Opinjoni | Il-kuxjenza muta u lluppjata

Għarqa riċenti ta’ 31 immigrant fit-territorju marittimu Libjan

Mario Azzopardi / 22 ta' Diċembru 2017 11:41
It-Torċa (3.12.2017) ħadet il-kummenti tal-Arċisqof Mario Grech dwar l-għarqa riċenti ta’ 31 immigrant fit-territorju marittimu Libjan. Mitejn immigrant ieħor minn pajjiżi bħas-Somalja, il-Gana, l-Etijopja u n-Niġerja kienu salvati mill-Gwardja tal-Kosta Libjana.

Ir-rapport ta’ Victor Vella jikkwota x-xeni makabri ta’ terrur li l-gwardjani tas-salvataġġ raw ma’ wiċċhom: madwar 44 persuna kienu mqabbdin ma’ żewġ dingis nofshom mgħarrqa b’ħamest iklieb il-baħar ta’ speċi aggressiva jħufu magħhom. Xi katavri li ttellgħu mill-baħar dehru li ngidmu mill-klieb il-baħar u persuni li ma nstabux jista’ jkun ittieklu minn dan il-ħut qattiel.

Iżda Victor Vella ma waqafx hemm bir-rapport tiegħu. Fittex li jirresponsabilizza lill-Maltin dwar din it-traġedja li seħħet tant qrib tagħna.

Tkellem mal-Isqof Mario Grech li għamel osservazzjonijiet pertineti ħafna: sfortunatament drajna nisimgħu b’dawn l-għarqiet u bilkemm iqajmu reazzjoni. Forsi dan il-każ iqajjem ftit “tpaċpiċ”, fi kliem l-Isqof Grech innifsu, għax ingħad li l-vittmi tal-għarqa ttieklu mill-klieb il-baħar.

Se nikkwota l-kliem qawwi tal-Isqof Grech għax jeħtieġ li jibqa’ jinstema’. Qal hekk lit-Torċa: “[Dawn l-immigranti] diġà kienu l-vittmi ta’ klieb il-baħar li jgħixu fuq l-art, jiġifieri dawk it-traffikanti li tħallew joħolqu suq ġdid ta’ skjavitù.

Quddiem dan il-ġenoċidju, li qiegħed iseħħ ftit ftit, ħafna minna jagħżlu li jibqgħu muti, fl-indifferenza u fir-rifjut... Jekk f’dawn il-każi is-skiet tas-soċjetà ċivili jkexkex, kemm hu ta’ skandlu li l-kuxjenza tal-Kristjani tibqa’ lluppjata. Hu tad-daħk, jekk mhux tal-biki li Nisrani jitkaża jekk xi ħadd ikisser kurċifiss tal-kartapesta imma mbagħad jibqa’ spettatur meta Kristu qiegħed fil-baħar jitħabat biex jieħu l-aħħar nifs b’kelb il-baħar jagħqad madwaru...”

Ċifri tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) juru li sa nofs Settembru ta’ din is-sena fil-Mediterran tilfu ħajjithom 3,262 immigrant. In-numru ta’ immigranti li jaslu l-Ewropa naqas, imma dan ma jfissirx li inqas nies qed jitilqu minn pajjiżhom, iżda li qed imutu iktar immigranti tul il-vjaġġ.

F’temp ta’ erba’ snin, minn Ottubru 2013 ’l hawn minn meta l-imwiet bdew jingħataw iktar attenzjoni fil-media, tilfu ħajjithom 15,000 immigrant. Jew fi ħsieb l-Isoqf Grech - 15,000 Kristu ggranfat ma’ dgħajsa tal-lastiku jiġbdu l-aħħar nifs.

Awtur li farrak l-illużjoni

Ta’ kull sena r-rebbieħa tal-Premju Nobel jagħmlu diskors dakinhar li jirċievu l-premju fi Stokkolma. Kazuo Ishiguro, ir-rebbieħ tal-Premju Nobel għal-Letteratura ta’ din is-sena għamel diskors awtobijografiku ta’ familja Ġappuniża li ssetiljat l-Ingilterra. Stajt tantiċipa diskors dwar id-diversità, il-barrani jew influwenzi multi-kulturali sakemm Ishiguro wasal lejn tmiem l-indirizz tiegħu.

Ishiguro ammetta li riċentament intebaħ li kien qed jgħix f’bozza. Ma ndunax bil-frustrazzjonijiet u l-ansjetajiet tan-nies ta’ madwaru u li l-ambjent liberali li jitħallat fih hu wisq izgħar milli kien jaħseb. L-2016 bis-sorpriżi politiċi fl-Ewropa u l-Istati Uniti u l-atti ta’ terroriżmu madwar id-dinja giegħlu lil dan l-awtur jirrealizza li l-avvanz tal-valuri liberali-umanistiċi kienu illużjoni.

Issa hu u jħares lura, Ishiguro jgħid li l-era ta’ wara l-waqa’ tal-Ħajt ta’ Berlin kienet waħda ta’ opportunitajiet mitlufa. Tħallew joktru inugwaljanzi kbar bejn in-nazzjonijiet u bejn ċittadini tal-istess pajjiż. Speċifikament, Ishiguro semma l-invażjoni tal-Iraq fl-2003 u l-kriżi finanzjarja tal-2008 bħala wħud mill-kawżi tal-qagħda preżenti. Il-Lemin Estrem jgħolli rasu. Ir-razzizmu wkoll qed jikkarga.

Imbagħad, kompla l-awtur, hemm l-isfida tal-avvanzi kbar fix-xjenza, it-teknoloġija u l-mediċina. Avvanzi fl-Intelliġenza Artifiċjali, teknoloġiji ġenetiċi u r-robotika jistgħu jwasslu għal mezzi ġodda li jsalvaw il-ħajja. Imma jistgħu wkoll joħolqu meritokraziji selvaġġi li jixbhu lill-apartheid u jwasslu għal qgħad mifrux, anki fost il-klassijiet privileġġjati.

Ishiguro li ddeskriva lilu nnifsu bħala “awtur għajjien minn ġenerazzjoni intelletwalment għajjiena”  qal li l-isfida tiegħu hi jistax isib l-enerġija biex jiddeċifra dan ix-xenarju differenti. Iqis li awturi ta’ ġenerazzjonijiet iżgħar jistgħu jispirawh.
Temm id-diskors tiegħu b’appell biex id-dinja letterarja ssir iktar diversa għax il-ġenerazzjonijiet futuri se jiġu b’modi ġodda biex jirrakkuntaw l-istejjer.

Fi żmien meta d-diviżjoni qed tkompli tikber, jeħtieġ nisimgħu, temm Ishiguro.

Jalla t-tama ta’ Kazuo Ishiguro fil-kitba u l-qari bħala forza li tiċċivilizzana ma tkunx illużjoni oħra.

Mario Azzopardi kien pijunier tal-letteratura u t-teatru l-ġdid f'Malta fit-tieni nofs tas-snin sittin. Kien il-viċi ċermen tal-Moviment Qawmien Letterarju, li kellu l-iskop li jġib aġġornament radikali tal-letteratura lokali. Azzopardi ħadem f'diversi ġeneri tat-teatru esperimentali, komunitarju u politiku u kien fost dawk li introduċew f’Malta t-Teatru tat-Triq. Bejn l-1987-1992 mexxa l-kumpanija-skola Politeatru, bil-għan li jwassal it-teatru impenjattiv għand il-klassi tal-ħaddiema. Ħadem bħala l-ewwel koordinatur tal-Politika Kulturali ta' Malta (2001) u kien l-ewwel relatur Malti għall-Kunsill tal-Ewropa, fil-proġett EricArts ta' Brussell. Ħoloq diversi proġetti konġunti teatrali ma' pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u ħadem f'inħawi bħall-Italja, Franza, l-Awstrija, is-Slovakkja, il-Polonja, il-Latvja, l-Estonja u l-Litwanja. Ħareġ diversi kotba ta' poeżiji u ngħata l-Premju Letterarju Nazzjonali erba' darbiet. L-aħħar proġett tiegħu għat-teatru jinvolvi analiżi dwar id-divertiment tal-Maltin fl-Awstralja (2013). [email protected]