Miċ-ċinema din il-ġimgħa

Films ġodda fl-iswali taċ-ċinema għal din il-ġimgħa

Carmel Bonnici / 14 t'Awwissu 2017 12:48
Jonas Kaufmann My Italy

Jidhru: Jonas Kaufmann; Joachen Rieder

Direttur: Andy Sommer

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 105 min

Ċert: U

Jonas Kaufmann hu tenur Ġermaniż affaxxinat bil-kbir bil-lingwa Taljana, bil-ħajja u l-kultura ta' dan il-pajjiż u fuq kollox, bil-mużika. ‘Jonas Kaufmann My Italy’ hu dokumentarju mużikali dwar kunċert speċjali li fih dan it-tenur stess hu l-protagonist. Fl-ewwel parti ta' dan il-film, waqt li Kaufmann idur bil-karozza tiegħu madwar postijiet sbieħ ta' arkitettura klassika u anki xi bajjiet attraenti, hu jkanta melodija popolari klassiċi bħal ‘Torna A Surriento’, ‘Parla Piu' Piano’, ‘Caruso’ eċċ. fit-Teatro Carignano ta' Turin, bil-parteċipazzjoni tal-Orkestra Sinfonika Nazionale della RAI imexxija minn Joachen Rieder u jirċievi applawsi kbar. Fit-tieni parti, mit-Teatro La Scala ta' Milan jkanta ‘arji’ immortali minn opri famużi bħal ‘Manon Lescaut’, ‘Turandot’, ‘Tosca’ u anki ‘La Fanciulla Del West’ u kanzunetta oħra dejjem ħajja ‘Non Ti Scordar Di Me’, bil-pubbliku tassew immeraviljat bih. Fuq kollox, dan it-tenur simpatiku, dejjem bi tbissima ħelwa fuq fommu wara kull kanzunetta jew ‘arja’ ilu li nkaram wara dan il-pajjiż sa minn mindu kien tifel ta' sitt snin u naraw xi filmati li missieru kien jiġbed. ‘Jonas Kaufmann My Italy’ jipprovdi sagħtejn neqsin kwart ta' divertiment mill-qalb!

 

Valerian and the City of a Thousand Planets

Atturi Ewlenin: Dane DeHaan; Cara Delevingne; Clive Owen; John Goodman; Rihanna

Direttur: Luc Besson.

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 137 min

Ċert: 12A

Id-direttur prolifiku Franċiż, Luc Besson, wara ‘The Fifth Element’ qed jerġa' jmidd idu għall-produzzjoni oħra tax-xjenza fittizja, aktar epika, elaborata u spettakulari mill-film tal-1997.  ‘Valerian and the City of a Thousand Planets’ huwa bbażat minn fuq serje ta' kotba komiks bl-isem ta' ‘Valerian And Laureline’ li ispiraw artisti, kittieba u anki dawk li jaħdmu l-films. Ninsabu fis-seklu 28, infatti fis-sena 2740 fejn Valerian [DeHaan] u Laureline [Delevingne] huma żewġ aġenti tal-ispazju li jżommu l-ordni fit-territorji umani. Ordnati mill-Ministru tad-Difiża [il-mużiċist Herbie Hancock], dawn it-tnejn jitilqu fuq missjoni fil-belt li dejjem qed tespandi ta' Alpha, fejn tul is-sekli kull esseru mill-univers marru jgħixu biex jakkwistaw għerf, intelliġenza u kultura diversa. Fiċ-ċentru ta' din il-Metropoli, forza malinna qed thedded l-eżistenza paċifika ta' din il-belt ta' Elf Pjaneta. Dawn iż-żewġ żgħażagħ enerġetiċi jridu jsibu tarf ta' dan il-misterju biex jissalvagwardjaw il-futur tal-univers.  Minkejja li mhux film ta' Hollywood, ‘Valerian and the City of a Thousand Planets’ hu ovvju li fuqu ntefaq baġit enormi. Il-kompożizzjonijiet tax-xeni, l-effetti speċjali viżwali u l-iskop ġenerali ta' dan ix-xogħol, li tistħajjel li hu ħolqa bejn ‘Avatar’ u s-sensiela ‘Star Wars’, ċarament jixhdu dan. Ir-reazzjoni ta' bejn iż-żewġ aġenti, kuraġġużi u prattiċi, jittantaw u jinbxu lil xulxin, jidhru bl-inqas ħsieb ta' biża' għal kull xorta ta' periklu, b'Laureline tixtieq taqbad relazzjoni romantika serja u Valerian, frisk bħal ħassa, mingħajr l-iċken ħsieb ta' dan, kultant b'mod umoristiku, għandha parti sostanzjali mill-andament.

 

Annabelle: Creation

Atturi Ewlenin: Stephanie Sigman; Talitha Bateman; Lulu Wilson; Anthony LaPaglia; Miranda Otto

Direttur: David F. Sandberg

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 109 min

Ċert: 15

Annabelle, il-pupa mxajtna kellha parti ċkejkna fil-film tal-biża' ‘The Conjuring’ u fl-2014 kienet il-protagonista assoluta f'‘Annabelle’ li finanzjarjament mar tajjeb ħafna ‘Annabelle: Creation’ jeħodna fil-bidu ta' meta din il-pupa nfamija nħakmet mill-forzi tad-dlamijiet, fl-ewwel dar tagħha ta' kamra żgħira ta' tifla, sa ma ħadet pussess djaboliku ta' din l-istess imsejkna tifla. Din il-pupa tassew sabiħa, b'dekor ta' lbies tas-snin erbgħin [min veru jġemma' tassew dawn il-figuri jhallas ħafna għall-pupa Annabelle] ġiet magħmula b'turija ta' mħabba devota minn missier lejn bintu li hi l-mimmi t'għajnejh Samuel u Esther Mullin [LaPaglia u Otto], flimkien ma' binthom Annabelle ‘Bee’ [Samara Lee] huma familja ferħana, eżemplari u amikevoli. Samuel jagħmel il-pupi u naturalment, lil bintu jtiha xi ħaġa speċjali - pupa mdaqqsa, eskwiżita u tassew attraenti li jsemmugħha Annabelle.  Meta din il-familja tolqotha traġedja kbira, it-telfa ta' Bee, kawża tal-pupa ppussessata, diversi snin wara huma jilqgħu ġo darhom lil waħda soru u sitt ibniet minn orfanatrofju iżolat li spiċċa. Malajr dawn kollha jsiru l-mira tal-imsaħħra kreazzjoni tal-ħaddiem tal-pupi. ‘Annabelle: Creation’ jiżvolġi tajjeb u bil-pawsa meħtieġa fis-sekwenzi tal-biża’ u t-twerwir, iżda fl-aħħar għoxrin minuta jirranka b'orġja sfrenata ta' taħbit qawwi, qtajja' u mwiet.  Bħall-film ta' qabel, il-produtturi ġabu qassis Kattoliku biex ibierek is-sett!