Minn ‘Nirnexxu lkoll flimkien’ għal ‘Nigbdu lkoll flimkien’

'Dan il-pajjiż spiċċa b'oppożizzjoni fejn il-Kap tagħha tant hu ddisprat li spiċċa jirrepeti bħal pappagall u b'mod irresponsabbli dak li tgħid seħbitu'

Rosianne Cutajar / 24 t'April 2017 17:15
Dawn l-aħħar ftit jiem, l-islogan tal-PN inbidel uffiċjalment minn ‘Nirnexxu lkoll flimkien’ għal ‘Nigdbu lkoll flimkien’. Slogan li joqgħodilhom u kif, għaliex tant huma ddisprati li l-unika arma li fadlilhom hija dik tal-gideb.

Bħala żagħżugħa fil-politika u persuna li naspira li nkun fil-Parlament, jiddispjaċini li spiċċajna f'dan l-istat. Jiddispjaċini għax qatt ma niftakar li kellna f'pajjiżna politika u Oppożizzjoni li waqgħet f'dawn il-livelli baxxi. Ma nafx jeżistix aktar fond mill-qiegħ tal-qiegħ. Li huwa żgur hu, li tal-PN missewh u diffiċli biex jinqalgħu minn hemm. Dan il-pajjiż spiċċa b'Oppożizzjoni fejn il-Kap tagħha tant hu ddisprat li spiċċa jirrepeti bħal pappagall u b'mod  irresponsabbli dak li tgħid seħbitu, il-persuna li kienet il-kaġun għall-akbar tkaxkira li ħa l-PN u li oħroġ il-għaġeb, flok ingħatat il-ġenb, ingħatat rwol intern aktar importanti u prominenti fi ħdan l-istrateġija tal-PN. 

"Dan il-pajjiż spiċċa b'oppożizzjoni fejn il-Kap tagħha tant hu ddisprat li spiċċa jirrepeti bħal pappagall u b'mod irresponsabbli dak li tgħid seħbitu"
Bħali, nhar il-Ġimgħa li għadda, Malta kollha kienet imsammra quddiem it-televiżjoni ssegwi d-dibattitu bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni.  Wieħed faċli jislet id-differenza bejn it-tnejn. Rajna Simon Busuttil redikolu aktar minn qatt qabel, jitħawwad fin-numri, jifraħ bil-bagalja qisu s-Sur Gawdenz Bilocca (li tal-inqas kien inissel tbissima fuq fommna għal kuntrarju tal-Kap tal-Oppożizzjoni).

Rajna Simon Busuttil skomdu u dgħajjef għaliex il-gidba li vvintaw, tant hija assurda li anqas hu stess m'huwa jemminha imma l-importanti hu li joħloq sensazzjonaliżmu u li jirrepetiha sakemm anke hu stess jibda jemminha. Rajna Simon Busuttil li minkejja li huwa avukat, ma jafx il-liġijiet tal-pajjiż u li kull darba bi kliemu jimmina l-istituzzjonijiet ta' pajjiżna.

"Nafu li Simon Busuttil ma jaħsibhiex darbtejn biex jiffabbrika invoices foloz...u allura ma nistgħaġibx li l-PN jasal saħansitra sabiex jiffabbrika dokumenti foloz li jmorru bizzilla man-novelli tas-Sinjura tal-Bidnija"
Nafu li Simon Busuttil ma jaħsibhiex darbtejn biex jiffabbrika invoices foloz bħalma għamel biex ħa aktar minn nofs miljun f'donazzjonijiet mingħand id-db u allura ma nistgħaġibx li l-PN jasal saħansitra sabiex jiffabbrika dokumenti foloz li jmorru bizzilla man-novelli tas-Sinjura tal-Bidnija. Li huwa żgur hu li f'dibattitu sħiħ, ma kienx kapaċi jressaq prova waħda biss li tissostanzja dan il-frame-up.

Min-naħa l-oħra, rajna Prim Ministru ffukat u konvinċenti f'dak li beda jgħid. Rajna Prim Ministru sinċier u viżibbilment imweġġa' b'dan il-gideb faħxi fuq familtu.

Rajna Prim Ministru sod li xejjen kull argument tal-Kap tal-Oppożizzjoni. Rajna fuq kollox Prim Ministru jitkellem b'onestà. Ftit niftakar li kien hawn Prim Ministri umli bħalu li jirrikonoxxu l-iżbalji b'umiltà.

Mhux se nazzarda ngħid li l-gideb jinsab fid-DNA tal-Mexxejja tal-PN iżda li hu żgur hu li min hu akbar minni fl-età, jaf sew kemm il-Partit Nazzjonalista jasal meta jkun dahru mal-ħajt u speċjalment bħalissa li jinsab iddisprat, ma neskludix li fil-ġranet li ġejjin ħa jkomplu għaddejjin l-attakki maħmuġin u sistematiċi fuq il-Prim Ministru u l-familja tiegħu. Jiena nemmen lill-Prim Ministru u konvinta li ta' din il-kampanja maħmuġa u diżonesta, il-Kap tal-Oppożizzjoni se jkun qed ipatti għaliha b'mod qares fl-elezzjoni li ġejja, tiġi meta tiġi.

 

Rosianne Cutajar hija is-Sindku ta’ Ħal Qormi u kandidata Laburista fuq is-sitt distrett