Films ġodda għal din il-ġimgħa

Films ġodda fiċ-ċinema din il-ġimgħa

Carmel Bonnici / 24 ta' Mejju 2017 12:21
King Arthur: Legend of the Sword

Atturi Ewlenin:  Charlie Hunnam;  'Astrid Berge's Frisbey;  Djimon Hounsou;  Aiden Gillen;  Jude Law;  Eric Bana.

Direttur:  Guy Ritchie.

Maħruġ minn KRS Releasing. 

Tul: 126 min. 

Ċert.: 12A

Fil-folklor Brittaniku nibtu diversi leġġendi dwar il-mitiku Re Arturu, tant li għal ħafna jitqies bħala monarka li eżista veru. Iċ-ċinema wkoll ma naqasx li juri l-ħajja ta' dan ir-renjant fi produzzjonijiet varji, bħal: "Knights Of The Round Table", “First Knight", "King Arthur", "Excalibur", dak animat ta' Disney, "The Sword In The Stone", il-mużikali "Camelot" u anki l-eċċentriku "A Connecticutt Yankee In King Arthur's Court", fost oħrajn.  Issa dan il-karattru fittizju, però maħbub, waqa' taħt il-kontroll tad-direttur Brittaniku, Guy Ritchie, li interpretah bl-istess stil u manjiera kif diġà wriena lil Sherlock Holmes.  "King Arthur: Legend Of The Sword" huwa fantasija spettakulari bl-atmosfera ta' "The Lord Of The Rings".  Iż-żagħżugħ Arturu [Hunnam], li mhux konxju li hu l-werriet tat-tron, billi l-ġenituri tiegħu nqatlu mit-tirann Vortigern [Law], jiġġerra mal-gang tiegħu fit-triqat imwarrba ta' Londinium [Londra tal-qedem, żmien ir-Rumani], jara kif jakkwista kif jgħix.  Ir-re veru għandu jkun dak li kapaċi jislet ix-xabla, Excalibur, minn ġebla għolja. Meta Arturu jipprova u jirnexxielu, is-seħer ta' din l-arma tħeġġu jħaddan il-poter li kiseb. B'hekk jingħaqad ma' dawk li se jeħduha kontra l-ħakkiem krudil, Vortigern.  It-tfajla misterjuża, Guinevere [Berge's-Frisbey], li għandha poter fuq l-għasafar, speċjalment seqer, tingħaqad miegħu.  Bil-mod, hu jirnexxilu jieħu kontroll tax-xabla, irażżan il-vizzji ħżiena li kien imdorri bihom, jgħaqqad lill-poplu biex jirbaħ lit-tirann kiefer li seraqlu l-kuruna.  F'dan ix-xogħol b'atmosfera morbida ta’ bruda bħal ta' "300", Ritchie jerġa' jaddotta l-istess direzzjoni ta' "Sherlock Holmes", bi flashbacks spissi li jinfiltraw l-azzjoni. Hawn ukoll il-protagonist jieħu s-sura ta' supereroj. Attenti għad-dehra tassew ċkejkna tal-futboler David Beckham, bħala suldat bil-kelb miegħu, meta Arturu joħroġ ix-xabla mill-blata!

Unlocked

Atturi Ewlenin:  Noomi Rapace;  Orlando Bloom;  Toni Collette;  John Malkovich;  Michael Douglas.

Direttur:  Michael Apted.

Maħruġ minn KRS Releasing. 

Tul: 108 min

Ċert.: 15

"Unlocked" huwa film ta' spjunaġġ qawwi, mimli azzjoni sfrenata, bil-protagonista mara tassew mħarrġa f'xogħolha.  Alice Racine [Rapace], waħda mill-interrogaturi gwappi tas-CIA, ġiet imwarrba mid-dipartiment tagħha wara li m'akkwistatx informazzjoni fil-ħin meta interrogat wieħed suspettuż biex issalva xi nies innoċenti minn attakk terroristiku f'Pariġi. Meta s-CIA jaħtfu bniedem li jista' jkollu informazzjoni dwar xi attakk ieħor simili, Alice terġa' takkwista l-impieg ta' qabel. Kif jirnexxilha tikseb l-informazzjoni li għandha bżonn u qabel tgħaddiha lis-superjuri tagħha, tirċievi telefonata li timlieha b'suspetti konkreti ta' konfoffa kbira. Malajr issib ruħha maħruba biex issalva ħajjitha, bi ftit persuni li tista' tafda fihom, waqt li tfittex dawk responsabbli biex twaqqaf attakk mortali bijoloġiku fuq iċ-ċittadini ta' Londra. Għalkemm l-andament ta' "Unlocked" jiżvolġi bi stil "old fashioned", fejn l-ispettatur jinsab kontinwament taħt kurżità, l-azzjoni rrankata timita lil ħafna xogħlijiet spettakulari ta' dawn l-aħħar snin, speċjalment is-serje "Bourne". Dan hu forsi l-ewwel film tal-ġeneru tiegħu fejn mara tiddomina sewwa l-istorja u kif tiżvolġi bil-ġlied u sparar ta' spiss.  L-iskript ta' din il-produzzjoni kellu l-ġenesi tiegħu tmien snin ilu u matul dan iż-żmien sar tibdil sostanzjali, aktarx skont is-suċċess ta' films ta' dan il-ġeneru ta' dan l-aħħar. 

 

Miss Sloane

Atturi Ewlenin:  Jessica Chastain;  Mark Strong;  Gugu Mbatha-Raw;  Michael Stuhlbarg;  John Lithgow.

Direttur:  John Madden.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 132 min. 

Ċert.: 15.

Fil-passat kellna ħafna films dwar intriċċi u manipular f'Washington, fil-politika Amerikana.  Uħud mill-aqwa kienu: "Advise And Consent" [1962], "The Best Man" [1964], "The Candidate" [1972], il-klassiku "All The President's Men" u oħrajn. Xogħol ieħor li jikkombina tajjeb ma' dan il-grupp hu "Miss Sloane".  Il-protagonista, Elizabeth Sloane [Chastain] teċċella ħafna fid-dinja tal-immanipular politiku u, minħabba f'hekk, hi mfittxija sewwa f'Washington D.C.  Hi għandha rekord perfett ta' suċċessi miksuba b'malizzja f'dan ix-xogħol, kif ukoll dejjem għamlet dak kollu li hemm bżonn biex tirbaħ. Però, issa waslet fi stat ta' ħajjitha fejn dan l-impenn ta' sogru u ingann kontinwu qed jagħfas fuqha personalment u professjonalment. Il-kbir ġej meta hi se teħodha ma' rival potenti, l-aqwa wieħed tal-karriera tagħha. Forsi l-metodi korrotti li użat fil-passat se jirbombjaw fuqha. "Miss Sloane" hu thriller politiku li juri biċ-ċar kif jaħdmu dawk propagandisti għall-membri tas-Senat Amerikan u kif dan il-logħob jiżvolġi u jintrebaħ fil-Capitol Hill. Jessica Chastain għal darb'oħra f'vena brillanti tinterpreta lil Elizabeth Sloane bħala waħda determinata għall-aħħar, ma tqisx u ma taqta' qalbha minn ħadd, basta tissodisfa ż-żelu aħħari tagħha li tirbaħ akkost ta' kollox - f'kelma waħda "a dirty bitch".

 

The Belko Experiment

Atturi Ewlenin:  John Gallagher Jr.;  Tony Goldwyn;  Adria Arjona;  John C, McGinley;  Melonie Diaz.

Direttur:  Greg MaLean.

Maħruġ minn Side Street Films, Eden Cinemas. 

Tul: 88 min

Ċert: 18.

X'hemm simili bejn il-films "[Rec]" [2008], "Quarantine" [2009] u "The Raid" [2012"?  Dawn kollha jiżvolġu fi blokk appartamenti kbir li jingħalaq biex ħadd ma jkun jista' joħroġ jew jidħol, minħabba xi marda fatali jew attakk feroċi fuq gang potenti tad-drogi. Dan ix-xenarju se nerġgħu nżuruh f'"The Belko Experiment".  Din il-produzzjoni tingrana b'andament furjuż li jwassal għall-brutalità qawwija u anki salvaġiżmu. Il-blokk enormi u modern tal-Korporazzjoni Belko jinsab f'Bagota, il-Kolombja. Dan il-post, maqtugħ għalih waħdu hu mgħasses minn gwardji armati. Fil-bidu, l-impjegati Kolombjani jitneħħew u jibqa' biss hemm ġew 80 ħaddiem Amerikan.  F'salt wieħed, dan il-bini jissiġilla ruħu b'barrikati tal-ħadid anki mat-twieqi. Minn fuq l-intercom tinstema' vuċi li tordna biex f'ħin qasir jinqatlu tnejn minnhom, inkella jmutu erbgħa. Meta jgħaddi l-ħin u dan ma jsirx, erba' jmutu b’mod misterjuż u jinqala' paniku kbir. Meta l-vuċi tħabbar li hemm bżonn imutu 30 oħra, l-impjegati jduru għal xulxin b'qilla kbira.  Min hu dak li qed jikkontrollahom u x'inhu l-iskop tiegħu?  "The Belko Experiment" hu tassew eżempju ta' ferneżija soċjali li twassal għal masskru mdemmi!