Films ġodda għal din il-ġimgħa

Carmel Bonnici jikteb dwar żewġ films ġodda li ħarġu fis-swali taċ-ċinema din il-ġimgħa

Carmel Bonnici / 10 t'April 2017 15:53
The Lost City of Z

Atturi Ewlenin: Charlie Hunnam; Sienna Miller; Robin Pattinson; Tom Holland; Angus Macfadyen

Direttur: James Gray

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 140 minuta | Ċert: 15

Sa mis-snin bikrin taċ-ċinema, fuq il-liżar il-kbir dehru stejjer li ġraw veru dwar persuni kuraġġużi u determinati mimlijin spirtu qawwi ta' avventura, biex jazzardaw fejn il-bniedem normali ma jissugrax. Wieħed minn dawn kien l-esploratur Brittaniku, Percy Fawcett [Hunnam] li fis-snin bikrin tas-seklu  għoxrin ivvjaġġa bosta drabi lejn ir-reġjun remot u misterjuż tal-Amazon, u hemm skopra evidenza li qatt qabel ma kienet magħrufa, dwar ċivilizzazzjoni avvanzata. ‘The Lost City Of Z’ hu film ta' natura profonda, bbażat minn fuq il-ktieb awtentiku u ‘bestseller’ ta' David Grann, dwar l-istorja vera u inkredibbli ta' dan l-esploratur ta' fibra soda. Għalkemm kien imwaqqa' għaċ-ċajt mill-istabbiliment xjentifiku ta' żmienu, li tiegħu kien jagħmel parti, u li kienu jqisu lill-popli indiġeni bħala slavaġ, Percy reġa' lura kemm-il darba lejn il-ġungla maħbuba tiegħu, sakemm wara kważi għoxrin sena ta' vjaġġar, hu u ibnu [Holland], fl-1925 sparixxew b'mod misterjuż. F'ċertu sens, ‘The Lost City Of Z’ hu film ta' natura epika li juri l-kuraġġ u l-passjoni ta' persuna li ħajjitha kienet mimlija intriċċi. Hu serva fl-armata fl-Irlanda u anki, meta faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinjija, telaq lejn Franza fejn mexxa brigata ta' artillerija fi ġlied minn ġol-gandotti umdin u mimlija tajn tal-gwerra. Dan l-avventurier mimli ossessjoni sab solidarjetà kontinwa minn martu, Nina [Miller] li dejjem issapportjatu minkejja li għamlet snin twal mingħajr il-preżenza tiegħu fid-dar. Percy stess kien semma' lil din iċ-ċivilizzazzjoni antika bħala ‘The Lost City Of Z’.

 

Fist Fight

Atturi Ewlenin: Ice Cube; Charlie Day; Tracy Morgan; Jillian Bell; Christina Hendricks

Direttur: Richie Keen

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 91 minuta | Ċert: 15

‘Fist Fight’ hu ambjentat fi skola sekondarja ta' tfal moħhom biex jgħaddu ż-żmien bl-għalliema, jaqilgħu xi nkwiet u preokkupati bis-sess u ċajt spint. Kull praspura li tiġri, malajr issib ruħha ‘online’.  Biex iżomm id-dixxiplina, hemm Ron Strickland [Cube], surmast b'metodi brutali u li hu l-biża' tal-istudenti kollha. Il-kuntrarju ta' dan hu Andy Campbell [Day], l-għalliem tal-Ingliż, li jipprova minn kollox b'manjiera kwieta u paċifika li jżomm il-klassi flimkien, minkejja li sikwit iwaqqgħuh għaż-żuffjett. Fl-aħħar ġurnata tal-iskola, l-affarijiet tant jiħżienu meta l-ġentili Andy ‘jirfes il-kallu’ ta' Ron. Minħabba f'hekk, Ron jitkeċċa mix-xogħol. Dan, irrabjat bil-kbir jisfida lil Andy għall-ġlieda bil-ponnijiet wara l-ħin.  Din l-aħbar tinżel għasel mal-istudenti u malajr tigri ma' kullimkien. Andy, li qed jistenna lil martu twelled, jipprova b'kull mezz biex ma jaqlax xi xeba' nobis mingħand dan il-furjuż li diġà ħarbat lill-wieħed ta' statura ferm ikbar minnu meta kienu arrestati. ‘Fist Fight’ hija kummiedja sfrenata, anzi farsa gwappa li, għalkemm l-avvenimenti tagħha ma jseħħux hekk fir-realtà, tipprovdi siegħa u nofs divertiment li dawk li ma jridux iħabblu moħhom. Iż-żewġ protagonisti hawn qed iservu wkoll ta' produtturi eżekuttivi.