It-tieġ ta’ Ida

Ir-rakkont ta' Sharon Calleja

Sharon Calleja / 27 t'April 2017 17:12
Il-jum kien kważi wasal.

Lejliet il-ġurnata li tant kien ilu jistenna.

L-għada…l-għada kien ser jiżżewweġ lil Ida.

Ħares lejn it-tavolina fejn kien hemm ritratt tiegħu flimkien ma’ ħuh Gregorio meta kienu għadhom tfal. Tbissem b’sodisfazzjon.

Kien jaf.

Iva, kien jaf.

Ida ma kinitx tħobbu. Il-mara li suppost kienet ser tkun martu l-għada, kienet tħobb lil ħuh Gregorio.

Iżda hu kien il-kbir. U missieru kien irranġalhom kollox sabiex Ida tiżżewwġu.

Kien raha tinnamra ma’ ħuh. U b’tant għira, kien talab lil missieru sabiex jippjana żwieġ bejn iż-żewġ familji malajr.

L-atteġġjament ta’ Gregorio kien wieħed mistenni, fil-fatt ħuh bilkemm kien għadu jkellmu.

Kien jarah iħares lejn Ida meta kienet tkun għandhom minħabba l-preparamenti.

Fil-bidu kien għamel xi żewġ xenetti.

Ġlied u għajjat.

Tkissir.

Iżda hu kien ħareġ rebbieħ. Il-pjan taż-żwieġ kien diġà mħejji. U Gregorio u Ida kellhom ibaxxu rashom għal dak li kien tfassal għalihom.

Renzo ħareġ il-pakkett tas-sigaretti, poġġa wieħed bejn xufftejh u ħares ’il barra mit-tieqa.

Ida kienet togħġbu.

Kienet l-isbaħ xbejba li qatt kien ra.

Meta kien raha l-ewwel darba, kien ħass l-għaraq ixoqq għalih u kien xtaqha. Riedha. U ried jagħmilha tiegħu, anke jekk fil-fond ta’ qalbu kien jaf li kienet għadha trid lil ħuh.

Hu kien ikbar. Aktar b’saħħtu.

Tbissem waħdu hekk kif ra d-duħħan tas-sigarett jiffiltra ruħu lejn il-ħġieġa tat-tieqa. Ħares lejn il-friegħi nexfin tas-siġra li kien hemm taħt it-tieqa ta’ kamartu, jirriflettu fid-dawl fiddieni tal-qamar u ħass sodisfazzjon.

“Ida…..” qal b’leħen baxx, jikser is-silenzju totali li kien hemm f’dik il-ħemda ta’ lejla sajfija. Kellu seba’ mitt sena sakemm tgħaddi ċ-ċerimonja ħalli jagħmilha tiegħu.

It-tieġ kien ser ikun perfett. Kellu jkun f’waħda mill-isbaħ swali li kien hawn fir-raħal, kollox mill-aqwa u mill-ifjen.

Pejjep is-sigarett kollu, daħal fis-sodda u għalaq għajnejh.

Inħasad.

Minn jaf kieku…?

Qam bilqiegħda jħares b’għajnejh imberrqin lejn is-saqaf umduż ta’ kamartu. U jekk tgħidlu le?

Hux tgħidlu le…missierha kien qisu ġolf. U kien jaf li Ida kienet se tisma’ minn missierha għaliex kienet tibża’ minnu.

B’dan il-ħsieb f’moħħu, Renzo għalaq għajnejh u raqad.

L-għada sebaħ jum sabiħ, temp bellezza tas-sajf.

Kulħadd kien lest fil-knisja.

Għajnejn Renzo waqgħu fuq ħuħ. Dak il-ħin, Gregorio tah daqqa t’għajn ħafifa u ħares lejn in-naħa l-oħra tal-knisja. Renzo kellu aptit jinfaqa’ jidħak. Kien ħadhielu. Iva kien ħadhielu. Gregorio kien jidher aġitat u nkwetat. U hu rebbieħ.

Bdiet titkanta l-Ave Maria u raha dieħla.

Qalbu waqfet.

Kemm kienet sabiħa!

Ida, il-mara li kienet ser tkun tiegħu!

Waqt il-quddiesa, ma setax jaqla’ għajnejh minn fuqha. Hi żammet ħarsitha ’l isfel il-ħin kollu, donnha xi ftit mistħija.

“…fis-saħħa u l-mard?” staqsieh il-qassis.

“Iva.” Leħen Renzo kien sod.

Gregorio bela’ r-rieq li kien tela’ għal griżmejh. Lanqas ried jemmen li ħuh kien kapaċi jifridhom hekk. Mhux wara li kien jaf li Ida kienet il-maħbuba tiegħu. Iżda hu ma kellux kontroll fuq din is-sitwazzjoni.

“Lesta li tieħu lil Renzo Decelis…fit-tajjeb u l-ħażin, fis-saħħa u fil-mard?” Staqsieha l-qassis.

Dak il-ħin waqa’ silenzju assolut fil-knisja.

Renzo kien qed iħares lejn Ida, b’par għajnejn imberrqin. Il-qassis kien qed iħares lejn Ida. Gregorio kien qed iħares lejn Ida. Omm u missier Ida kienu qiegħdin iħarsu lejha wkoll.

Ida tat daqqa t’għajn ħafifa lejn Gregorio. Ħasset qalbha ħierġa minn ġo sidirha. Ħarset lejn missierha li kien qed iżebbeġ għajnejh qisu għafrid.

“Iva,” lissnet b’leħen imbikkem.

Ħarset lejn Renzo għall-ewwel darba u rat is-sodisfazzjon li kien hemm fuq wiċċu. Għal mument, xtaqet tgħolli l-libsa twila, bajda, sabiħa li kellha fuqha u tiġri ’l barra b’kemm kellha saħħa.

Għalfejn il-ħajja kienet daqshekk krudili?

Għalfejn ma setgħetx tkun mal-persuna waħda li kienet tħobb?

“Agħtu ċapċipa lill-miżżewġin friski…”

Ftit ħin wara, kienu kollha qegħdin jiżfnu u jieħdu gost b’din l-għaqda ġewwa s-sala grandjuża li kien għażel missier Ida.

Kien hemm ikel u xorb b’abbundanza. Kulħadd deher ferħan. Minbarra Gregorio.

Renzo rah jixrob grokk wara l-ieħor, jimxi mxengel u jħares lejh mill-kantuniera tas-sala b’għajnejh ileqqu. Iżda issa ma seta’ jagħmel xejn. Ida kienet martu. U propju dak il-ħin raha tiżfen u tieħu gost ma’ xi tfajliet ħbieb tagħha.

“Qed tara kif kollox mar skont il-pjan?” qal lilu nnifsu Renzo, hekk kif qabadha u beda jżeffinha miegħu madwar is-sala.

Billi ż-żewġ familji kienu ta’ soċjetà għolja, dan ir-riċeviment kien wieħed mill-isbaħ li qatt kien hawn f’Malta.

Fl-aħħar parti, kulħadd kien qiegħed fil-veranda tas-sala, b’rashom mgħolliha lejn il-logħob tan-nar ikkulurit fl-ajru.

Kollox kien mar perfett.

“Il-logħba?” għajjat zijuh minn wara xi mistednin distinti.

“Il-logħba!” kompla miegħu ħabib ta’ missieru.

“Iva l-logħba!” għajtu tnejn oħra minn qalb il-kotra nies li kien hemm.

Renzo dawwar ħarstu madwar il-veranda u nduna li kulħadd kien beda jgħajjat f’leħen wieħed.

“Logħba…logħba…”

“Iva, il-logħba,” qal Renzo b’nofs qalb lil Ida, li kienet qiegħda titbissem. Malli raha titbissimlu, qalbu nħallet u kien diġà beda jaħseb kemm kien ser iħobbha dak il-lejl.

Il-lejl tat-tieġ.

Issa, skont l-użanza ta’ familtu, meta xi ħadd mill-familja tagħhom kien jiżżewweġ, wara r-riċeviment jilagħbu logħba waħda bejniethom, fejn il-mistednin imorru jistaħbew u l-miżżewweġ frisk ried isibhom waħda waħda. Skont l-għidut, kienu jgħidu li aktar ma jsib lil martu friska malajr, aktar kien ser ikollhom żwieġ hieni.

“Morru staħbew!” qalilhom Renzo b’leħen għoli.

Dak il-ħin, il-mistednin li kien hemm, telqu jiġru kollha wieħed, wieħed; min jistaħba fis-siġar n-naħa ta’ isfel, min ma tantx kellu aptit jiġri allura mar jistaħba fis-sala stess wara xi għamara, min ħareġ barra wara xi karozza, wara xi purtiera…

Renzo spiċċa jgħodd in-numri waħdu, bħalma kien jagħmel meta kien tifel, jilgħab noli ma’ ħuh.

Lil ħuh ma kienx għadu qed jarah u għal mument beda jinkwieta li kien mar x’imkien wara Ida, jipprova jipperswadiha taħrab miegħu x’imkien.

Wieħed, wieħed, sabhom kollha.

Għalkemm kien hemm mijiet ta’ nies, kien sabhom kollha.

Kollha kemm huma…ħlief Ida.

Lil Ida ma sabha mkien.

“Tgħid fejn marret?” staqsa lil xi familjari li kienu hemm, madwaru.

Gregorio kien qed iħares lejh mill-ġenb mingħajr ma kellmu.

“Inti taf xi ħaġa…” qal lil Gregorio b’leħen urtat.

“Ma rajthiex.”

Renzo ma setax jifhem fejn setgħet marret Ida. Fil-bidu, bdew jaħsbu li kienet sabet lok tajjeb biex tistaħba, iżda mbagħad xħin baqgħu jfittxu u jfittxu, u ma sabuha mkien bdew jitħassbu.

Kif jista’ jkun? Kif ma sabuha mkien?

Renzo kienet ser ittih rasu.

Is-sala u l-madwar, kienu daruh kollu.

Wara li daħlu l-pulizija fin-nofs u sar rapport dettaljat, Renzo kellu jirrassenja ruħu li x’aktarx kienet ħarbet u kellu jmur fid-dar ġdida li ħejja għalihom, waħdu.

Qalbu kienet maqsuma.

Eżatt malli mtedd, ġab quddiem għajnejh lil ħuh iħares lejhom mill-ġenb tal-knisja.

“Dak hu seraqha! Dak hu qatilha!” beda jgħajjat mal-pulizija l-għada filgħodu, hekk kif ġie nfurmat li t-tfittxijiet kienu fin-negattiv.

Lil Ida baqgħu ma sabuhiex.

Lil Gregorio ħaduh l-għassa, għamlulu xi mistoqsijiet.

“Se nżommuh taħt sorveljanza,” qalu lil Renzo. “Iżda m’għandniex provi kontrih.”

“Hu żgur!” baqa’ jgħajjat Renzo.

Gerrbu l-ġranet. Gerrbu s-snin.

Għaddew għoxrin sena.

Lil Ida ħadd ma kien reġa raha. Is-sala fejn kienu żżewġu kienet ingħalqet. Skont l-għidut tan-nies, kienet sala misħuta. Lil Gregorio ħadd ma kien ikellmu, għaliex kulħadd kien jgħid li kien seraqha u qatilha għax ma setax jiżżewwiġha hu.

Renzo kien iżżewweġ mara oħra.

Iżda Gregorio baqa’ waħdu. Qatt ma seta’ jinsa lil Ida.

Gregorio rifes fuq il-ħaxix ħażin, li kien qed jiċċaqlaq biż-żiffa tar-riħ, li kien hemm fil-ġnien mitluq quddiemu. Meta kien sema’ li s-sala kienet għall-bejgħ, xtraha hu.

Hekk kien ikollu rikordju tal-aħħar ġurnata li kien raha.

Tant sabiħa.

B’tant ħajja.

Mexa tul is-sala, jġib quddiem għajnejh żminijiet antiki, nies imbiddla pulit, jidħku u jifirħu ma’ ħuh, ma’ ommu u missieru. Seta’ kważi jisma’ leħinhom jifirħu. Ilħna mitlufin mal-mogħdija taż-żmien.

Beda jdur l-kmamar, waħda, waħda.

Kien propju dak il-ħin li nduna li taħt is-sala kien hemm bieb li jagħti għal taħt l-art. Mexa lejn il-bieb b’saqajh jirtogħdu. Beda jibża’, beda jinkwieta. Ipprova jiftaħ il-bieb iżda kien jidher imwaħħal.

Telaq iħaffef iġib xi għodod ħalli jiftħu.

Meta fetħu, għalaq għajnejh għal ftit ħin għax beża li seta’ jaraha.

Iżda għajr għanqbut u trab, il-kamra kienet vojta.

Gregorio kien ser jerġa jitla’ ’l fuq xħin raha.

Qalbu għamlet tikk.

Senduq antik, fil-ġenb tal-kamra.

Mar imissu b’idejh jirtogħdu. Kienet imsakkra. Issiġillata.

Bl-għodod li kellu f’idejh, fetaħha bil-mod.

“Ida…!” Ħarbitlu karba.

Hemm raha; il-libsa l-bajda familjari tat-tieġ mgħaffġa, qalb il-fdalijiet ta’ skeletru bla ħajja.

Ħariġlu d-dmugħ. Beda jibki qisu tarbija.

Id-destin.

Gregorio ħareġ minn ġol-kamra u għalaq il-bieb warajh.

Hekk kellu jkun id-destin.

Min jaf kemm kienet bkiet u werżqet biex toħroġ minn hemm iżda ssakkret bi żball? Kif ħadd ma kien ġie jfittixha hawn taħt?

Kif ħadd ma kien sabha?

“Jekk ma nkunx tiegħek ma nkun ta’ ħadd,” sema’ leħinha kważi jidwi f’dak is-sotterran maħmuġ.