Ġurnata taċ-ċinema għat-tfal għada is-Sibt

Festa ta’ films għat-tfal bi prezzijiet imraħħsa

Carmel Bonnici / 1 ta' Settembru 2017 11:16
Spider-Man: Homecoming
It-tieni edizzjoni, għal din is-sena, tal-Ġurnata taċ-Ċinema għat-Tfal, organizzata mid-distributuri lokali tal-films KRS Relasing, se ssir nhar is-Sibt 2 ta' Settembru 2017.

Dakinhar, hemm imħejji programm ta' 14-il film li jkopru varjetà ta' ġeneri - animazzjoni, kummiedji avventurużi, avventuri ta' fantasija bl-azzjoni, drammi avventureski wkoll bl-azzjoni u kummiedji għall-familji.

Il-wiri tal-films, bi prezzijiet imraħħsa, jinbdew mid-9.OOam u jibqgħu sejrin sas-7.00pm, waqt li fl-Għawdex il-ħinijiet huma fis-2pm, fl-4pm u fis-6pm.

Dakinhar se jintwerew dawn il-films:

Everything, Everything - dramm romantiku dwar tfajla li qed issofri minn marda serja li minn ġo d-dar issir tħobb tifel ġar tagħha.

The Nut Job 2: Nutty by Nature - Film animat fejn l-annimali li jgħixu f'post arjuż miftuħ jingħaqdu biex ma jħallux post ta' divertiment jinbena hemm.

The Emoji Movie: Express Yourself – B’mowbajl ta' tifel jinqala' kaos sħiħ meta "emoji" juri aktar minn emozzjoni waħda.

Valerian and the City of a Thousand Planets - Avventura tax-xjenza fittizja fejn żewġ aġenti speċjali jridu jżommu l-paċi fl-univers.

Cars 3 - Fid-dinja tal-karozzi tal-ġiri, vettura antika tipprova tirbaħ kontra karozzi ġodda ta' ħeffa.

Captain Underpants: The First Epic Movie - Film animat divertenti dwar żewġt itfal imqarbin li jbiddlu lill-għalliem tagħhom f'supereroj ta' nofs kedda.

War of the Planet of the Apes - Is-serje tad-dominanza tax-xadini fuq l-umani tkompli bi gwerra ma' kurunell uman kattiv.

Spider-Man: Homecoming - Supereroj żagħżugħ li jattendi skola sekondarja jrid juri li hu kapaċi li jingħaqad mat-tim elite ‘Avengers’.

Beauty and the Beast - L-istorja animata klassika ta' Disney issa b’atturi reali.

Despicable Me 3 - Film animat dwar Gru; li jiskopri li għandu ħuh tewmi, Dru li jaqla' inkwiet aktar minnu.

Transformers: The Last Knight - Il-ġlieda ħarxa bejn ir-robots aljeni tkompli fid-dinja tagħna.

Diary of a Wimpy Kid: The Long Haul - Kummiedja sfrenata b'avventuri farseski fuq vjaġġ twil.

Wonder Woman - Fantasija spettakulari fejn gwerriera mill-Amażonja titlaq mill-post fejn tgħix biex tqanqal gwerra.

Power Rangers - Xi żgħażagħ jakkwistaw poteri kbar f'din il-fantasija tax-xjenza fittizja.

Smurfs: The Lost Village - Film kollu animat b'xi Puffi li jazzardaw 'il bogħod mil-lokal tagħhom u jsibu sigriet sorprendenti.

 

Il-films se jintwerew f'dawn iċ-ċinema ta' Malta u Għawdex:

Eden  -  San Ġiljan

Embassy  -  Valletta

Empire  -  Buġibba

Gallerija  -  Fgura

Citadel  -  Għawdex

Oratorio Don Bosco  -  Għawdex