Fiċ-ċinema din il-ġimgħa

Ir-ritorn tal-Minions f'Despicable Me, u d-drama 'Gifted' fost il-films ġodda fis-swali taċ-ċinema din il-ġimgħa

Carmel Bonnici / 3 ta' Lulju 2017 09:51
Despicable Me 3

Vuċijiet Ewlenin:  Steve Carell;  Kristin Wiig;  Trey Parker;  Miranda Cosgrove;  Steve Coogan;  Julie Andrews

Diretturi:  Pierre Coffin u Kyle Balda

Maħruġ minn KRS Releasing

 Tul: 90 min. 

Ċert.: U

Is-sensiela animata tas-superviljakk Gru waslet fit-tielet puntata tagħha b'"Despicable Me 3".  Din il-produzzjoni hija tassew divertenti, mimlija

avventuri mħarrkin u kkuluriti.  Felonious Gru [vuċi ta' Carell] minn viljakk "di natura" issa sar aġent tal-Lega ta' kontra l-Viljakki.  Hu

jirnexxielu jħarbat il-pjan tas-superviljakk Balthazar Bratt [Parker], li qabel kien tifel attur, milli jisraq l-aktar djamant li jqum fid-dinja, iżda

ma jirnexxilux jaqbdu.  Minħabba f'hekk u attentati oħra, Gru u martu Lucy [Wiig], jispiċċaw minn din l-organizzazzjoni. Gru jsir jaf li għandu ħuh tewmi, Dru [ukoll Carell], sinjurun li jħobb juri ruħu. Il-Minions, dawk il-karattri viljakki żgħar, sofor, jitilqu lil Gru u jqajmu ħafna inkwiet fil-belt.  Gru u Dru jingħaqdu biex jikkumbattu lil Bratt, mgħejjuna minn Lucy u t-tlitt itfal orfni tagħhom, Margo, Edith u Agnes. Il-final huwa tassew spettakulari, speċjalment għal min jarah bit-3D. "Despicable Me 3" hu xogħol pjaċevoli ħafna b'final imfawwar eċitament meta s-superviljakk Bratt juża tip ta' "chewing gum" li jespandi bil-kbir u kapaċi jgħolli fl-ajru mhux biss vapur imma anki belt sħiħa bħal Hollywwod. Kieku James Bond jinħadem bħala film animat, ir-riżultat se jkun simili ħafna għall-aħħar parti ta' din il-produzzjoni!

 

Gifted

Atturi Ewlenin:  Chris Evans;  McKenna Grace;  Lindsay Duncan;  Jenny Slate; Octavia Spencer

Direttur:  Marc Webb

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 101 min. 

Ċert.: P.G.

L-isem tal-film "Gifted" jindika xi ħadd b'don jew talent speċjali.  Din hija Mary Adler [Grace], tifla ta' seba' snin, spirituża, dejjem b'risposti adekwati fuq xufftejha, li qed irabbieha zijuha, Frank [Evans].  Mary hija ġenju fil-matematika, iżda Frank iridha li tgħix ħajja normali kemm jista' jkun  bħat-tfal ta' tamparha.  Kollox se jinbidel meta ommu Evelyn [Duncan], mara aristokratika u sinjura minn Boston, in-nanna tat-tifla, tħejji pjanijiet oħra għal din il-brava ċkejkna, pjanijiet li se jifirduha miz-ziju li tant tħobb. It-tensjoni f'din il-familja se tilħaq il-qofol tagħha fil-qorti. Waqt dan il-każ, it-tifla u z-ziju se jsibu appoġġ minn Roberta [Spencer], sid tad-dar fejn joqgħod Frank u minn Bonnie [Slate], l-għalliema ta' Mary li dejjem moħħha fiha, kif ukoll tibda relazzjoni romantika ma' Frank. "Gifted" huwa wieħed minn dawk ix-xogħlijiet li jħallat mumenti ta' ferħ ma' oħrajn drammatiċi. Xi kultant, l-istorja tinvadi t-territorju tal-kittieb Nicholas Sparks, iżda hawn b'aktar serjetà u impenn. Waqt li l-"cast" kollu hu tajjeb, tiddomina b'realtà u naturalità inkredibbli McKenna Grace, li tipproġetta, bla ebda diffikultà arja ta' waħda wisq aktar matura mill-età tenera li għandha. Ma nkunx sorpriż jekk din tissemma’ favorevolment f'xi festival tal-films tal-futur.