Rakkont | Id-dar ta’ Charlotte

Rakkont mill-pinna tal-awtriċi Sharon Calleja

Sharon Calleja / 23 ta' Novembru 2017 08:01
Wasalt quddiem il-bieb ta’ dari u waqaft bilwieqfa nistrieħ miegħu.

Lanqas biss flaħt nidħol ġewwa.

Bilkemm stajt nieħu nifs.

Ħassejtni mitluf. Imbellah.

Ma kontx naf x’kont qed nagħmel.

Serraħt moħħi mal-bieb kiesaħ tal-injam u żammejt mal-pum tar-ram b’idejja tirtogħod.

Infqajt nibki.

Kienu qatluhieli! Kienu qatluli lill-għażiża Charlotte!

Qatt ma kont se nerġa’ naraha. Ngħannaqha. U nbusha. Jew ngħidilha li nħobbha.

Kont għadni b’saqajja maqtugħin bil-qatgħa li kelli fuqi!

Bilkemm kont flaħt nasal s’hawn!

Dak li kont għadni kemm rajt quddiem għajnejja kien tat-tkexkix.

Ħarbitli karba minn fommi hekk kif deffist idi fil-but tal-lemin biex noħroġ il-mobajl ħalli nċempel lill-pulizija.

Emmnuni... xħin rajt dik id-dehra quddiemi, lanqas naf kif kont ħrabt niġri ’l barra b’kemm kelli saħħa sakemm wasalt lura hawn.

Lura quddiem dari.

Ma kontx naf x’kont qed nagħmel.

Iddajljajt in-numru tal-pulizija u bdejt nibki. Bilkemm kienu fehmuni x’ġara!

Iżda wara ftit ħin, xħin ġew il-pulizija, fehmu kollox.

Kont domt nistennieha xi siegħa sħiħa. Billi ma tantx konna noqogħdu bogħod minn xulxin, dejjem hekk konna niftehmu.

U dakinhar...

Dakinhar konna sejrin nieklu għaliex kellna l-anniversarju.

Wara x-xogħol, kont ħadt doċċa ta’ malajr, ilbist u qgħadt nistennieha qrib it-tieqa tas-salott. Bdejt inħares barra, lejn il-ħajja tan-nies, għaddejja tgħaġġel minn quddiem għajnejja. Kulħadd medhi b’ħajtu. Min għaddej jiġri wara x-xirja, min sejjer għal xi appuntament, min imgeddes fil-kowt minħabba l-borra li kienet qiegħda tagħmel f’dawn l-aħħar jiem, min għaddej f’xi karozza mikrija...

Ma tantx kien qed jimpurtani x’kien qed jiġri hemm barra. Kelli seba’ mitt sena sakemm naraha. Sakemm ngħannaqha miegħi. U nxomm ir-riħa tfuħ tagħha. Għajnejja kienu għaddejjin f’sinfonija mit-tieqa lejn l-arloġġ tal-injam li kelli mdendel f’nofs il-ħajt tas-salott u lura lejn it-tieqa.

Il-ħoss tal-minutiera kien għaddej itektek ġmielu.

Kien qed jidħol f’qalbi.

Kemm kienet ser iddum?

Kien sar il-ħin. L-għażiża tiegħi Charlotte kienet għadha ma tfaċċatx!

Mort għamilt grokk whisky.

U stennejt aktar, nipprova niftakar fil-ħwejjeġ sbieħ li kienet tilbes u fit-takkuna għolja li kważi qatt ma kienet taqla’ minn saqajha.

Charlotte.

L-għażiża tiegħi.

Kienet diġà siegħa tard.

Mingħajr ma indunajt kont ħadt iktar grokkijiet xorb u kelli rasi kważi xi ftit storduta.

Ma kinitx toqgħod ’il bogħod, għalhekk l-ewwel ħsieb li daħal f’moħħi kien li mmur nittawwal ħalli nara jekk hux kollox sew.

Charlotte kienet toqgħod f’dar kbira, enormi, eżatt fl-aħħar tat-triq. Kienet sfat iltima meta kienet żgħira, allura z-ziju tagħha kien ħa ħsieb jeħodha tgħix miegħu. U ziju kien raġel tat-tajjeb. Issa dan l-aħħar, peress illi kien xjaħ, kien mar minn jeddu jgħix f’dar residenzjali lussuża fejn ma kien jonqsu xejn. U għajr is-sefturi li kienu jieħdu ħsieb kull esiġenza tagħha, Charlotte kienet baqgħet tgħix fid-dar ta’ zijuha li skont hu, kienet ser tkun tagħha kompletament mal-mewt tiegħu.

Dakinhar, it-triq qasira lejn id-dar tagħha kont rajtha twila. Ovvjament ma kellix għalfejn naqla’ l-karozza. Kien il-bard u f’nofs ta’ triq, li kienet kemxejn mudlama, indunajt li lanqas biss kont tfajt ġakketta jew kowt fuqi. Bdejt nara d-duħħan ħiereġ minn ħalqi jew imnieħri kull darba li kont bdejt nieħu nifs ‘il barra.

Kien Diċembru. U l-Milied kien wara l-bieb.

Imxejt bil-ħeffa.

Għal mument kien ġieni ħsieb li forsi kont ser naħbat magħha f’nofs triq, iżda xħin wasalt quddiem id-dar tagħha, bħal donnu indunajt li kien hemm xi ħaġa mhux f’lokha.

Ix-xatba ta’ darha kienet miftuħa beraħ!

U anke l-bieb!

Dħalt ’il ġewwa mix-xatba u smajtha żżaqżaq mar-riħ li kien qed iżid ġmielu. Dawwart rasi lejn id-dar u bdejt inħoss għoqla fl-istonku tiegħi.

U ġewwa...

Xħin dħalt ġewwa, bdejt insejħilha.

Is-soltu kien ikun hemm Karmen, is-seftura li kienet tieħu ħsieb tibqa’ hemm billejl ħalli Charlotte ma tkunx waħedha. Iżda llejla, hekk malli rfist l-għatba u xrift ’il ġewwa indunajt li kien hemm dlam ċappa.

Tgħid Karmen kienet raqdet?

Tgħid Charlotte kienet insiet li llejla kellha tiltaqa’ miegħi?

Forsi kien ġie xi ħadd u nesa jagħlaq il-bieb prinċipali?

“Charlotte?” kont sejjaħt, bejn għax bżajt nidħol aktar ’il ġewwa u bejn għax dejjem hekk kont nagħmel.

Skiet.

Dlam.

Xejn iktar.

Bla ma qgħadt naħsibha, bdejt nipprova nfittex l-iswiċċ tad-dawl, iżda billi ma kontx naf fejn kien qiegħed, ma stajt insibu mkien! Is-soltu dejjem Karmen kienet tixgħel.

Dħalt.

Ħassejt atmosfera stramba.

Donnu kien hemm xi ħaġa mhux f’postha.

Bejn għax għajnejja bdew joqogħdu għad-dlam u bejn għax kont imdorri mmur naraha ta’ spiss, għaddejt minn ġol-kċina u erħejtilha lejn it-taraġ ta’ fuq u ġrejt tul il-kuridur bla nifs sakemm wasalt quddiem il-bieb ta’ kamritha.

Il-kamra tas-sodda ta’ Charlotte.

Tgħidulix għalfejn mort hemmhekk l-ewwel, imma l-istint hekk qalli nagħmel!

U ftaħt...

Ftaħt il-bieb.

Sekonda waħda.

Sekonda waħda kienet bidlitli ħajti!

Fid-dawl baxx ta’ lampa ċkejkna mixgħula biswit is-sodda, rajt lill-għażiża tiegħi...

L-għażiża tiegħi Charlotte kienet mimduda fis-sodda wiċċha ’l isfel, bin-nokkli skuri jgħattulha l-imħadda kollha. F’dak id-dawl baxx stajt ninduna li l-gverta li kienet mgħottija biha, kienet mimlija demm u eżatt dak il-ħin rajt sikkina tleqq, għadha mwaħħla f’daharha minn ġol-gverta!

“Għażiża tiegħi... għażiża tiegħi...” bdejt inwerżaq.

Kien propju dak il-ħin li għajnejja waqgħu fuq par ingwanti ħomor li kien hemm fuq sufan bil-kuxxini tal-bellus u bdejt nibża’ li l-qattiel kien għadu jħuf ġewwa d-dar!

Tkexkixt!

Twerwirt!

Bdejt inżomm mal-ħajt u nipprova noħroġ ’il barra mill-kamra. Saqajja bdew jogħtru u nżilt niġri isfel. Billi kien hemm xi dawl dieħel minn ġo tieqa minnhom, ħarsti għaddiet bi żbrixx minn fuq il-kalendarju li kien hemm fil-kċina.

Ma kinitx dawritu. Kien għadu jimmarka x-xahar t’Ottubru.

“Qalbi...” bdejt inhewden waħdi, hekk kif tlaqt niġri lejn il-bieb u sibt ruħi barra.

Ma ħaristx lura.

Ġrejt lejn il-bieb ta’ dari. U ċempilt lill-pulizija. Kienu qatluhieli! Kienu qatluli lil Charlotte!

“Fuq is-sufan tal-kamra kien hemm l-ingwanti ħomor...” kont qed ngħidilhom b’leħen maħnuq.

“Se jkollna neħduk magħna, Edgar!” qalli l-ispettur, iħares lejja b’mod stramb, ipoġġi l-ktejjeb li kien ħa xi notamenti fuqu fil-but tal-qmis.

It-tektik tal-arloġġ tal-injam kont qed nisimgħu amplifikat. Il-kamra, b’tlitt irġiel lebsin uniformijiet blu kienet qiegħda ddur quddiemi.

“X’jiġifieri?”

Inħsadt.

X’ried jgħid biha?

“Inti issa ejja magħna u tkun taf...”

Il-pulizija ħaduni magħhom. Ma stajtx nifhem għalfejn. Kif. Jew x’fatta.

Kulma kont naf hu li daħħluni fil-karozza tagħhom u ħaduni lura fid-dar ta’ Charlotte.

U bdejt nibża’. Ma kontx naf x’kienu qegħdin jaħsbu fuqi.

U hi...

Hi kienet hemm. U kullimkien kien mixgħul.

Ħajja.

Tħares lejja b’mod stramb eżatt bħalma kienu qegħdin iħarsu lejja huma.

U jien ħassejtni xi ftit konfuż.

Mhux ftit.

Ħafna.

“Kemm xrobt?” staqsieni l-pulizija. “Kemm xrobt whisky illejla?”

“U le... mhux ħafna...” weġibthom.

Bdejt inħossni nistħi. Nistħi quddiem Charlotte.

“Ara kif ma kontx fis-sakra!” għidtilhom.

Dħalt niġri fil-kċina lejn il-kalendarju u waqaft bilwieqfa quddiemu, b’subgħajja ppuntat lejh.

“Ara!” għidtilhom. “Il-kalendarju qed jimmarka Ottubru mhux Diċembru! Rajtu! Rajtu fid-dlam!”

Iżda kollha kemm huma ħarsu lejja. U lejn il-kalendarju.

U qalbi għamlet tikk.

Kont waqajt għaċ-ċajt.

Il-kalendarju kien imdawwar fuq Diċembru!

“Skużawni,” għidtilhom, bilkemm ninstema’ nitkellem.

Dik il-ġurnata baqgħet f’moħħi. Bqajt nhewden fuqha.

Meta żżewwiġna jiena u Charlotte kont għamilt minn kollox ħalli nbigħu dik id-dar. Jien ma ridtx noqgħod fiha! Il-memorja ta’ dik il-lejla baqgħet tberren f’moħħi u żgur ma kontx ser inkun kuntent fiha!

Kienet xtratha xi koppja żagħżugħa, koppja tat-tajjeb li riedu jibnu familja flimkien fiha.

Dik id-dar.

Dik id-dar li jiena kont nistkerrah.

Iżda wara ħafna snin, ħadt ir-risposta tiegħi.

Illum.

Illum naf x’ġara dakinhar.

Kienu qaluli li dakinhar immaġinajt.

Kienu qaluli li dakinhar jiena kont xrobt.

Kienu qaluli li kelli l-alluċinazzjonijiet.

Imma le...

Xejn minn dan.

Ninsab hawn għand il-pulizija.

Illum.

Bagħat għalija l-ispettur. L-istess wieħed. L-istess spettur li għaxar snin ilu kien kważi għaddieni b’baħnan.

U wrieni ritratt.

Ritratt forensiku.

Id-dar li kienet toqgħod fiha qabel Charlotte.

“Dal-lejl, waqt li r-raġel tagħha kien qiegħed xogħol ta’ billejl, daħal wieħed armat b’sikkina u qatilha...” qalli l-ispettur jigdem xufftejh. “Edgar, ara dan ir-ritratt... is-sikkina kienet għadha f’daharha...”

Tani r-ritratt f’idi. Idu kienet qiegħda tirtogħod. Anke tiegħi. Anke tiegħi bdiet tirtogħod, hekk kif rajt ir-ritratt.

Tfajla b’xagħarha nokkli mimduda rasha ’l isfel fuq is-sodda, bis-sikkina ġo daharha minn ġol-gverta. Fuq is-sufan maġenb is-sodda kien hemm par ingwanti ħomor fuq il-kuxxini tal-bellus.

U llum...

Illum qegħdin fix-xahar t’Ottubru. Eżattament għaxar snin wara.

“Tista’ tgħidilna x’rajt aktar dak il-lejl, Edgar?”