opinjoni | L-għażla ta’ Muscat

Saviour Balzan dwar l-għażla tad-delegati Laburisti...

Saviour Balzan / 9 ta' Lulju 2017 08:30
Il-Ministru Edward Scicluna
Hekk kif bdew iħabbru l-kandidatura għall-post ta’ deputat mexxej fil-Partit Laburista, it-tliet kandidati taw l-impressjoni li kollha kemm huma għandhom is-sapport tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Il-verità hi li Edward Scicluna, ministru tal-finanzi, biss ġie mitlub biex jitfa’ l-kandidatura tiegħu minn Muscat. 

Iva, l-oħrajn ġabu l-barka imma mhux is-siġġill. Ħa nagħmilha ċara ma jfissirx li Dalli jew Fearne mhumiex tajbin biex ikunu kandidati jew li ma jkunux tajbin għall-kandidatura ta’ mexxej – ħames snin oħra.

Iżda hija ċara li Joseph Muscat irid kontinwità fil-politika tiegħu. Irid li dak li kien beda ma’ Louis Grech u Toni Abela jitkompla fl-aħħar ħames snin tiegħu ta’ gvern.

Edward Scicluna mhuwiex politiku tas-soltu, ma trabbiex fil-partit Laburista bħalma trabbiet Dalli u sa ċertu punt Fearne.

Imma għandu valur importanti ħafna għal Muscat, huwa moderat, ċar, jitkellem b’mod kalm, jirrappreżenta l-ħsieb ekonomiku ta’ Muscat u jappella għan-nies ta’ nofs triq. 

Jiġifieri dawk li kieku għalihom il-Partit Laburista huwa l-partit tal-bawbaw tat-tmenijiet. 

Scicluna għandu valur ieħor, huwa leali u ma jistax jaqla’ inkwiet għal Muscat. U Muscat ma jridx wieħed jew waħda mqarba ma’ sormu.

"Fuq Muscat: Irid jiffoka fuq ix-xogħol tiegħu u mhux fuq min irid jilħaq minfloku. Għaldaqstant din kienet ir-raġuni għalfejn dar fuq Scicluna u kkonvinċih biex joħroġ "
Saviour Balzan
Ma jfissirx li Helena Dalli jew Chris Fearne huma t’hekk imma jibqa’ l-fatt li Muscat ma jridx logħob. 

Irid li l-aħħar ħames snin jidħol fil-port bil-qlugħ imtellgħin u mimljin u mingħajr ma jkollu jħares lura jew mal-ġenb.

Irid jiffokka fuq ix-xogħol tiegħu u mhux fuq min irid jilħaq minfloku.

Għaldaqstant din kienet ir-raġuni għalfejn dar fuq Scicluna u kkonvinċieh biex joħroġ.

Scicluna għandu 70 sena, ħames snin oħra jew qabel ikun ideali biex jiġi nominat bħala President. Bniedem mhux kontroversjali u raġunat.

Muscat ma jilgħabx ċess għalxejn.

Jaf li ħames snin oħra ser ikun hemm ħafna kandidati li jkunu qed iħarsu lejn it-tron u mhux ser ikun faċli li jinstab persuna li għandu l-istess merti tiegħu.

Imma ma naħsibx li ser ikun daqshekk egoist li jħalli kollox għaċ-ċans u jaċċetta li jiġi xi ħadd ambizzjuż li ma għandux il-kapaċità jibni fuq dak li rnexxielu jwettaq.

"Scicluna għandu 70 sena, ħames snin oħra jew qabel ikun ideali biex jiġi nominat bħala President. Bniedem mhux kontroversjali u raġunat. Muscat ma jilgħabx ċess għalxejn "
Saviour Balzan
Iktar u iktar meta jidher ċar li Partit Nazzjonalista qisu tim tal-futbol fejn mhux biss hemm ħafna qtugħ ta’ qalb, imma ksur u muskoli miġbudin.

Hemm ukoll realtà oħra, il-Partit Laburista jrid xi ħadd żagħżugħ li jmexxi ħames snin oħra, xi ħadd li llum għandu 35 u jagħlaq 40 sena ħames snin oħra jew irid xi ħadd matur ta’ sittin sena bħal mhu ser ikun Dalli u Fearne?

Ma hemm xejn ħażin li jkun hemm nies maturi, anzi xi kultant aħjar.  Imma kollox fih tiegħu. U jekk verament timmaġina partit politiku ħaj u mimli enerġija iktar tistenna li l-kandidat li jippreżenta ruħu ħames snin ikun żgħir u mhux matur.

Imma danakollu paroli vojt għax l-ewwel irid jiġi elett deputat mexxej  minflok Louis Grech. Verament meta tikkunsidra kollox, ħafna mix-xogħol tad-deputati mexxejja huwa simboliku. Il-Prim Ministru jibqa’ l-ġeneral li jiddeċiedi kollox.

Imma għax huwa simboliku, Muscat irid li Scicluna jkun il-persuna li tkun ħdejh, bħalma kien fl-elezzjoni ġenerali fejn ippreżenta lilu nnifsu bħala persuna li xprunat l-ekonomija ta’ Malta u mhux hekk biss, imma tat l-impressjoni li kollox miexi ħarir.

Fl-ekonomija, bħal fin-negozju,  il-perċezzjoni kollox. Scicluna jirnexxilu jkattar dik il-perċezzjoni. Muscat iħobb ikattar perċezzjoni, ħafna drabi bbażata fuq il-verità u bosta drabi bbażata fuq illużjoni.

Imma dik hija l-politika, u jista’ jkun li d-delegati tal-Partit Laburista dan l-argument fehmuh iktar milli naħsbu u bħas-soltu jiddiċiedu b’ċerti għaqal u ħażen.

 

Saviour Balzan huwa l-Editur Maniġerjali tal-Mediatoday

 

Saviour Balzan is the founder and co-owner of MaltaToday. He has reported on Maltese politics and society for the last 30 years. In his early days he was actively involved in the Green lobby and later the Green Party. He put politics behind him two decades ago and immersed himself in journalism, working to set up newspapers such as il-Fehma, l-Alternattiva, The People and The Independent daily. MaltaToday was launched in 1999 and soon became the leading no holds barred issue oriented newspaper. In recent years he has been engaged in setting up the digital edition of MaltaToday and a Maltese Sunday newspaper Illum. He has also hosts a TV programme Reporter. In February of last year he published his first book ‘Saying as it Is,’ Volume I.