It-tazza tal-ilma

Ir-rakkont miktub minn Sharon Calleja

Sharon Calleja / 13 t'April 2017 09:31
Naf li forsi se ninstema’ xi ftit stramb jew taċ-ċajt.

Issa aħsbu li tridu fuqi, kulħadd għandu opinjoni, però se nkun sinċier magħkom. Mhux ser noqgħod naħsibha.

Għalkemm jiena għandi statura kbira, twil u mibni sew; u naf li dawk in-nies li ma jafunix, malli jarawni miexi fit-triq jaħsbuni xi wieħed nippretendiha, jiena bniedem qalbi żgħira.

Mhux ftit.

Eħe, qalbi żgħira ħafna. Jgħidu li l-apparenza tinganna.

Kull tfajla li kien ikolli, meta jitilquni, tgħidx kemm kont nibki u ninkwieta. Kont ningħalaq waħdi d-dar u noqgħod innewwaħ.

Nerġa’ ngħid li għax għandi qalbi żgħira. Naf inħobb.

U nibża’ ħafna wkoll.

Minn meta konna żgħar...jiena u ħija. Jiena ikbar minnu sew miż-żmien u anke mill-istatura. Iżda għall-kuraġġ...għall-kuraġġ jgħaddini sew.

Meta konna ngħixu fid-dar t’ommi u kien ikolli nqum bil-lejl ħalli nagħmel il-bżonnijiet tiegħi, kont ngħajjatlu u nqajmu ħalli jiġi miegħi. Kont inkun irridu ħalli nistaħba warajh u jixgħel id-dwalijiet tad-dar hu. Għax waħdi kont nibża’.

Dik l-għodwa kont wasalt id-dar t’ommi, inżajt iż-żarbun u dħalt ħalli nagħmel kafè, kif is-soltu kelli drawwa nagħmel eżatt malli nidħol. Lanqas ilħaqt nibda nkewwes mal-bank tal-kċina li daħal ħija eżatt.

“Agħmel tnejn!” qalli.

Xi trid tagħmel bih hux? Mhux għax tant kelli aptit. Imma dejjem irrispettani u kien hemm għalija. Jien u ħija totalment l-oppost. Jien mibni u kbir. U hu qisu qażba tixxejjer mar-riħ u ftit qasir ukoll. F’kelma oħra ma kien fih xejn. Imma kellu kollox. Kellu dak kollu li jien ma kellix. Kuraġġ.

“Għandi bżonnok Mike,” qalli.

“Eħe?” ħtaftu fil-pront. Kont diġà daħħalt nofs biskuttell f’ħalqi u għal ftit ma xraqtx fih. “X’għandek bżonn?” għidtlu nibla’ l-kumplament f’nifs.

Poġġejt il-kikkri mimlija kafè fuq il-mejda u poġġa bilqiegħda ħdejja.

“Mike, għandi bżonn insiefer għal jumejn, lejl wieħed biss. Għandi bżonn inġib apparat minn barra biex inkun nista’ naħdem bih. Xtaqtek tiġi miegħi,” qalli bla ma’ qagħad jomgħodha.

“Għal daqshekk?” dħaqtlu u kxift xedaq snien bojod sbieħ. Jekk ma kelli xejn sew, kelli snieni perfetti. “Tħallas int imma hux?”

“Mhux hekk...” weġibni.

Tajtu daqqa t’għajn ħafifa biex naċċerta ruħi li ma kienx qed jiċċajta.

“Tajjeb hekk.”

“Grazzi.”

Il-ġurnata li kellna mmorru Londra kienet waslet malajr. Peress li kulħadd kien jgħid li hemm kien jagħmel ħafna ksieħ, ommi tgħidx kif kienet geżwritna f’xalel u ġkieket u kalzetti u qliezet fuq xulxin...ħassejtni miexi lejn l-ajruport qisni robot. U lil ħija bilkemm kont qed narah fil-ħwejjeġ, peress li ma fih xejn.

Skont ħija, kien sab xi lukanda prima. Kelli seba’ mitt sena sakemm naraha.

Iżda malli wasalna Londra, qbadna karozza tal-kiri u wasalna quddiem ‘il-lukanda’. Jien xejn ma ħassejtni impressjonat. Anzi, għall-kuntrarju, ħarist minn fuq għal isfel u minn isfel għal fuq tal-lukanda u kelli aptit nitlaq niġri lura lejn l-ajruport u naqbad l-ewwel ajruplan lura lejn Malta.

“Sabiħa?” staqsieni ħija Leonard.

Bilkemm flaħt inwieġbu. Ħassejt għajnejja joħorġu xiber minn ġo rasi, xufftejja tkemmxu waħedhom u saqajja baqgħu stirati bi dritt.

“U ejja Mike, naf li stennejt aħjar. Imma ma kellix flus għal lussu. U aħna mhux kemm norqdu?” qalli, hekk kif ħataf il-bagalja żgħira li kien ġab miegħu u telaq jimxi lejn ‘il-lukanda’ ħalli ma jagħtinix ċans neqred u ngerger.

“Kerha. Se taqa’ biċċiet. Il-ħġieġ tat-twieqi maħmuġ. U jekk hemm xi nsetti? Jien nibża’. Taf inti, u tidher qadima. Donnu hawn, donnha waħda minn dawk il-lukandi li tara f’xi film tal-biża’!” ridt ngħidlu.

Iżda gdimt ilsieni, berraqt għajnejja u dħalt warajh. Ir-riħa ta’ umdu li laqgħatni, ħassejtha nieżla sa griżmejja u terġa titla’ għal widnejja.

Iż-żebgħa tal-ħitan kienet imqaxxra kollha. L-injam tal-art kien qed jagħmel ħsejjes ta’ żaqżiq kontinwu. It-tfajla li kien hemm wara l-iskrivanija kienet tidher xi ftit imdellka u kellha ċ-ċrieki suwed taħt għajnejha.

“Kemm ilek ma torqod?” kelli aptit insaqsiha iżda tbissimtilha għax kont qed nibża’.

Malli dħalt fil-kamra fejn konna se nqattgħu l-lejl, ħassejt is-suf ta’ dahri jitla’ xewk, xewk ’il fuq.

Tant kemm kienet żgħira l-kamra, li s-sodod kienu fuq xulxin, kien hemm tavolin żgħir armat b’żewġ tazzi, tapit imgerrem fin-nofs u tieqa żgħira iżgħar minn rasi. Ħassejt in-nifs kważi ser jinqata’.

“Issa għada filgħodu mmorru għall-apparat ta’...” qalli ħija. “Jekk trid toħroġ ftit, kif qiegħed hawn.”

“Waħdi?” staqsejtu.

“B’daqshekk! Tgħid mhux ser jisirquk! Fik daqs ġolf!”

“Imma aħna ġejna ma’ xulxin...” bdejt ngħidlu.

“U ajma Mike, taf li għandek tletin sena skorruti? Għadek qisek tarbija!” smajtu jidħak.

Ħassejtni urtat b’dak il-kliem. U anke l-attitudni tiegħu. X’affarijiet dawn! Kultant vera kien jaf kif għandu jaħraqni!

Għalhekk, qbadt ilbist l-eħxen xalla li kont ġibt miegħi, ħadt il-kopja taċ-ċavetta li kienet tatna t-tfajla taċ-ċrieki suwed taħt għajnejha, u ħriġt.

Ngħid il-verità, vera ħadt gost. Ma kienx iddispjaċieni li dort ftit waħdi. Londra għoġbitni ħafna. Rajt il-ferroviji li kien hemm, il-postijiet ta’ divertiment, kull ġens ta’ nies, imxejt tul il-pontijiet li kienu jaqsmu x-xmara Thames, rajt il-Big Ben, ġonna u postijiet ta’ rilassament, mort ħdejn il-palazz tar-reġina u vera ma ħassejtnix iddispjaċut li kont ħriġt indur dawra f’din il-belt tassew sabiħa. Ma tantx kelli ħin, iżda gawdejt. Lanqas kont indunajt li kien kważi dalam ċappa. Kien propju dak il-ħin li qabdet ix-xita u ġrejt kemm flaħt lura ħalli nasal fil-lukanda.

Malli dħalt lura fil-kamra, indunajt li kont sirt imxarrab għasra.

Għalaqt il-bieb warajja u ħadt nifs twil. Propju dak il-ħin, li imsaħt wiċċi u ħarist madwar il-kamra, indunajt li ħija kien diġà rieqed fis-sodda ta’ fuq. Għalhekk ma xgħeltx id-dawl, iżda kelli biżżejjed dawl tal-binjiet tal-faċċata u l-ħwienet li kien ġej mit-tieqa.

“Mela ma ħriġtx?” bdejt ngħidlu, hekk kif bdejt ninża ħwejġi u nagħmilhom fuq il-heater li kien hemm taħt it-tieqa. Ħarist barra mit-tieqa. Dawl u kuluri. Xtaqt domt aktar f’din il-belt sabiħa. Iżda mhux ġo din il-lukanda!

Ma weġibnix. Iżda stajt nisma’ l-ħsejjes tan-nifsijiet tiegħu kontinwament.

Ħassejtni ninkwieta għalih. Tgħid ma ħareġ imkien? Tgħid kien iddispjaċih li qalli hekk u wara xtaq joħroġ miegħi?

Issa m’hemmx x’tagħmel, komplejt naħseb waħdi, hekk kif dħalt fis-sodda tan-naħa t’isfel. Għalaqt għajnejja. Il-ħsejjes ġejjin mill-kmamar l-oħra, it-taħbit fuq l-injam u ż-żaqżiq tal-bibien bdew idejquni.

“Newwilli tazza ilma,” smajt lil ħija jgħidli mis-sodda ta’ fuq.

Ifhem, kont naf li biex joqgħod jinżel minn hemm fuq kien ser ikollu kedda akbar minni. Għalhekk, qomt, qbadt tazza minnhom, mort għamiltha taħt il-vit (għax kienu qaluli li l-ilma tal-vit fl-Ingilterra tajjeb għax-xorb) u mlejtha.

Mort ħdejn is-sodda u poġġejthielu eżatt fuq l-injama tal-ġenb ta’ dahar is-sodda.

Dħalt lura f’soddti.

“Vera hawn sabiħ,” bdejt inparla. “Ħadt gost. Int mort x’imkien?”

Ma weġibnix.

Ma kellux aptit kliem donnu.

“Il-lejl it-tajjeb,” għalaqt għajnejja u ħallejt in-ngħas jiġri bija.

Kienu eżattament il-ħamsa ta’ filgħodu.

Smajt taħbita qawwija ġejja mill-bieb tal-kamra.

Inħsadt. Qomt bilqiegħda fuq is-sodda. Tgħid min kien ġie dal-ħin? Bdejt ninkwieta.

Taħbita oħra.

Ħadd ma kellu jiġi.

Imma jekk ma niftaħx, it-taħbit kien ser iqajjem lukanda sħiħa!

Barra kien għadu d-dlam. Ħriġt mis-sodda, xgħelt id-dawl tal-kamra, ilbist il-kowt li kont ħallejt jinxef mill-ilma u b’għajnejja mżellġin, ftaħt il-bieb tal-kamra.

Inħsadt.

Ħija.

Ħija kien quddiemi.

“Leonard...mela ħriġt kmieni dalgħodu?” għidtlu, inħares lejh iċċassat.

“Naf, Mike. Naf. Aħfirli.”

Daħal ġewwa u għalaq il-bieb warajh.

“X’inti tgħid?” staqsejtu. Ma stajt nifhem xejn.

“Mike, naf li tiddejjaq tgħaddi l-lejl waħdek,” qalli. “Skużani. Imma tant kemm ħadt gost li ma kellix aptit niġi naħli l-ħin hawn ġew norqod!”

Ħassejtni nibbies qisni statwa tal-ġebel.

“Xiex?” staqsejtu. “Jiġifieri int qed tgħidli li għaddejt il-lejl barra?”

“Iva aħfirli Mike!” irrepeta Leonard.

Dawwart ħarsti lejn is-sodda ta’ fuq li kellha l-kutri mħarbtin kollha.

U fuq l-injama tal-ġenb ta’ dahar is-sodda rajtha.

Tazza tal-ilma.

Imma t-tazza kienet vojta.

“Donnu ma kontx waħdi Leonard,” għidtlu.