Inawgurata l-ewwel lukanda boutique ta’ AX Hotels fil-Belt Valletta

Jesmar Baldacchino / 30 ta' Settembru 2017 16:53
Infetħet uffiċjalment l-ewwel lukanda boutique ta’ AX Hotels, The Saint John li tinsab fi Triq il-Merkanti fil-Belt Valletta.

Din il-binja tas-seklu 17, li ġiet rinovata f’lukanda boutique li nfetħet uffiċjalment waqt is-serata speċjali The Saint John Walk li kienet tinkludi wkoll spettaklu tal-moda minn Cessani. Il-lukanda ġiet inawgurata miċ-Chairman ta’ AX Holdings Anġlu Xuereb u mid-Direttriċi Claire Zammit Xuereb.

Iċ-Chairman saħaq li hekk kif AX Hotels saru sinonimi mal-lukandi fl-inħawi tal-Qawra u Tas-Sliema, l-grupp tefa’ l-attenzjoni tiegħu fuq il-Belt Valletta.

AX Hotels se jkollhom żewġ lukandi boutique tal-ħames stilel fil-Belt hekk kif apparti The Saint John, il-grupp xtara wkoll propjetá oħra li se tiġi mibdula f’Palazzo Merkanti, li hija l-istess blokka kantuniera ma’ Triq San Kristofru.

Anġlu Xuereb qal li bil-preparamenti għall-V18, il-Gvern u s-settur privat qed jinvesti f’xogħlijiet ta’ restawr biex il-Belt Valletta, li hija wirt dinji tal-UNESCO issir isbaħ.

Claire Zammit Xuereb qalet li l-lukanda boutique The Saint John hija fuq stil uniku b’kunċett differenti. Semmiet iċ-Cheeky Monkey Gastropub, li issa sar magħruf bħala wieħed mill-aktar stabbilimenti tal-ikel imfittxija f’Malta u issa fil-Belt Valletta wkoll.

The Saint John hija tinsab ftit il-bogħod mill-Barrakka ta’ Isfel.