Festi | Maġija ta’ lwien fis-smewwiet

Spettaklu ta' logħob tan-nar fiż-Żurrieq lejliet il-festa tal-Madonna tal-Karmnu

Albert Gauci Cunningham / 19 ta' Lulju 2017 11:33
Piroteknika. Arti. Maġija...fiż-Żuirrieq nhar is-Sibt li ġej
Bħalma għamlet minn kemm ilha mwaqqfa, il-Mount Carmel Fireworks Factory ħejjiet programm sħiħ ta’ logħob tan-nar, kemm tal-ajru kif ukoll tal-art, biex tkompli ssebbaħ iċ-ċelebrazzjonijiet li l-Komunità Karmelitana taż-Żurrieq torganizza b’ġieħ u devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu. Xejn inqas din is-sena li qed timmarka l-anniversarju tant importanti tal-175 sena mill-wasla tal-vara artistika u devota tal-Madonna tal-Karmnu.

L-akbar attrazzjoni piroteknika se jerġa’ jkun l-ispettaklu “Magic In The Sky” li kif jixhed ismu se jkun qed joffri wirja mill-isbaħ ta’ maġija ta’ ilwien fis-smewwiet. U billi din is-sena hija waħda speċjali, id-diriġenti tal-Kumpless tan-Nar ‘Mount Carmel’ ħasbu biex joħorġu b’koreografija differenti u aktar attraenti li biha n-nar ikkulurit se jkun litteralment jiżfenc man-noti mużikali f’sinkronizzazzjoni perfetta.

Dan l-ispettaklu se jittella’ nhar is-Sibt, 22 ta’ Lulju - Lejliet il-Festa tal-Madonna tal-Karmnu. Fid-9.30p.m. jingħata bidu għall-ewwel parti tal-ispettaklu piromużikali ‘Magic In The Sky’ u wara tkompli l-ħarqa tradizzjonali ta’ murtali tal-beraq pront, beraq tal-kulur u logħob u murtali tal-kulur, li twitti t-triq għall-Gran Fianle tal-ispettaklu li se jkun sinkronizzat mal-mużika.

Din is-sena, dan l-ispettaklu piromużikali se jkun qed jinħaraq minn post differenti u biex jitgawda sew, huwa rrakkomandat lill-eluf ta’ dilettanti tan-nar li jiġu minn kull parti tal-gżejjer Maltin biex imorru  fi Triq l-Imqabba jew fi Triq tal-Kmand, iż-Żurrieq. Ta’ min ifakkar li dakinhar ukoll, fil-11.30p.m., se jingħata spettaklu ieħor, din id-darba ta’ logħob ta’ nar tal-art li jkun armat f’Misraħ Mattia Preti.

S’intendi, matul il-ġimgħa ta’ ċelebrazzjonijiet speċjali tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu - mis-16 sat-23 ta’ Lulju - il-Kumpless tan-Nar ‘Mount Carmel’ se jkun qed jagħmel diversi ħarqiet ta’ murtali tal-bomba, beraq pront, murtali tal-kulur kif ukoll kaxxi infernali tal-kulur u murtaletti. 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.