Films ġodda għal din il-ġimgħa

Carmel Bonnici jikteb dwar żewġ films ġodda li ħarġu fis-swali taċ-ċinema din il-ġimgħa

Carmel Bonnici / 17 t'April 2017 09:49
Fast and Furious  8.

Atturi Ewlenin:  Vin Diesel;  Michelle Rodriguez;  Dwayne Johnson;  Jason Statham;  Charlize Theron;  Kurt Russell.

Direttur:  F. Gary Gray.

Maħruġ minn KRS Releasing.  Tul: 136 min. Ċert: 12A

Is-serje "Fast And Furious" li waslet fit-tmien kapitlu tagħha, għadha għaddejja b'ritmu qawwi, kif uriet biċ-ċar l-aħħar produzzjoni, "Fast And Furious 7" li daħħlet aktar minn biljun dollaru.  Wara bidu tajjeb, din is-serje kienet qabdet in-niżla, però xorta waħda baqgħet profittabbli, sakemm reġgħet irpiljat bil-kbir, l-aktar bid-dħul mill-ġdid ta' Vin Diesel.  "Fast And Furious 8" qed ikompli jżid l-eċitament u l-ispettaklu fuq skala epika.  Dan l-aħħar xogħol jikkombina l-ispirtu tal-films l-oħra, b'ġiri sfrenat ta’ karozzi, però hawn l-enfasi qiegħed fuq azzjoni tremenda ta' dimensjoni qawwija.  Din id-darba, dan il-grupp, speċi ta' familja, se jitfarrak xi ftit meta Dom [Diesel] li jinsab fuq "honeymoon" ma' Letty [Rodriguez], jaqa' għall-attrazzjoni fatali ta' mara misterjuża, Cipher [Theron] li tonsbu u ddaħħlu fid-dinja tal-kriminalità globali.  X'inhu s-sigriet ta' din l-infamija li warrbet lil Dom minn dik li jħobb tant li anki ttradixxa lill-ħbieb intimi tiegħu li verament jirrispettawh?  Jidher li Dom ma jistax jiskappa mill-madmad ta' quddiem għajnejh li Cipher tefgħet fuqu.  Mgħejjuna tajjeb mill-aġent tad-DSS Hobbs [Johnson] u l-assassin Deckard Shaw [Statham], meħlus mill-ħabs, il-grupp tal-furjużi jħufu wara Dom mix-xtut ta' Kuba, it-triqat ta' New York City sal-pjanuri nġazzati tal-baħar Arktiku Barents, biex jaraw x'inhu l-mottiv ta' Don, bil-ħsieb li jreġġgħuh lura fil-familja li kienet dejjem magħquda tagħhom.  Din id-darba, "Fast And Furious 8" aktar jikkombina fuq spettaklu ta' azzjoni kolossali, specjalment fl-aħħar nofs siegħa tiegħu fil-baħar vast iffriżat tar-Russja u jxaqleb iżjed lejn il-films ta' James Bond.  It-titlu Amerikan, "The Fate Of The Furious" [Id-Destin tal-Furjużi"], li hu l-ewwel minn trijologija, jixraq aktar lil din il-produzzjoni ta' proporzjon titaniku.

 

The boss baby

Vuċijiet Ewlenin: Alec Baldwin;  Miles Bakshi;  Jimmy Rimmel;  Lisa Kudrow;  Steve Buscemi.

Direttur:  Tom McGrath.

Maħruġ minn KRS Releasing.  Tul : 97 mins.  Ċert : U

Il-kummiedja sfrenata u animata "The Baby Boss", verament addattata għall-familja kollha, tirrakkonta perjodu minn ħajjet il-maġġoranza tat-tfal ta' taħt is-seba' snin, żmien fejn tifel jew tifla, b'egoiżmu naturali jkunu jridu huma biss l-attenzjoni speċjali tal-ġenituri fuqhom.  Ħafna drabi meta l-missier u l-omm iħabbru lill-uniku wild tagħhom jekk iridux ikollhom ħuhom jew oħthom tarbija, dawn ma jaċċettawx għax iħossu li se jiġu mwarrbin. Wara, kważi dejjem jiġri li meta jaraw quddiemhom din il-ħlieqa wiċċ ta' anġlu, jinsew l-egoiżmu tagħhom, jieħdu grazzja magħha u wara xi snin isibu wkoll ma' min jilagħbu u jgħaddu ż-żmien ferħanin. "The Baby Boss" jirrakkonta b’manjiera mħarrka u eżileranti kif tarbija ġdida se jkollha effett mhux tas-soltu fuq Tim [vuċi ta' Bakshi], tfajjel ta' seba' snin b’menti immaġinattiva għall-aħħar.  Dan il-Baby Boss [Baldwin] jasal fid-dar ta' Tim liebes libsa sewda u ingravata u mill-ewwel jipprova jiddomina lil ħuh ikbar minnu. Naturalment, tinbet rivalità kbira bejniethom fejn kull wieħed jipprova jakkwista s-supremazija fuq l-ieħor.  Meta Tim jirrealizza li din mhix tarbija ordinarja, iżda spija fuq missjoni sigrieta u delikata u jixtieq l-għajnuna ta' ħuh, hu jobbligah bil-kbir. Din il-produzzjoni hija ispirata b’xi mod mill-istorja qasira, iżda "bestseller" ta' Marla Frazee, rakkont tassew personali.  Dan huwa film fejn it-tfal se jkollhom għors kbir jiddevertu bl-avventuri li jseħħu u fejn il-ġenituri malajr jirrealizzaw x'jinqala' inizzjalment meta tiżdied il-familja.  Xogħol ta' stil viżwali uniku!