Wara l-Presidenza sfida ġdida għal Neil Kerr: Minn Brussell għal Lussemburgu

Investejna fin-nies u għalhekk trid tiżgura li dan l-investiment tkun tista’ tikapitalizza minnu. Ikun ħasra jekk jinħela l-kapital kollu li rnexxielna nġemmgħu f’dan il-perjodu

John Busuttil minn Brussell / 4 ta' Lulju 2017 18:15
 

Sitt xhur ilu bdiet il-mixja tal-ILLUM li segwa l-Presidenza minn Brussell. Esperjenza li qsamna magħkom il-qarrejja dwar x’kien qed jiġri eżatt fi Brussell mill-ħaddiema li laħqu aktar minn mitejn biex din il-Presidenza tkun fost l-aqwa li qatt kien hemm. U dan qaluh l-ogħla uffiċjali fi Brussell. Iżda l-verità hi li dan is-suċċess ma kienx biss tal-Prim Ministru u l-ministri iżda ta’ dawk l-‘unsung heroes’ li tant ħadmu biex wasal dan is-suċċess. Għalhekk iddeċidejna li nagħlqu b’intervista mad-deputat rappreżentant permanenti, Neil Kerr li hu l-kap tal-Coriper 1 minn żewġ coripers, bil-parti l-oħra mmexxija b’mod sublimi wkoll mir-rapreżentant permanenti u l-ambaxxattriċi Marlene Bonnici.

Ta’ min jgħid ukoll li Neil Kerr wara snin jaħdem fi Brussell u wara din l-esperjenza tiegħu bħala wieħed mill-ogħla uffiċjali għal din il-Presidenza tal-Kunsill Ewropew, issa ċeda postu u ngħaqad fil-kabinett tal-membru fil-qorti tal-awdituri Ewropea, Leo Brincat bħala l-kap tal-kabinett tiegħu. Dan ħabbru esklussivament f’din l-intervista fejn qalilna li seta’ jiżvelaha minħabba l-fatt li b’dan it-trasferiment tiegħu kien anke jaf il-Prim Ministru Malti u l-ministru għall-UE, Helena Dalli.

“Hi sfida ġdida, wara 11-il sena naħdem f’dawn iċ-ċrieki fi Brussell. L-esperjenza rajtha fuq dimensjoni nazzjonali minn tliet entitajiet li jieħdu ħsieb dak kollu li għandu x’jaqsam fejn jidħlu l-affarijiet Ewropej tal-gvern. Fejn kont wieħed minn żewġ Maltin li għamiltha din, li kont responsabbli mid-direttorat tal-EU affairs fil-ministeru partikolari, fejn kont kap tal-istess segretarjat u issa qiegħed DPR hawnhekk. Issa se nkun qed nagħmel affarijiet ġodda iżda kull fejn mort dejjem għamilt mill-aħjar biex nagħti l-massimu mill-esperjenza li ġbart minn kull fejn kont. Mhux se ngħaġġel, se nkun qed nieħu l-ħin kollu possibbli biex nitgħallem u se nieħu din l-okkażjoni wkoll biex nerġa’ niskopri l-familja li minħabba x-xogħol f’dawn l-aħħar sitt xhur kważi kont mifrud minnha. Persważ li dak kolu li ksibna minn din il-presidenza nkun nista’ nkompli ngħin biex nimmasimizzaw l-esperjenza tagħna fl-Unjoni Ewropea kif jixraq lil pajjiżna.”

Dak hu l-futur ta’ Neil Kerr iżda ma stajniex ma niddiskutux il-passat tal-Presidenza minn sitt xhur ilu sal-ġurnata tal-lum. Esperjenza li bħal kull ħaġa oħra fid-dinja fiha hemm it-tmiem.

“Il-punt tat-tluq kien il-programm nazzjonali fejn fassalna l-manifest tal-Presidenza tagħna. Għamilna eżerċizzju intern fejn rajna dak kollu li rnexxielna naslu għalih minn dak li ridna nilħqu fil-bidu tal-Presidenza. Mill-analiżi li għamilna minn xi 108 ‘deliverable’, wieħed biss ma rnexxilniex nilħqu, li kienet ‘European Aviation Safety Agency’ kien hemm il kundizzjonijiet minn naħa tal istituzzjonijiet l oħra f posthom u ma rnexxilhiex nagħlqu n negozjati minħabba raġunijiet interpersonali, għax kien hemm xi seba’ oħra li ma lħaqnihomx mhux tort tagħna iżda għax il-Parlament Ewropew ma kienx f’pożizzjoni li jingaġġa mal-Presidenza jew għax ma jkunx ħareġ bil-pożizzjoni tiegħu inkella l-kummissjoni tkun ħarġet bil-proposta tard.”

Neil Kerr qal li fil-bidu tal-Presidenza taw dokument ta’ paġna waħda li fiha kellhom lista ta’ dak li riedu jilħqu u ħafna pajjiżi meta rawhom fil-bidu kemmxu xufftejhom u għax ħasbu qed jippretendu wisq. “Iżda f’dawn is-sitt xhur kważi messejnihom kollha. L-akbar prijorità kienet ir-riunjoni bejn l-Ewropa u ċ-ċittadin fejn kien hemm enfasi qawwija fuq id-digital single market u hawn ħassejtni kburi li mexxejt tim fejn id-Direttur Ġenerali tal-Komunikazzjoni qal li l-Presidenza Maltija ‘delivered beyond expectations’ u meta tismagħha minn dawn in-nies li ħadmu ma’ numru ta’ presidenzi u jgħid hekk dwar pajjiżek, tħossok kburi immens.”

Kerr qal ukoll li taħt il-Presidenza Juncker fil-qasam tiegħu ta’ ‘Coriper 1’, Malta hi l-aktar Presidenza li għalqet files mal-Parlament Ewropew, “u dan kollu f’sitt xhur. Fejn l-aħħar wieħed li kien il-Protezzjoni tal-Konsumatur ħriġnieh il-mandat u għalaqnieh fl-aħħar sigħat tal-Presidenza. Dan kien file li f’Diċembru kienu diġà għamluh bħala file mejjet.”

Għalkemm il-kap tal-‘Coriper’ fejn mexxa dawn il-laqgħat, Kerr reġa’ semma’ l-fatt li wara dan is-suċċess kien hemm tim ta’ nies li tant ħadmu fil-working parties u ħadmu ħafna billi għamlu l-ground work iebes li wasslu għas-suċċess. Fil-fatt anke l-Prim Ministru żar il-ħaddiema u qalilhom li din l-esperjenza hemm bżonn li tibqa’ titmexxa f’istituzzjonijiet Ewropej favur pajjiżna. Mistoqsi dwar x’se jiġri mill-ħaddiema li issa ntemmilhom il-kuntratt tal-Presidenza Neil Kerr qal, “Dawn għandhom wisq biex ikunu kburin b’dak li għamlu. Ultimament l-esperjenza nqisha bħala qasrija bil-pjanta fiha. Kellna l-pjanta qed tikber u issa wieħed irid jieħu ħsieb il-pjanta li tkompli tikber u ssebbaħ l-ambjent tagħha. Investejna fin-nies u għalhekk trid tiżgura li dan l-investiment tkun tista’ tikkapitilizza minnu. Għax hawn kellek nies li mhux biss ipparteċipaw iżda mexxew il-laqgħat u dawn tgħallmu eżatt kif jaħdem il-makkinarju tal-Kunsill. Issa jafu kif il-pajjiżi jibnu koalizzjonijiet ma’ xulxin biex jimbuttaw proposti li jridu jmexxu. Jafu kif taħdem uffiċjali fil-kummissjoni. Barra l-kuntatti li bnew fuq livelli personali. Dak hu l-pass li jmiss li l-Presidenza toħroġ mill-kaxxa ta’ Brussell u niżguraw li mill-Presidenza nieħdu dak kollu li nistgħu.

“X’se jiġri eżatt mill-ħaddiema ma nafx għax m’iniex daqshekk privileġġjat li nkun naf eżatt x’se jsir jew x’għandu f’moħħu l-gvern. Ikun ħasra jekk jinħela l-kapital kollu li rnexxielna nġemmgħu f’dan il-perjodu mhux biss tas-sitt xhur, iżda anke tas-snin li ħdimna qabel meta konna qed nippreperaw għall-Presidneza.”

Kerr qal li qabel il-Presidenza kien hemm 60 ħaddiem Dar Malta u issa għadu ma jafx jekk dawn jiżdidux għax ix-xogħol issa kiber minħabba l-fatt li hemm sezzjonijiet li kienu sitt persuni u issa jispiċċa b’persuna waħda meta wara l-Presidenza x-xogħol żdied. “Issa jkun hemm laqgħat immexxijin mill-Estonja iżda li rridu nieħdu sehem fihom aħna u issa n-nies li se jkunu f’dawn il-laqgħat għandhom esperjenzi kbar li ħadu meta mexxew il-laqgħat huma.”

Lejn tmiem il-Presidenza faqqgħet l-elezzjoni f’Malta. “Kellna vantaġġ li l-Presidenza tagħna fejn tidħol il-politika żammejna kuntatt il-ħin kollu mal-politiċi konċernati anke waqt il-kampanja. Id-direzzjoni politika konna diġà nafuha u l-ministri tawni ‘free hand’ biex naġixxu kif suppost. F’dan ir-rgward l-aspett tal-elezzjoni m’affetwatx. Kien hemm l-aspett loġistiku fejn kien hemm ministri li għalihom kienet aktar diffiċli li jattendu, għalkemm xorta baqgħu jattendu forsi flok lejlet ġew filgħodu. Iżda rrid insemmi b’ismu meta Evarist Bartolo anke waqt kampanja għażel li jmexxi kunsill straordinarju xorta. L-uniku vojt li kien hemm kien minn meta tħabbar ir-riżultat elettorali sa ma tħabbar il-kabinett.

“Hemmhekk kellna żewġ kunsilli li ltaqgħu f’Lussemburgu fejn dawn ġew iċċerjati minn ministri Estonjani għax bilfors iridu jkunu mmexxijin minn ministri u jien ma stajtx nagħmel dan. Għalkemm jien għamiltha ċara, xorta waħda kien hemm artikli fil-midja lokali li kienu ‘misleading’. Il-ministru Estonjan kien qed jaqra dak kollu ppreparat mingħandna u maġenbu kien hemm jien u n-nies l-oħra Maltin li kienu ħadmu fuq is-suġġett. Jiġifieri l-ministru Estonjan qara dak li ppreparajna aħna għax il-Presidenza kienet Maltija.”

Neil Kerr żied li dan għamluh ukoll għall-ministri ġodda Maltin li mexxew l-aħħar kunsilli fuq portafolji differenti milli kellhom meta bdiet il-Presidenza. Hawn semma’ lil Clint Camilleri li mhux biss qatt ma kien segretarju parlamentari, iżda lanqas kien membru parlamentari “u għamel biċċa xogħol eċċezzjonali u ħadt pjaċir ħafna kemm kien ippreparat tajjeb.”

Kerr beda l-esperjenza ma’ Ian Borg u Louis Grech u issa se jagħlaqha ma’ Helena Dalli, “Ma nbidel xejn, dak li kont nagħmel ma’ Ian nagħmlu ma’ Helena. Bħala karattri huma differenti, li rrid ngħid hu li ma’ Helena mmur tajjeb ħafna fis-sens li drajna lil xulxin. Hemm ħafna komuni bejniethom it-tnejn.”

Neil Kerr semma’ mument personali li se jibqa’ jiftakru f’din il-Presidenza, “f’dawn ix-xhur kull meta kont nirritorna d-dar dejjem kont insib lit-tfal reqdin. Darba konna lħaqna proposta li se tibqa’ f’moħħi għal dejjem. Diffiċli li ngħid lil uliedi ta’ sitt snin u erba’ snin dwar x’nagħmel. Konna għadna kif ilħaqna proposta li jkun hemm wifi hot spots b’xejn madwar l-Ewropa u kien mument fejn ħassejtni li nista’ nispjega lil uliedi x’għamilt dakinhar. Illum it-tfal kollha bl-ipads u jkunu jridu l-wifi. Kif mort id-dar għajjattilhom u għidtilhom li issa se jkun hemm wifi kullimkien fl-Ewropa. Għax ħassejtni kburi li ferraħt lil uliedi li issa setgħu jaraw il-YouTube kullimkien.”

Iżda qal li mument professjonali li tah sodisfazzjon kbir hu li kien hemm ċerti pajjiżi li fil-bidu kienu magħrufa li se jkunu diffiċli iżda li Malta rnexxielha ttellagħhom ‘on board’, “u huma apprezzaw il-fatt li għalkemm xorta kellna maġġoranza mingħajrhom xorta ridniehom magħna wkoll. Bla dubju li l-avviċinament tal-karattru Malti f’din il-Presidenza għenet ħafna bil-mod kif konna kapaċi mmexxu l-proposti tagħna mhux bħala ‘bulldozers’ iżda bil-mod Malti tagħna.”

Neil Kerr temm l-intervista billi semma’ mumenti li dejquh, “Meta kien hemm żewġ proposti li taf li kellek tim ta’ nies li qed jagħtu kollox u f’daqqa waħda f’ċertu pajjiżi nbidel gvern u waqqgħu dak kollu li jkun tant sar xogħol fuqu. L-aktar ħaġa li tweġġa’ meta tara dak kollu li taw jitħarbat mhux tort tagħhom.”