żewġ mexxejja politiċi (Muscat u Busuttil) kienet tinħass, kważi kontinwament din l-animożità, ħafna drabi donnha personali m’għenet assolutament xejn.

Biex tgħaxxaq, lejn l-aħħar tas-sena assistejna għall-qtil makabru ta’ ġurnalista, f’attakk bla preċedent fuq persuna li kienet qed tikteb stejjer differenti.

Uħud ibbażati fuq id-diċeriji, il-preġudizzju u l-klassiżmu soċjali, imma oħrajn ibbażati fuq informazzjoni li kienet qed tasal għand DCG u li kienet qed theżżeż mill-pedament lill-Gvern Laburista, lil dak li llum imexxi lill-PN u n-nies ta’ madwaru, lill-kriminali mdaħħlin fi ċrieki differenti mafjużi u lil min qed iħaxxen butu sew.

Għalhekk l-attakk fuq Caruana Galizia kien attakk fuq il-libertà tal-espressjoni. Il-fatt sfortunat li tant u tant nies fittxew li jiġġustifikaw dak li ġara (‘ħaqqha’, ‘min jilgħab man-nar jinħaraq’...) jikkonferma kemm fil-fatt, id-demokrazija hija fraġli. 

Għax il-mument li niskużaw il-ħażen huwa l-mument li nibdew l-aħħar żelqa ’l isfel. Għandna biżżejjed stejjer traġiċi madwarna li għandhom iżommuna dejjem viġilanti.

Fuq in-naħa l-oħra tal-Mediterran għandna eżempju klassiku ta’ kif taħt il-mantell tad-demokrazija jista’ xorta jiżżerżaq dittatorjat bl-abbuż sfaċċat fuq l-istituzzjonijiet u l-attakki feroċi fuq il-midja. Qed nirreferu għall-fatt li eluf u eluf ta’ ċittadini Torok skużaw u għadhom jiskużaw l-oxxenitajiet ta’ Recep Tayyip Erdogan, mingħajr ma qed jindunaw li pajjiżhom qed jiżloq dejjem aktar lejn id-dittatorjat.

Għalhekk il-bżonn ta’ viġilanza. Ma niħdux id-demokrazija, il-libertà tal-espressjoni u speċjalment lill-midja ‘foregranted’. Huwa vera li xi kultant  niżbaljaw. Huwa vera li xi kultant niżgarraw. Imma ftakkru li l-irwol tal-midja hija ta’ għassiesa għal dawk li suppost qed jgħassu. U l-uniċi persuni li ma jridux ġurnalisti ma’ saqajhom huma dawk li għandhom il-faħam miblul. 

Fl-2017, permezz ta’ rebħa storika b’distakk enormi ta’ madwar 36,000 vot, uriet illi l-ekonomija, il-but u l-benesseri tal-individwu, tal-familja u tan-negozju għadhom l-aktar fattur importanti fuq moħħ il-poplu meta jivvota.

Is-sena 2017, fil-fatt kompliet tpoġġi lill-pajjiżna fil-quċċati Ewropej f’termini ekonomiċi, bix-xogħol, l-ottimiżmu fost ħafna fin-negozju, turiżmu rekord,  kif ukoll attività qawwija fil-kostruzzjoni u s-settur tal-proprjetà jkunu fost l-akbar kontributuri għal dan it-tkabbir.

Il-fatt li taħt Muscat, anke jekk mhux għal kulħadd, ir-rota qiegħda ddur u qiegħda ddur tajjeb, kienet raġuni biżżejjed biex il-Partit Laburista jerġa’ jkun elett. 

Imma, u hawnhekk se niftħu parentesi u nfakkru; il-kobor tar-rebħa ma jneħħi xejn u m’għandu qatt ineħħi xejn mill-bżonn ta’ rettezza fil-ħajja politika, trasparenza meta l-politiku jitratta flus u assi tal-poplu, l-umiltà meta l-politiku jitratta man-nies, l-etika f’dak kollu li jitratta l-ħajja pubblika u privata u d-diċenza li titlob kariga pubblika.  

Nawguraw li l-2018, bla ebda elezzjonijiet, tkun sena illi matulha nirriflettu fuq il-bżonn li ntejbu l-klima politika f’dan il-pajjiż filwaqt li bħala poplu nitgħallmu nitolbu aktar; nitolbu standards ogħla.

Nesiġu aktar; nesiġu li nkunu nafu kif qed ikunu mmaniġġjati l-assi ta’ pajjiżna. Ma naqtgħux qalbna li l-bidliet li xtaqna jseħħu. Inkunu viġilanti; Għax meta nkunu attenti ma jkun jista’ jgħaddina minn għajn il-labra ħadd u aktar ħassieba; għax meta naħsbu b’moħħna mhux b’dak tal-partit inkunu verament bdejna ngħixu l-milja tad-demokrazija lil hinn mill-partitokrazija li fgatna fl-2017. 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.