Sejħa ta’ Poplu

'L-aħħar riżenja, dik ta’ Michael Cassar li magħha wkoll rajna r-riżenja ta’ Manfred Galdes (tal-FIAU) ġabet magħha reazzjonijiet dubjużi, li possibbilment jindikaw ‘hijack’ fil-korp'

Justin Schembri (Kandidat PN) / 26 t'April 2017 11:44
Meta l-politika tnissel id-dibattitu u l-argumentazzjoni, allura tkun qiegħda tilħaq il-milja tagħha bħala indikazzjoni ta’ polz is-soċjetà. L-idea li l-politika hija l-polz tal-poplu, hija idea li llum tant tgħodd għall-widna, li ftit li xejn nieqfu naħsbu dwar il-vera tifsira fid-dimensjoni mwessa’ tagħha. Irridu għalhekk, kull tant żmien nanalizzaw mill-ġdid din il-frażi u nqisuha fil-mument attwali tal-attività soċjopolitika sabiex verament nifhmu kif il-politika u s-soċjetà jistgħu – u hekk hu mistenni – jimxu id f’id.

Għalhekk, b’dan il-ħsieb bħala l-punt tat-tluq, nagħrfu sewwa l-validità fl-argumenti miġjuba mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista fir-rigward tal-allegazzjonijiet li dehru l-ġimgħa li għaddiet, hekk kif ippreżentati mill-blogger Daphne Caruana Galizia, li jqisu relazzjoni bejn il-kumpanija Egrant u mart il-Prim Ministru Muscat. L-allegazzjonijiet huma xokkanti, mhux biss fil-konfini tagħhom infushom għax jikxfu rabta bejn ħasil ta’ flus u l-Prim Ministru, imma għaliex donnhom jagħtu dawl fuq serje ta’ skandli li ttellgħu fil-beraħ tul dawn l-erba’ snin, li meta jitqiegħdu fuq ir-roadmap ta’ korruzzjoni, jibdew jagħmlu sens u jwieġbu anke għall-azzjonijiet jew in-nuqqas ta’ azzjonijiet mill-Prim Ministru għal diversi allegazzjonijiet skandalużi misjuqa minn prassi korrotti.

"Muscat baqa’ b’idejh marbuta u ma ħax azzjoni, għaliex hu nnifsu għandu wkoll idu mċappsa bid-demm tad-delitt, id-delitt fil-forma ta’ skandlu"
Matul din il-leġiżlatura, fil-fatt rajna lil Muscat maqbud ostaġġ minn Keith Schembri u Konrad Mizzi, żewġ persuni importanti tassew għall-Kabinett, u li meta ġie żvelat l-iskandlu internazzjonali tal-Panama Papers – skandlu li wassal ukoll għar-riżenja tal-Prim Ministru Iżlandiż u Ministru fi Spanja – baqgħet qatt ma ttieħdet azzjoni fil-konfront tagħhom hekk kif mistenni minn Prim Ministru serju ta’ pajjiż demokratiku. Illum, jekk allura nibbażaw l-argument fuq l-allegazzjonijiet ta’ Caruana Galizia, inkunu qed ningħataw tweġiba għaliex Muscat baqa’ b’idejh marbuta u ma ħax azzjoni, għaliex hu nnifsu għandu wkoll idu mċappsa bid-demm tad-delitt, id-delitt fil-forma ta’ iskandlu li l-Kumitat tal-Unjoni Ewropea PANA rrefera għalih bħala każ klassiku ta’ ħasil ta’ flus.

Ir-rivelazzjoni ta’ sid Egrant, il-kumpanija li nfetħet minn Brian Tonna ta’ Nexia BT, li wkoll huwa qrib sewwa tal-Prim Ministru Muscat, bħalma nfetħu l-kumpaniji Tillgate u Hearnville, ġabet magħha wkoll konferma tal-kollass tal-istituzzjonijiet indipendenti Maltin. L-Oppożizzjoni ilha tirrimarka li l-Gvern ta’ Muscat qiegħed inaqqi d-demokrazija għaliex l-istituzzjonijiet qed ikunu dejjem aktar imdgħajfa. Għaldaqstant, li f’leġislatura l-Kummissarju tal-Pulizijia jinbidel 5 darbiet, għalkemm minnu nnifsu huwa indikazzjoni ta’ instabbiltà irresponsabbli ta’ Gvern li ma jqisx lill-Korp bħala prijorità li ġġib serħan ta’ moħħ, ikompli juri li hemm xi ħaġa li mhix sejra tajjeb, anzi li sejra ħażin ħafna. L-aħħar riżenja, dik ta’ Michael Cassar li magħha wkoll rajna r-riżenja ta’ Manfred Galdes (tal-FIAU) ġabet magħha reazzjonijiet dubjużi, li possibbilment jindikaw ‘hijack’ fil-korp għaliex il-Kummissarju ma tħalliex jinvestiga l-każ serju tal-Panama Papers u l-involviment ta’ Schembri u Mizzi, anke għax kienu huma li flimkien mal-Prim Ministru nnegozjaw fl-Ażerbajġan, innegozjaw l-Electrogas u l-bejgħ tal-isptarijiet, negozjati li wkoll iwasslu għal telf ta’ miljuni kbar għall-pajjiż. Awtomatikament, dan kollu jnissel dubju, imma mhux biss, inissel ukoll diżappunti, qerq u ingann minn Gvern li tela’ b’għajta ta’ trasparenza u akkontabbiltà, liema żewġ kriterji kellhom jagħtu lil pajjiżna Gvern li jkun kollox minbarra dak li huwa l-Gvern ta’ Muscat stess.

"Jikkonferma li Malta bħala stat saret suġġettibbli għal dak li jgħid il-Prim Ministru, azzjoni li ġġib minn Malta stat ta’ xejra dittatorjali"
Il-‘hijack’ tal-korp iżda, ħa żvolta kompletament differenti meta l-allegazjonijiet dwar Egrant ma kinux immedjatament investigati, u saħansitra ngħata biżżejjed żmien sabiex kull evidenza tkun maħruġa mill-Bank Pilatus f’Ta’ Xbiex, il-bank li fih, allegatament kien hemm il-provi li jinkriminaw lil Muscat u jikxfu x-xibka ta’ korruzzjoni li tgħaqqad il-‘jigsaw puzzle’ kollha. L-allegazzjonijiet stess kellhom minn tal-anqas jinkoraġġixxu lill-Kummissarju tal-pulizija – l-Oppożizzjoni ilha ssejjaħlu ‘pupazz’ tal-Prim Ministru, forsi issa nikkonfermaw ukoll li għandha raġun tassew – li jinvestiga fl-immedjat. Madankollu, in-nuqqas ta’ azzjoni minnu kkonfermat il-kollass tal-Korp taħt il-leġiżlatura ta’ Muscat. Huwa għalhekk li għandu minnufih jirreżenja!

Dan kollu, allura jmur oltre mill-allegazzjonijiet dwar Egrant, imma jikkonferma li Malta bħala Stat, saret suġġettibbli għal dak li jgħid il-Prim Ministru, azzjoni li ġġib minn Malta stat ta’ xejra dittatorjali, xejriet li Muscat wiret minn Aliyev, possibbilment meta żaru bil-moħbi tal-midja lokali biex jinnegozja minjaf xiex!

Għalhekk, Busuttil għamel sejħa ta’ poplu, sejħa li tagħti fiduċja lill-poplu li għandu kull dritt jistenna governanza ġusta kontra l-Gvern korrott!