Opinjoni | Paċi fl-art

Il-Ministru Owen Bonnici jitkellem dwar iż-żjara li għamel f'Ġerusalemm

Ministru Owen Bonnici / 20 ta' Diċembru 2017 17:16
"Hawnhekk għadek kif wasalt no man's land," qaltli l-Ambaxxatrici Cecilia Pirotta kif inżilt minn karozza li ħaditni minn Tel Aviv għal Ġerusalemm. L-ET Pirotta hija l-Ambaxxatriċi ta' Malta fl-Iżrael.

Ħarist 'il fuq u rajt binja antika maestuża, sabiħa ferm. "Hawn hu n-Notre Dame ta' Ġerusalemm," qaltli. Laqgħuni żewġ Palestinjani Insara edukattissimi u b'Ingliż impekkabbli li wrewni t-triq biex nidħol ġo dan is-santwarju.

"Ministru, jien se nieqaf hawn," qaltli l-Ambaxxatriċi. "Hawnhekk hu litteralment il-green line, minn hawn 'il quddiem issa jieħu ħsieb l-Ambaxxatur Malti fil-Palestina."

Fhimtha mill-ewwel. Ma riedet tagħmel xejn l-Ambaxxatrici biex b'xi mod turta naħa jew oħra jew ma timxix b'attenzjoni diplomatika.
Għaliex kull ħaġa li tolqot l-Iżrael u l-Palestina trid titmexxa b'kawtela liema bħalha.

Dħalt in-Notre Dame u qaluli li din hija proprjetà tal-Vatikan u li hija proprju l-post minn fejn tgħaddi eżatt il-bordura li tifred Ġerusalemm tal-Punent (Israel) minn Ġerusalemm tal-Lvant.

Wara ftit passi ltqajt ma' mara anzjana b'wiċċ simpatiku, liebsa l-iswed, griż u l-abjad. Kellmitni bil-Malti.

Qaltli li hija soru Maltija li ilha snin twal tgħix Ġerusalemm. Ma ntbaħtx li kienet soru għaliex kienet liebsa pajżana. "Aħjar tilbes b'mod li tkun qrib in-nies u bħan-nies milli b'mod differenti minnhom," qaltli hi u titbissem.

Urietni t-triq għal fuq il-bejt tan-Notre Dame fejn kien hemm xena spettakolari li ġġib Ġerusalemm kollha taħtek.

Toqgħod taħseb, belt daqs naqra, li fiha tant sinjifikati għal tant nies. Ġerusalemm hu l-post fejn hemm l-Ort tal-Ġetsemani, il-Golgota, il-post fejn bata u ssallab Ġesù, fejn indifen Ġesù u fejn reġa' qam minn bejn l-imwiet. Hu l-post fejn fih seħħew l-avvenimenti ewlenin tal-Bibbja li tant smajna dwarhom mit-tfulija. Hu wkoll post importanti għall-Musulmani li jemmnu, fost oħrajn, li f'dan il-post Muhammad tela' s-sema.

Huwa post importanti għal-Lhud minħabba l-Kotel jew il-ħajt li huma jemmnu li kien jifforma parti mit-Tempju l-Imqaddes.

Dan kollox f'daqsxejn ta' belt mill-iktar żgħira iżda li f'kull kantuniera tagħha hemm sens tremend ta' storja.

Għax l-istorja għandha x-xejriet nebbiexa tagħha wkoll. Toqgħod tqis, Ġesù li kien Lhudi mrobbi f'belt li kemm fi żmienU elfejn sena ilu u kemm issa hija Lhudija (Nażaret), għandu mijiet ta' eluf kbar ta' persuni li jemmnu fih minn madwar id-dinja kollha bħala iben Alla l-Messija… għajr il-poplu tiegħu stess.

 + + +

"Hawnhekk mhux vera li n-nies jiġġieldu ħabba r-reliġjon. Din hi ħrafa. In-nies hawn jiġġieldu minħabba l-art; dik hi l-problema," qaltli s-soru Maltija.

U veru. Fil-ħin kollu li għamilt fil-Lvant Nofsani ma rajt xejn li b'xi mod jipponta lejn l-intolleranza reliġjuża. Anzi. Kont sorpriż pożittivament kemm hemm tolleranza reliġjuża.

Rajt Lhud tradizzjonalisti għaddejjin mexjin bla problemi ta' xejn f'nofs Palestinjani Musulmani. Rajt Musulmani jgħaddu minn ħdejn il-kwartier Nisrani (sew jekk Kattoliku Ruman, Grieg Ortodoss jew Armen)… Rajt esponenti ta' kull forma ta' varjazzjoni tar-reliġjonijiet monoteisti jitħalltu mingħajr assolutament ebda problema. Kont sorpriż ħafna kif f'din il-belt daqs naqra kulħadd jirrispetta r-reliġjon ta' kulħadd. U l-ħafna li ma jemmnux jew huma moderati jirrispettaw u jiġu rispettati wkoll.

Din rajtha mhux biss f'Ġerusalemm tal-Punent u f'Ġerusalemm tal-Lvant imma anke fl-eqqel tal-Israel u fl-eqqel tal-Palestina.
Is-sister għandha raġun. In-nies ma jiġġieldux minħabba r-reliġjon. Jiġġieldu minħabba l-art.

 + + +

L-art f'din iż-żona hija storja kumplessa ħafna fejn hemm żewġ fatturi ewlenin li jilagħbu ħafna. L-ewwel fattur hu dak ta' żewġ popli – il-poplu Lhudi u l-poplu Palestinjan li t-tnejn batew ħafna, f'kuntesti totalment differenti, matul is-snin.

Snin ilu mort Auschwitz u qalbi ħarġet għall-poplu Lhudi li batew immens b'mod li bilkemm nistgħu nifhmu. F'Ġerusalemm żort il-Yad Vashem li hu l-mafkar għall-vittmi tal-Olokawst Lhudi. Ix-xeni ta' tkexkix u l-krudeltà li sofrew il-Lhud ma tista' tinsiehom qatt.

Bla dubju ta' xejn il-poplu Lhudi għandu dritt għal artu u għandu dritt li jgħix fil-paċi f'artu. M'hemm assolutament ebda sens f'min jgħid mod ieħor. Kull poplu għandu dritt għal artu u li jgħix fil-paċi f'artu, aħseb u ara poplu bħal dak Lhudi li għadda minn massakru tant krudili u tant mimli mibegħda li minn wara l-Gwerra ’l hawn irnexxielu jagħlaq bil-mod il-feriti u jħares 'il quddiem.

Għandi biss ammirazzjoni lejn il-poplu Lhudi li f'Iżrael irnexxielu jiżviluppa f'livelli bla preċedent f'setturi bħall-informatika, ix-xjenza u l-ambjent. Aħna li ġejjin minn pajjiż żgħir fil-Mediterran nistgħu forsi napprezzaw iktar minn ħaddieħor kemm imxew 'il quddiem f'Iżrael minkejja l-iskarsezza tar-riżorsi naturali. Kif għidt lill-Ministru tal-Ġustizzja tal-Iżrael Ayelet Shaked (li hija popolari mmens f'pajjiżha) hija x-xewqa ġenwina tiegħi li ż-żewġ pajjiżi tagħna jibqgħu jikkollaboraw u jkabbru kemm jistgħu bil-fatti l-ħbiberija bejn xulxin.

Il-poplu Palestinjan qed ibati. M'hemmx argument fuq dan. Il-preżenza tal-forzi tal-ordni tal-Iżrael tħossha kullimkien. F'Ġerusalemm tal-Lvant rajt gruppi ripetuti ta' żgħażagħ Iżraeliti lebsin bl-uniformi bis-snieter f'idejhom għassa għal li jista' jinqala' żewġ piedi 'l bogħod minni. Fil-Punent tax-xmara Ġordan (fil-media tissejjaħ 'West Bank') – żona Palestinjana – issib checkpoints li jieħdu ħsiebhom l-Iżraeliti, issib settlements ġodda Iżraeliti… insomma l-impressjoni li ħadt hi li l-Iżrael jgħasses kullimkien b'attenzjoni kbira u għadu għaddej jarroga artijiet fil-Palestina permezz ta' djar (settlements) ġodda. Madanakollu, f'dawk iż-żoni Palestinjani li jissejħu żoni A skont il-ftehim ta' Oslo (bħall-ibliet ta' Ramallah u Betlem) jidher milli rajt li l-preżenza Iżraelita hi ħafna inqas jekk mhux ineżistenti.

Fl-Istrixxa ta' Gaża – żona oħra Palestinjana – li tmiss mal-Eġittu qaluli li s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali hi ħafna u ħafna agħar iżda hemmhekk ma mortx u qaluli li kważi impossibbli li tmur.

Il-Palestinjani għandhom dritt għal arthom u għandhom dritt li jgħixu fil-paċi f'arthom- il-West Bank, l-iStrixxa ta' Gaża u Ġerusalemm tal-Lvant. Min jgħid li l-poplu Palestinjan m'għandux dritt għal artu u għas-sovranità tiegħu qed jiżbalja. Il-Palestinjani għandhom dritt jgħixu f'awtonomija u f'indipendenza u f'art mhux okkupata.

+ + +

Hu fl-interess kemm tal-Iżrael u kemm tal-Palestina li jkun hemm paċi fir-Reġjun u huma jistgħu jkunu l-ikbar garanti għall-paċi favur xulxin jekk xi darba l-proċess ta' paċi jagħti l-frott. Id-dikjarazzjoni però ta' Donald Trump li se jieħu l-ambaxxata Amerikana minn Tel Aviv għal Ġerusalemm kienet pass fid-direzzjoni l-ħażina u spiċċat saħħet idejn l-estremisti Palestinjani (il-Hamas) mal-poplu Palestinjan u dgħajfet idejn min kien lest li jimxi t-triq tal-paċi u l-moderazzjoni.

Sakemm Donald Trump ma jirtirax dak li qal jew – tal-anqas - ma jispeċifikax fi kliem appozitu li kien qed jirreferi għal Ġerusalemm tal-Punent qed nirriskjaw li s-sena l-ġdida wara l-festi tibda fuq nota ħażina f'dan ir-reġjun.

+ + +

Huwa f'dan il-kuntest kollu li aħna ħadna l-presepju Malti – xogħol l-artist Manwel Grech – f'Betlem. Il-presepju jirrappreżenta l-paċi u s-sliem.
Aħna bħala Malta se nibqgħu nimbuttaw u nagħmlu ħilitna biex ngħinu kemm nifilħu favur il-paċi u favur soluzzjoni b'żewġ stati (a two state solution).

Aħna u l-Lhud u aħna u l-Palestinjani għandna ħafna komuni, mhux l-inqas il-lingwa.

Nittama biss li l-paċi fir-reġjun tirrenja, illum qabel għada. Paċi fl-art lill-bnedmin ta' rieda tajba.