‘Hawn min imur jilgħab id-dar tiegħu jew il-vetturi tax-xogħol’

Min jilgħab ftit u min ħafna. Min jikkontrolla u min jispiċċa kkontrollat. Min jaħseb li m’għandux problema u min tant iħoss li għandu problema kbira li kellu jintrabat biex ma jkunx jista’ jilgħab. L-ILLUM tintervista lill-Priscilla Muscat

Albert Gauci Cunningham / 29 ta' Diċembru 2017 17:53
Il-logħob tal-azzard. Min xi ftit fuq ir-roulette u min imur jilgħab logħba karti. Bejn lotterija u bejn xi ftit ta’ flus fuq logħba futbol jew inkella xi żiemel jew saħansitra fuq il-partit li taħseb li se jirbaħ l-elezzjoni. Imma kemm hu perikoluż il-logħob tal-azzard? U kemm huwa faċli li persuna tiġi vvizzjata mill-logħob? 

Ta’ sikwit, meta nsemmu vizzji, l-ewwel f’moħħna jiġu s-sigaretti, ix-xorb, id-droga u l-logħob tal-azzard. Fil-fatt, dan tal-aħħar, minkejja li hemm ħafna illi jarawh bħala xi ħaġa biss soċjali u xejn gravi jista’ jkollu konsegwenzi serjissimi, mhux biss fuq il-persuna imma wkoll fuq il-familja u l-ħbieb ta’ madwaru. 

Kif fil-fatt tgħid lil din il-gazzetta Priscilla Muscat, il-mara li għadha kif ingħatat l-inkarigu li tmexxi l-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli, r-Responsible Gaming Foundation (RGF). 

Priscilla Muscat, General Manager tal-Responsible Gaming Foundation
Minkejja li għadha ġdida fil-kariga, Muscat hija ferm esperjenzata f’dak li jirrigwarda l-effetti devastanti li jista’ jkollu l-logħob fuq il-ħajja ta’ bniedem jekk jintilef il-kontroll.  Fil-fatt, malli tibda l-intervista, Muscat tgħid illi hija kienet taħdem l-Isptar Mater Dei ma’ persuni li kien ikollhom ordni ta’ trattament,  meta l-vizzju jkun rikeb u kkontrolla l-ħajja tal-pazjent. 

Jiġifieri Muscat qed tgħid li hawn nies li jkollhom jieħdu kura l-isptar jew saħansitra kura psikjatrika minħabba l-problema tal-logħob? 

"56% tal-Maltin xi darba jew oħra, lagħbu flus. Minn dawn iżda huma minn 1% sa 2% biss li għandhom problema serja ta’ vizzju li qed jirkibhom"
Priscilla Muscat
“Hemm diversi tipi u livelli ta’ logħob tal-azzard. Jiena ġejja minn sfond u qasam ta’ xogħol illi fih ngħinu lil min ikollu problema serja. Naturalment, dan ma jfissirx li kull min jilgħab għandu problema serja,” tibda tispjega Muscat lill-ILLUM. 

“Hemm min jilgħab f’okkażjoni, bħala divertita, fil-fatt l-aħħar ċifri juru illi 56% tal-Maltin xi darba jew oħra, lagħbu flus. Minn dawn iżda huma minn 1% sa 2% biss li għandhom problema serja ta’ vizzju li qed jirkibhom.” 

Muscat tiċċara illi b’logħob qed tirreferi għal kull tip; jekk hux logħob fil-Każinò, logħob onlajn, lotteriji u kull tip ta’ logħob ieħor li jinvolvi l-flus. 

Il-problema; soċjali, imma wkoll bijoloġika

Din il-gazzetta tistaqsi x’inhu dak li jagħti pjaċir lill-persuna vvizzjata, tant li tkun trid tilgħab? Huwa l-istess ‘pjaċir’ li tkun qed tfittex persuna li tieħu drogi, bħall-eroina jew il-kokaina, pereżempju?

“Hemm ħafna aspetti. L-ewwel nett hemm l-aspett bijoloġiku. Hemm persuni li jkollhom defiċjenza fis-Serotonin,” tgħid Muscat. Serotonin hija dik il-kimika fil-ġisem uman li bosta riċerkaturi jgħidu li tikkontrolla l-bilanċ fil-burdata, u allura nuqqas tagħha tista’ twassal għal dipressjoni. Muscat tgħid illi n-nuqqas bijoloġiku ta’ din il-kimika tista’ twassal biex persuni jfittxu xi ħaġa li tbiddlilhom il-burdata u li tagħtihom dak l-eċitament li jkollhom bżonn. Tispjega kif hemm kimika oħra, Norepinephrine, li tkun nieqsa jew li jkun hemm defiċjenza fiha f’dawk li jkunu qed ifittxu vizzju. Din il-kimika tipproduċi ormoni u tikkontrolla wkoll sitwazzjonijiet partikolari li jkunu jeħtieġu deċiżjonijiet iffukati. 

“Naturalment għandek ukoll l-aspett soċjali, jiġifieri l-vjolenza, l-inkwiet fil-familja, l-istress u r-riperkussjonijiet finanzjarji u dak kolli li jiġi magħhom.” 

Inwaqqafha hemmhekk, konxju li erġajt ġejt għall-angolu soċjali iktar tard, u nistaqsi lil Priscilla Muscat jekk il-vizzju tal-logħob f’każi estremi hux aċċidentali jew inkella kienx dan il-vizzju partikolari li l-vittma kellha bżonn biex tħossha aħjar. 

Tibda twieġeb billi tfakkar illi, “apparti problema ta’ logħob ħafna minn dawk li jkunu f’qagħda gravi fil-fatt ikollhom ukoll problema ta’ teħid ta sustanzi jew ta alkoħoliżmu, allura l-kura tkun aktar kumplessa.” 

Muscat tispjega kif kuntrarjament għal bosta li jilagħbu għall-gost, min ikun ivvizzjat għal-logħob ħafna drabi lanqas biss jaħseb b’mod raġunat dwar fejn se jitfa’ l-flus, l-aktar jekk ikun xorob jew uża sustnazi. “Ħafna jiddeċiedu fuq dak li jħossu. Iħossu li se jirbħu u jilagħbu l-flus fuq tim, mingħajr ma jkunu attenti lejn kunsiderazzjonijiet oħrajn, bħal min hu fil-fatt l-aħjar tim.”

Imma dan huwa ċirku vizzjuż? Jiġifieri min huwa vvizzjat, huwa hekk minħabba li ra lil xi ħadd fil-familja? Muscat bejn taqbel u bejn le. “Hemm riskju akbar meta jkollok min jilgħab fil-familja. Imma mhux neċessarjament kull min ikun jilgħab ħafna, għax ikun ra lil xi ħadd ieħor fil-familja.”

"Hawn min ġieli poġġa ċ-ċavetta tad-dar għal-logħob, ċ-ċavetta tkun tissimbolizza d-dar, jiġifieri jilagħbu darhom. Jew inkella vann tax-xogħol ta’ kumpanija li jkollhom"
Priscilla Muscat
 

Imma x’inhuma l-kriterji li jiddeċiedu kemm is-sitwazzjoni tkun taħt kontroll jew le? 

“Hemm ħafna kriterji, għalkemm huwa diffiċli li tikkalkula. Eżempju, ma tistax tikkalkula biss skont kemm persuna tilgħab, għax tista’ tkun qed tilgħab b’mod strutturat. Ikun hemm problema meta dik il-persuna titlef il-kontroll, meta persuna tammetti li tilfet il-kontroll fuq impuls naturali biex tilgħab, meta dik l-istess persuna tibda tilgħab ammonti kbar ta’ flus ikkumparat ma’ kemm taqla’.”

“Jeżistu nies li jonfqu kollox, li jmorru jissellfu, għax ikunu tkissru.  Anke l-ammont ta’ ħin li persuna tqatta’ tilgħab huwa indikattiv. Għandek min imur jilgħab fi tmiem il-ġimgħa, imma mbagħad għandek min iqatta’ sigħat fuq sigħat jilgħab. Jiġu ‘high’ ma’ rebħa waħda u jibqgħu għaddejjin jilagħbu. Xi kultant anke waqt il-ħin tax-xogħol, persuna tispiċċa tilgħab...

L-intervista, f’dan il-punt, iddur fuq l-effetti tal-logħob meta dan ikun vizzju serju. Filwaqt li Muscat tinsisti dwar il-fatt li mhux kull min jilgħab għandu problema, tgħid ukoll illi l-effetti jistgħu jkunu devastanti.  “Meta persuna tkun tilfet il-kontroll ikollok problemi fiż-żwieġ, problema serja ta’ fiduċja għax jibda jaqa’ s-suspett fuq il-parti l-oħra fir-relazzjoni li din qed tilgħab il-flus. Imbagħad tibda tiżdied it-tensjoni fid-dar u tiżdied il-vjolenza domestika. Dan biex ma nsemmux l-istress u l-biża’ hekk kif jibdew jiġru wara l-vittma dawk li jsellfu bl-użura.”

Dak li qed tgħid Muscat huwa serju. Nwaqqafha u neħodha lura. Nistaqsiha biex telabora aktar fuq il-punt tal-użura.

‘Hawn min imur jilgħab id-dar jew il-karozza’

Muscat tgħid li bosta jispiċċaw fl-użura għax ikunu nqabbdu f’ċirku vizzjuż, li għal dawk li qatt ma lagħbu mhu xejn jekk mhux sitwazzjoni tal-biża’. “Il-problema hija li hemm nies li jilagħbu ammonti kbar ħafna u ma jindunawx li fil-fatt jistgħu jitilfu. Imbagħad meta jitilfuhom il-flus, jerġgħu jilagħbu bi flus li jkunu ssellfu għax iħossuhom ċerti li issa se jirbħu, minflok jerġgħu jitilfu u lil min sellifhom ma jkunux jistgħu jħallsuh,” tispjega Muscat. 

“Hawn min ġieli poġġa ċ-ċavetta tad-dar għal-logħob, ċ-ċavetta tkun tissimbolizza d-dar, jiġifieri jilagħbu darhom. Jew inkella vann tax-xogħol ta’ kumpanija li jkollhom. Hawn min, għax ikollu l-flus jilgħab €10,000.”

Iħossu li tilfu kollox; mill-familja sad-dinjità

Ħafna huma dawk allura li jaslu, ġustament jew le, li jiġġudikaw u jiġu għall-konklużjoni li dawn il-persuni huma rresponsabbli. 

Imma dawn huma nies bla qalb, li ma jaħsbux fil-konsegwenzi? Li ma jaħsbux fil-familja tagħhom?

"problemi fiż-żwieġ, problema serja ta’ fiduċja għax jibda jaqa’ s-suspett fuq il-parti l-oħra fir-relazzjoni li din qed tilgħab il-flus. Imbagħad tibda tiżdied it-tensjoni fid-dar u tiżdied il-vjolenza domestika"
Priscilla Muscat
“Le. Hawnhekk għandna każi ta’ persuni li jibdew jemmnu illi verament se jirbħu u allura bbażat fuq dak it-twemmin b’saħħtu jibdew jaraw kif b’dawk il-flus se titjieb is-sitwazzjoni tal-familja tagħhom u se jħallsu l-flus li għandhom jagħtu.”

Hija twissi wkoll illi f’ħafna sitwazzjonijiet, bħal f’ħafna vizzji oħrajn, mhux la kemm taqbad u taqta’ l-vizzju. “Meta taqta’ f’salt ħafna drabi tkun qed tneħħi mill-gost li l-eċitament u l-persuna tipi dipressata ħafna. Xi kultant ikun hemm min iħoss li tilef kollox; li tilef flusu, familtu, xogħlu u saħansitra d-dinjità. Sfortunatament fost dawk li jkunu ġew f’din is-sitwazzjoni, hemm periklu għoli ta’ suwċidju.” 

Hija tgħid illi hemm numru ta’ nies li jdumu ma jfittxu l-għajnuna, għax jemmnu li m’għandhomx problema jew inkella li dak li qed jagħmlu huwa soċjalment aċċettabbli. 

Il-familja u l-ħbieb; kruċjali fil-prevenzjoni

L-intervista issa ddur fuq il-prevenzjoni u s-sostenn li dawk li jinqabdu f’din ix-xibka jkollhom bżonn biex jgħixu aħjar. “Naturalment l-aħjar illi ma tmiss xejn ma’ vizzji  jew inkella jekk se tilgħab, tagħmel dan b’kontroll u dixxiplina. Imma huwa importanti li l-persuna tħoss li hemm alternattiva għal-logħob fil-forma ta’ familja li qed tagħti sostenn, ta’ nies li qed jappoġġjawha u li qegħdin hemm għaliha. Għax il-ferħ li jagħtuk l-għeżież ikun sostitut għal dak il-ferħ li persuna tħoss meta tilgħab. Huwa importanti wkoll,” tkompli tgħid Muscat, “li n-nies ta’ madwar il-persuna jagħtu l-għajnuna u l-appoġġ biex qatt ma tħoss li l-unika soluzzjoni hija l-logħob.” 

L-RGF qed tippjana proġett ta’ ċentru ta’ riabilitazzjoni

Fil-bidu tal-intervista Priscilla ssemmi li ġieli rat pazjenti l-isptar Monte Carmeli. Imma tħoss li dan huwa l-post idoneu fejn persuna tmur għall-kura minn vizzju? Muscat filwaqt li toqgħod attenta fi kliemha dwar l-isptar li semmejt jien, tfakkar illi f’pajjiżna għad m’hawnx ċentru ta’ riabilitazzjoni għal dawk il-vittmi tal-vizzju tal-logħob. “Fil-fatt dan huwa proġett li qed naħdmu fuqu bħala Fondazzjoni biex noħolqu ambjent fejn dawk li jgħaddu minn din l-esperjenza jsibu l-għajnuna u l-gwida, f’ambjent sigur fejn il-persuna ma taġixxix bl-impuls. Fejn tingħata l-għajnuna biex ma tibqax taħseb li l-logħob huwa soluzzjoni biex tqum fuq saqajha.”

Muscat tispjega kif minkejja l-kruha tal-vizzju hemm min lest li jieħu azzjoni u jirratifika ħajtu. “Jiġu fuqna diversi nies li jixtiequ jkunu fuq sistema li permezz tagħha ma jkunu jistgħu jilagħbu mkien, jekk hux każinò jew inkella banka tal-lottu. Din is-sistema ngħidulha ‘self barring’.”

Fil-fatt, bis-‘self barring’, persuna li jkollha problema ta’ logħob tkun tistà titfa’ isimha fuq lista li awtomatikament tinxtered ma’ kull negozju u stabbiliment li fih isir il-logħob u anke siti ta’ logħob onlajn u b’hekk ma tkunx tista’ tilgħab. 

“Fil-każ ta’ min ikun se jagħmilha għal ħajtu, l-RGF tkun trid li jkollha ċertifikat mingħand tabib jew psikologu biex inkunu ċerti li l-proċess mhux se jkun wieħed ta’ dannu,” tgħid Muscat illi terġa’ tfakkar kif meta persuna taqta’ l-vizzju għalkollox jista’ jkollha sintomi koroh. 

Aktar minn 4,000 persuna ‘jorbtu jdejhom’ biex ma jilagħbux

Hija tgħid illi fl-2013 biss 917-il persuna marru volontarjament biex jkunu fil-lista u għalhekk ikun ‘self-barred’. Fl-2014 dan in-numru żdied għal 1,043. 

Fil-fatt Muscat tispjega kif b’kollox mill-2014 sad-9 ta’ Diċembru ta’ din is-sena, kienu xejn inqas minn 4,218-il persuna li talbu biex jitpoġġew fuq din il-lista u ma jkunux jistgħu jilagħbu. 

“Dan il-proċess ta’ ‘self-barring’ jgħin ħafna, anzi jgħin immens,” sostniet il-General Manager tal-RGF.

Intant Priscilla Muscat tfakkar illi kull min għandu bżonn l-għajnuna, kemm jekk int persuna li għandek problema bil-vizzju tal-logħob jew jekk għandek xi ħadd fil-familja li għandu bżonn l-għajnuna tistgħu ċċemplu fuq in-numru helpline 1777. Dan il-Helpline kien imniedi minn Silvio Schembri, dak iż-żmien Chairperson tal-RGF. 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.