Films ġodda għal din il-ġimgħa

Aqra iktar dwar erba' films ġodda li ħarġu fis-swali taċ-ċinema din il-ġimgħa

Carmel Bonnici / 24 t'April 2017 12:56
The Sense of an Ending

Atturi Ewlenin: Jim Broadbent; Harriet Walter; Charlotte Rampling; Michelle Dockery; Emily Mortimer

Direttur: Ritesh Batra

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 108 min | Ċert: 15

Xi azzjonijiet jew deċiżjonijiet li ħadna neta konna adolexxenti, forsi inqas maturi, ħafna snin wara ġieli jnisslu fina sens ta' dispjaċir u ta' ineffiċjenza meta niftakru fihom. ‘The Sense Of An Ending’ addattat minn novella ta' Julian Barnes, jiffoka fuq Tony Webster [Broadbent], bniedem metikoluż f'kull ma jagħmel, irtirat, iddivorzjat amikevolment minn ma' martu, Margaret [Walter], avukatessa ta' stoffa u li qed jgħix ħajja kwieta waħdu. Meta jsir jaf li ħabiba tiegħu ta' żmien l-università ħalliet fit-testment tagħha djarju li l-akbar ħabib tiegħu kien iżomm, jagħmel minn kollox biex jipprova jakkwistah. Din l-istess ħabiba, Veronica [Rampling] li għandha l-pussess tad-djarju tisfurzah li jerġa' jiftakar fi ħbiebu tal-università u f'meta hu kien ħafna iżgħar. Aktar ma jibda jiftakar fuq l-ewwel imħabba tiegħu, l-inganni, id-dispjaċir u l-ħtija li ġabu fuqu, aktar jirrealizza jekk hux kapaċi jiffaċċja l-verità u jieħu responsabbiltà tal-azzjonijiet egoisti tiegħu tal-passat li tant ġabu konsegwenzi. ‘The Sense Of An Ending’ hu rakkont maqsum f'żewġ partijiet dwar meditazzjonijiet ta' falliment ta' memorja u żogħżija minsija, li jseħħu f'żewġ perjodi ta' żmien li bejniethom hemm mal-ħamsin sena.

 

Going in Style

Atturi Ewlenin: Morgan Freeman; Michael Caine; Alan Arkin; Ann-Magret; John Ortiz; Joey King

Direttur: Zach Braff

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 97 min | Ċert: 12A

Naħseb li ħafna semgħu bil-frażi ‘Darbtejn insiru tfal’ jew, inqas popolari, ‘Meta tixjieh, tiblieh’. Din it-tieni diċerija nistgħu aktar napplikawha għat-tliet protagonisti anzjani tal-film ‘Going In Style’.  Tlett iħbieb mimlijin għomor, Willie [Morgan], Joe [Caine] u Albert [Arkin], jiskopru li tilfu l-fondi li ilhom iġemmgħu għall-pensjoni tagħhom. Meta Joe imur jindaga l-għaliex, fil-bank issir serqa gwappa minn tliet ħallelin lebsin il-maskri. Biex tkompli tagħqad, meta Joe jasal id-dar, isib fil-posta li anki l-post fejn joqgħod se jeħdulu.  B'disperazzjoni kbira fuqhom, dawn it-tlett irġiel ta' kondotta nadifa, jiddeċiedu li jisirqu l-istess bank li ħadilhom flushom. Kemm din il-ħaġa se tirnexxi se jkun hemm dubji kbar. L-ewwel nett, m'għadhomx ħfief daqs qabel għal biċċa ntrigu bħal din, m'għandhomx it-tendenza li jaġixxu ta' kriminali li jbeżżgħu, mhumiex daqshekk ċerti li jaħarbu malajr mill-post u, fuq kollox, meta ftit qabel ippruvaw jisirqu xi oġġetti tal-ikel minn supermarket, dlonk ġew iccumbati! Bħal fil-film ‘Point Break’ [1991], dawn it-tliet anzjani ta' madwar 80 sena l-wieħed, b'arroganza jidħlu fil-bank lebsin il-maskri ta' The Rat Pack [Frank Sinatra u sħabu tas-snin sittin tal-bidu]. ‘Going In Style’ li hu ispirat mix-xogħol tal-1979 tal-istess isem, dirett minn Martin Brest, hija kummiedja sfrenata u pjaċevoli, b'ton qares dwar il-makakkerija ta' xi banek jew korporazzjonijiet li jinqdew bi flus il-poplu u wara jaġixxu kif jogħġob lilhom. Mat-tliet protagonisti li tassew iqaxxru l-parti tagħhom, wieħed jieħu gost jerġa' jara lil Ann-Magret, wara nuqqas konsiderevoli, bħala Annie, il-maħbuba tal-kawtiel u ċiniku Al. Film li jibbilancja sekwenzi ta' kummiedja qawwija mal-realtajiet tal-ħajja fix-xjuħija.

 

Unforgettable

Atturi Ewlenin: Rosario Dawson; Katherine Heigl; Geoff Stults;  Cheryl Ladd; Isabella Kai Rice

Direttriċi: Denise DeNovi

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 100 min | Ċert: 15

Is-separazzjoni jew divorzju bejn koppja miżżewġa mhux dejjem tintlaqa' l-istess. Fil-maġġoranza tal-każi, kollox jispiċċa b'wiċċ il-ġid, jintesa kollox u qisu qatt ma kien xejn, bl-individwi konnessi lesti jibdew ħajja ġdida. F'okkażjonijiet oħra, tidħol il-vendetta, l-għira jew xi tpattija qarsa. Iċ-ċinema ma qagħditx lura biex turi dawn is-sentimenti. Produzzjoni oħra simili hi ‘Unforgettable’, thriller atmosferiku li, bil-mod, jibni ħafna tensjoni u spiss jaqleb f'andament kważi ta' film tal-biża' bil-kamera tħuf madwar il-kmamar u kuriduri tad-dar u anki titla' t-taraġ. Tessa Cannovar [Heigl] hija mara tas-soċjetà li żżomm ruħha perfetta f'suritha u l-istess taġixxi mat-tifla tagħha, Lily [Kai Rice]. Malajr ikun ovvju li tinsab inkwetata bil-bosta għax ma tistax temmen li ż-żwieġ tagħha ntemm ħesrem. L-eks raġel, David [Stults] ingaġġa ma' Julia Banks [Dawson], mara li issa tinsab f'sikkitha u ferħana u trid tinsa l-passat kollu nkwiet tagħha.  Però, Tessa nħakmet minn għira għamja u ma tistax tniżżilha li bintha u David flimkien ma' Julia qed issa jgħixu fid-dar li qabel kienet taqsam mar-raġel tagħha. Taħt fissazzjoni qawwija, għal kull ħaġa ta' xejn tkun trid tara lil bintha, aktar biex iddejjaq sewwa lil Julia. Din l-attitudni se ġġib konfrontazzjoni tal-biża'. ‘Unforgettable’ minkejja li hu ambjentat fil-preżent għandu stil tat-thrillers simili tas-snin sebgħin, u bil-pawsa, jibni tensjoni li taħsibha se tiżbroffa minn ħin għall-ieħor. Il-moħħ delikat mhux ta' kulħadd jaħdem l-istess meta jkun inkwetat u bħal ta' Tessa, malajr jista' jsir psikoloġikament vulnerabbli. Id-diċerija ta' diversi xogħlijiet tal-istess kalibru tal-passat, ibża' minn ‘a woman scorned’ hawn tappella tajjeb!

 

Graduation

Atturi Ewlenin: Adrian Titieni; Maria-Victoria Dragus; Rares Andrici;  Lia Bugnar; Malina Manovici

Direttur: Cristian Mungiu

Maħruġ minn Side Street Films, Eden Cinemas

Tul: 127 min | Ċert: 15

Ir-relazzjonijiet inter-familjari jidhru li huma l-preokkupazzjoni tad-direttur rinomat Rumen, Cristian Mungiu, rebbieħ tal-Palme d'Or fil-festival ta' Cannes. Fil-produzzjoni ġdida tiegħu ‘Graduation’ [Bacalaureat], li hu bis-sottotitoli, hu jiffoka ħafna din id-darba, fuq kif jirreaġixxu missier u bint ta' kulturi u drawwiet kważi opposti. F'livell inqas dominanti, tiżvolgi r-reazzjoni kiesħa u bierda bejn dan l-istess missier u martu, Sandra [Bugnar], aljenata minnu. Romeo [Titieni], kirurgu f'belt muntanjuża ta' Transylvania jinsab iffittat ħafna dwar bintu, Eliza [Dragus], biex tmur tistudja l-psikoloġija fir-Renju Unit wara li tiggradwa. Trid biss tgħaddi mill-aħħar eżamijiet, xi ħaġa formali għall-intelliġenza tagħha. Qabel eżami tal-aħħar, hi tkun attakkata sesswalment u tinsab taħt trawma. Missierha, li għandu wkoll problemi taż-żwieġ, jirreaġixxi b'mod indeċiżiv biex jipprova jaqbad il-ħati, fejn żbaljatament jipprova juża l-prinċipji antikwati tiegħu u b'hekk ipoġġu lil bintu taħt iżjed tensjoni. B'dan il-mod, aktar jaljenaha u jbiegħda minnu. ‘Graduation’ jagħmel enfasi fuq il-baħar li hemm jaqsam bejn il-ġenerazzjonijiet, bis-soltu stil interessanti, għalkemm xi ftit riġidu, ta' dan id-direttur. Il-protagonist, Adrian Titieni, bħala l-missier ta' 49 sena bi problemi fuqu, hu tajjeb ferm u naturali fil-parti li jinterpreta.