Il-Koalizzjoni : lil hinn minn numri

"Ir-raġuni ewlenija, jekk mhux l-unika waħda, li għandu l-PN favur koalizzjoni hi ħalli jkun jista’ jaqbeż lill-PL fl-ewwel għadd tal-voti fl-elezzjoni ġenerali..."

Carmel Cacopardo / 18 t'April 2017 09:33
Hu ovvju għal kulħadd li r-raġuni ewlenija – jekk mhux ukoll l-unika waħda – li għandu l-Partit Nazzjonalista biex jitkellem dwar koalizzjoni hi ħalli jkun jista’ jaqbeż lill-Partit Laburista fl-ewwel għadd tal-voti fl-elezzjoni ġenerali. Dan hu essenzjali għall-PN biex ikun jista’ jieħu lura t-tmun tal-pajjiż f’idejh. Waħdu jew bħala parti minn koalizzjoni.

F’kuntrast ma dan, Alternattiva Demokratika tmur lil hinn min-numri meta titkellem dwar koalizzjoni. AD temmen f’koalizzjoni imnebbħa minn prinċipji bażiċi ta’ etika fil-politika. Dan f’kuntrast assolut mal-prammatiżmu tan-numri.

F’dan il-mument kritiku, pajjiżna għandu jmur lura għas-serjetá, għall-prinċipji. Meta tagħmel dan bil-fors tistaqsi ħafna mistoqsijiet u bi dritt tistenna t-tweġibiet. Din mhux differenza żgħira, fid-dettalji, imma mod kompletament differenti dwar kif għandna nħarsu lejn is-sitwazzjoni. It-triq li irridu nieħdu hi importanti daqs ir-riżultat li irridu nilħqu.

Alternattiva Demokratika hija bbumbardjata kontinwament biex tinsa’ kollox u fl-interess nazzjonali tapprova u tifforma parti mill-koalizzjoni ta’ Simon Busuttil.

Issa, Alternattiva Demokratika, dejjem tagħti prijoritá lill-interess nazzjonali. Hu fl-interess nazzjonali li illum qabel għada insibu nindirizzaw il-kawża tal-ħerba politika li hawn madwarna. Din m’hi xejn ħlief is-sistema li biha l-pajjiż inħataf minn żewġ partiti politiċi li ħonquh. F’dan il-kuntest  aħna ta’ Alternattiva Demokratika ma nħarsux lejn il-PN (jew il-PL) bħala soluzzjoni. Għax it-tnejn li huma jifformaw parti integrali mill-problema. Anke jekk m’humiex eżattament l-istess, flimkien jiffurmaw il-problema ta’ dan il-pajjiż.

Il-Parliament ilu taħt il-kontroll ta’ żewġ partiti politiċi b’mod ininterrott għal dawn l-aħħar 52 sena. Dan hu fl-aħħar responsabbli għall-qagħda attwali u dan minħabba li bħala riżultat ta’ dan il-fatt il-Parlament m’huwiex kapaċi jġiegħel lill-Gvern tal-ġurnata jagħti kont ta’ egħmilu.Hi l-agħar forma ta’ diżonestá politika li meta tkun qed issir kritika għall-eċċessi tal-Partit Laburista matul dawn l-aħħar 4 snin hawn min jippretendi li l-PN hu ibjad mis-silġ. Fost oħrajn, il-Partit Laburista fil-Gvern kien kapaċi joħloq ħerba għax il-PN fil-Gvern ħalla l-istituzzjonijiet kważi bla snien, tant li  fis-siegħa tal-prova s-soċjetá Maltija sfat bla difiża mill-eċċessi tal-Gvern. Dan hu riżultat tat-tmexxija tant tajba li jiftaħar biha l-PN.

"Il-Partit Laburista fil-Gvern kien kapaċi joħloq ħerba għax il-PN fil-Gvern ħalla l-istituzzjonijiet kważi bla snien"
Il-Partit Nazzjonalista għandu ukoll l-iżbalji ħoxnin tiegħu li għad irid jispjega b’mod sodisfaċenti, fosthom:

1) Id-dikjarazzjoni li ma titwemminx li għamel Claudio Grech waqt li kien qed jixhed quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament, fis-sens li ma jiftakarx jekk qatt iltaqax ma’ George Farrugia, il-persuna mdeffsa sa għonqa fl-iskandlu taż-żejt.  

2) Ir-rwol ta’ Beppe Fenech Adam fil-Capital One Investment Group u l-Baltimore Fiduciary Services. F’ċirkustanzi kważi simili ta’ kumpaniji b’ħidma mċajpra, Joe Cordina, dakinnhar Kaxxier tal-Partit Laburista kien imġiegħel jirreżenja u jwarrab minn kandidat għall-elezzjoni ġenerali.

3) L-iżball gravi ta’ ġudizzju ta’ Mario DeMarco (bi qbil ma Simon Busuttil) li aċċetta l-inkarigu mill-Grupp db ta’ Silvio Debono biex jassisti lill-grupp b’servizzi legali in konnessjoni mal-akkwist mingħand il-Gvern ta’ art f’Pembroke, liema art bħalissa hi użata biex fuqa hemm l-Istitut għall-Istudji Turistiċi. Dan meta d-dover tiegħu bħala Membru tal-Parlament kien li jagħmel skrutinju bl-iktar mod dettaljat possibli tal-proposta li kien qed jagħmel il-Gvern.

4) L-applikazzjoni ta’ Toni Bezzina biex ikollu villa barra miż-żona tal-iżvilupp meta fl-istess ħin, flimkien ma oħrajn kien qed iħejji dokument politiku ambjentali f’isem il-PN biex jipproponi li dan ma jkunx jista’ jsir.  

5) L-allegat attentat ta’ Simon Busuttil  biex jaħbi donazzjonijiet lill-Partit Nazzjonalista bħala ħlas għal servizzi fittizji biex jevita l-impatt tar-regolamenti dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi

"Kif qatt jista’ l-PN jkun kredibbli meta jiddikjara lilu innifsu bħala l-punt ta’ referenza kontra l-korruzzjoni u favur it-tmexxija tajba u fl-istess ħin m’huwiex kapaċi jieħu passi biex jitnaddaf?"
Kif qatt jista’ l-Partit Nazzjonalista jkun kredibbli meta jiddikjara lilu innifsu bħala l-punt ta’ referenza kontra l-korruzzjoni u favur it-tmexxija tajba u fl-istess ħin m’huwiex kapaċi jieħu passi biex jitnaddaf? Koalizzjoni ma Partit Nazzjonalista li jagħlaq iktar minn għajn waħda għal dak li semmejt hawn fuq ma tista’ qatt tirnexxi u dan minħabba li l-imġieba tat-tmexxija tal-PN hi b’mod ċar u manifest dijametrikament opposta għad-dikjarazzjonijiet mimlija qdusija li jibbumardjawna bihom.

Dan hu ta’ serjetá kbira. Jeħtieġ li jkunu indirizzati minn qabel ma issir kwalunkwe diskussjoni dwar koalizzjoni. Ftit baqa’ żmien. Dan qiegħed jingħad ukoll qabel ma wieħed jgħaddi biex jidentifika liema huma dawk l-affarijiet li m’humiex negozjabbli.

Li tindirizza l-problemi tan-numri dwar l-elezzjoni ġenerali biex tispiċċa bi gvern “ġdid” b’pożizzjoni daqstant ambivalenti dwar it-tmexxija tajba ikun ifisser li kollox ikun baqa’ kif kien. Alternattiva Demokratika m’hiex ser tappoġġa l-ħolqien ta’ sitwazzjoni bħal din.

 

L-awtur hu Viċi Chairman ta’ Alternattiva Demokratika. [email protected] | http://carmelcacopardo.wordpress.com