Busuttil fit-tmun: Il-PN fejn sejjer?

Kull kelma tgħodd... u qabel elezzjoni tgħodd iktar

Albert Gauci Cunningham / 9 t'April 2017 18:00
Simon Busuttil
Hekk kif (mhux uffiċjalment) il-kampanja elettorali bdiet, kull diskors politiku ikun fih aktar toqol u aktar tifsira minn dawk ta’ qabel. Minn issa ’l quddiem, il-votanti, l-aktar dawk il-madwar 30% tal-votanti (skont l-aħħar stħarriġ tal-gazzetta MaltaToday) li s’issa mhuma qed jallineaw ruħhom ma ħadd, se jkunu b’widnejhom miftuħin, biex jisimgħu u jaslu għal deċiżjoni.

Iż-żewġ mexxejja politiċi jafu li huma dawn it-30% tal-votanti (8.6% li qed jgħidu li mhux se jivvutaw, 10.6% li ma jafux kif se jivvotaw u 12.5% li mhux qed jgħidu kif se jivvutaw) li se jiddeterminaw ir-riżultat elettorali din is-sena jew fl-2018.

Kull diskors ta’ bħalissa mill-mexxejja politiċi qed jibda jinstema’ minn aktar nies, probabbilment (imma mhux biss) l-aktar mit-30% ta’ dawk li vvutaw Labour għall-ewwel darba fl-2013, 13.4% minn dawk li kienu vvutaw PL fl-2008 u 77.6% ta’ dawk li ma vvutawx fl-2013 u li llum qed jgħidu li jew ma jridux jivvutaw jew inkella ma jafux kif se jivvutaw. Ma’ dawn jingħaqdu wkoll, 15.4% ta’ dawk li vvutaw PN fl-2008 u 10.2% ta’ dawk li vvutaw PN fl-2013 li wkoll, jew ma jridux jew ma jafux kif se jivvutaw.

Dan kollu jagħmel is-sitwazzjoni iktar fluwida u rebħa ċerta għal partit partikolari iktar diffiċli.

Din il-ġimgħa, l-ILLUM tat ħarsa lejn id-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil tal-Ħadd li għadda f’Ħad-Dingli u t-tweġibiet tiegħu waqt programm fuq l-istazzjon tal-PN. Analizzat l-aktar kwistjonijiet li qed iqajjem Busuttil, il-kwistjonijiet li fuqhom jidher li se jkun qed jiġġieled il-kampanja elettorali u li allura dwarhom għad irridu nisimgħu ħafna iktar. Il-ġabra ta’ dawn is-suġġetti miż-żewġ ‘diskorsi’ ta’ Busuttil, għandhom jibdew jindikaw b’mod mill-aktar ċar fejn se jkun qed idawwar it-tmun tal-partit il-Kap tal-PN biex jipprova jsalpa lejn il-port.

Huwa ċar, minn dawn id-diskorsi f’kuntest ħafna aktar wiesa’ tad-diskorsi kollha tiegħu mill-festi tal-Indipendenza ’l hawn li Busuttil qed iressaq il-vapur dejjem iktar lejn ix-xellug. Jekk dan hux se jkun biżżejjed jew effettiv biex jirbaħ, hija storja oħra.

L-aktar kliem u frażijiet użati minn Busuttil
  • ‘Kburi li jien Malti’
  • Ħadma (catch)
  • Sustanza
  • Traffiku
  • Proġetti
  • Toroq u bankini
  • Diċenza
  • Demokrazija
  • Surplus
  • Ħela
  • Paga
  • Airmalta
  • Cyrus Engerer
  • Panama


 

Lejn ix-xellug biex ‘jieħu’ voti Laburisti

It-tliet diskorsi ta’ Busuttil kien hemm fihom aċċenn qawwi ħafna ta’ dak li huwa soċjali. Kif kienet innotat din il-gazzetta diġà, Busuttil qed juża aktar lingwaġġ li minnu nnifsu jibni pontijiet ma’ dawk li tradizzjonalment fittxew lill-PL għas-solliev soċjali tagħhom.

Busuttil, aktar minn darba semma dawk li jaqilgħu inqas minn €11,000 u jfakkar li l-prezz tal-ikel żdied, xi ħaġa li fil-fatt kienet innotata fir-rapport tal-Caritas.

Minkejja diversi miżuri baġitarji, Busuttil jaf u politikament qed jibni immaġini biex jintogħġob, ma’ dik il-firxa ta’ nies li a) jew mhux qed jibbenefikaw minn dawn il-miżuri jew inkella, b) fuq is-sentiment li minkejja l-miżuri, ‘ħaddieħor ħa l-miljuni u jien bqajt biċ-ċiċri’.  

Imma dan mhux biss. F’Ħad-Dingli, Busuttil tkellem dwar il-Paga Minima. Issa, huwa vera li l-PN fil-Gvern żied din il-paga biss bil-COLA. Minkejja dan, il-ħeġġa biex jallinea lilu nnifsu ma’ organizzazzjonijiet xellugin bħall-Caritas u Alleanza Kontra l-Faqar u jaqbel mal-proposta tagħhom biex il-paga minima tiżdied b’€950 minn kif hija llum (3.5% kull sena għal tliet snin), juri li Busuttil huwa iktar milli lest biex jokkupa parti mill-vojt li bosta jħossu li ħalla Muscat fix-xellug.

F’Ħad-Dingli, Busuttil wiegħed li “Il-PN lest jagħti appoġġ għal kull qbil li jaslu għalih l-imsieħba soċjali u jonorah meta jkun fil-Gvern.” Anke fuq in-NET akkuża lill-Gvern li huwa “suppost soċjalist”, xi ħaġa li jekk xejn, jaqblu magħha sezzjoni ta’ Laburisti nostalġiċi għas-snin 70 u 80.

Naturalment, hemm il-lista twila ta’ miżuri li saru mill-Gvern u l-miżuri li għad irid jieħu li se jaħdmu kontra Busuttil.

Jibqa’ fatt li, kif innotat diġà din il-gazzetta, Busuttil huwa l-aktar Kap Nazzjonalista fl-aħħar snin li kien lest li jersaq b’kunfidenza lejn ix-xellug.

 

Simon l-Ewropeista...

Kemm jekk f’Novembru u anke jekk f’Marzu, l-elezzjoni li jmiss se tiġi fi żmien meta l-avveniment tal-Presidenza se jkun għadu ċar fl-imħuħ ta’ ħafna. F’Ħad-Dingli, Busuttil saħaq li “L-Ewropa tfisser il-job li għandek...il-paga tiegħek fil-fabbriki, fl-uffiċini, fil-gaming....”

Dan juri li Busuttil mhux lest jgħaddi x-xettru tal-Ewropeiżmu lill-Partit Laburista li, tajjeb jew ħażin, bil-Presidenza bena immaġini b’saħħitha ta’ partit li fil-Gvern kapaċi jmexxi lil Malta fl-Ewropa.

Naturalment l-istorja ma jħassarha ħadd, imma (u l-PN jaf għax ħaddem it-tattika wkoll) l-istorja tista tkun ‘mċajpra’ b’avvenimenti jew inkella bil-kitba tal-istorja minn min għandu l-interess li jagħti l-istorja sfumatura.

Busuttil tkellem dwar il-Kungress tal-EPP kemm f’Ħad-Dingli u anke meta intervistat minn Norman Vella. Ma tantx inħass li kien b’saħħtu meta qal li Merkel u l-mexxejja l-oħrajn ġew għall-kungress tal-Partit Popolari Ewropew (EPP) biex “jagħtu appoġġ lill-Partit Nazzjonalista”. Fil-fatt, ġew Malta għax il-kungress kien tal-EPP...

 

Stejjer ‘reali’ biex juri li ‘qrib in-nies’

Għal ħafna Simon Busuttil jibqa’ jkollu l-problema li bosta jarawh bħala distakkat u li m’għandux il-kariżma meħtieġa biex jiġbed aktar votanti lejh.

Biex ipatti għal dan u f’kull diskors li kellu f’dawn l-aħħar xhur, Busuttil dejjem jagħmel mezz li jsemmi każ ta’ persuna jew storja ta’ xi ħadd li jgħid li ltaqa’ miegħu jew kellmu. Busuttil dejjem jagħti libsa, soċjali lil dawn l-istejjer. Min ma jiflaħx iħallas, min mhux ilaħħaq mal-kera u nhar it-Tlieta fuq l-istazzjon tal-PN irrakkonta hekk: “Iltqajt ma’ koppja b’pensjoni ta’ €670...ċerti mediċini jridu jixtruhom. Aħna nwiegħdu li l-mediċini li qed tħallas għalihom, jingħataw b’xejn.”

Dawn l-istejjer, reali jew le, jibnu immaġini ta’ approachability, immaġini ta’ Kap li tista’ tavviċinah, tkellmu u taqsam l-esperjenzi tiegħek miegħu.

 

Joħloq sens ta’ urġenza u bżonn...

Busuttil suppost jaf li ‘għadu’ kbir tiegħu huma l-apatija u n-nuqqas kważi assolut ta’ urġenza biex jinbidel il-Gvern, lil hinn miċ-ċrieki tal-PN. Tant jaf li jeżisti dan is-sentiment li mhux biss ilu jagħmel referenza għalih, bħal f’Ħad-Dingli meta wissa lin-nies kontra l-idea ta’ “u, iva mhux xorta” talli l-PN qed juża l-karta tad-demokrazija biex joħloq l-istess urġenza jew sens ta’urġenza, anke jekk falza, għall-bidla.

Fuq in-NET, Busuttil semma d-demokrazija, kif semmieha l-Ħadd u f’bosta ħdud qabel. “Demokrazija ma tkunx imbagħbsa,” “ara ma tmissux id-demokrazija,” “anqas jitwemmnu l-affarijiet li jibdew jiġru, tibda tgħid qed ngħixu f’demokrazija jew le?”

Dawn l-istqarrijiet għamilhom, mhux dwar il-kwistjoni tal-ID cards biss, iżda fuq diversi kwostjonijet oħrajn, primarjament wara s-sekwestru ta’ Chris Cardona fuq Daphne Caruana Galizia. Il-PN mar f’dak li bl-Ingliż jissejjaħ overdive, ħeġġa kbira u assoluta, biex joħloq sens ta’ urġenza li d-demokrazija tinsab fuq il-preċipizju, li l-pajjiż riesaq biex ikun il-Korea ta’ Fuq tal-Mediterran.

Iktar minn attiviżmu, Busuttil jeħtieġ iqajjem sens ta’ urġenza fost il-partitarji tiegħu u lil hinn. Jekk dan mhux se jinħoloq, se jkun hemm ftit li xejn raġunijiet biex in-nies ibiddlu l-Gvern.

 

Populiżmu vs. Sustanza

Xi ħaġa tgħidli li meta Busuttil ikun qed jirreferi għall-populisti li wasslu għall-Brexit, ikun fil-fatt qed jirreferi għal Joseph Muscat. Il-Ħadd li għadda Busuttil ikkonferma dan meta waqt l-istess referenza għall-populiżmu qal li anke “aħna nafu xi ħadd l-istess.”

Busuttil huwa entużjast biex jibni l-immaġini ta’ Kap u PM prospettiv ta’ “sustanza”, kelma li jsemmi bosta drabi waqt kull okkażjoni li tkellem pubblikament dwarha din il-ġimgħa.

Huwa jpinġi stampa kerha tal-populist bħala persuna li ma tinteressahx mill-verità...fiż-żmien li ġej Busuttil se jkun qed juża t-tiketta tal-populiżmu fuq Muscat u probabbilment anke jagħmel paralleli bejn riżultati bħal Brexit u Gvern Laburista.

 

Is-surplus wara 35 sena

Il-fatt li pajjiżna se jkun qed jirreġistra qligħ wara 35 sena huwa tragward għall-pajjiż u għall-Gvern. Busuttil deher bħala negattiv wisq, fost bosta li jħossu li din kienet tassew kisba.

Fil-fatt, Busuttil huwa parzjalment korrett meta jgħid li s-surplus ilħaqnieh minħabba li tnaqqset l-ispiża kapitali, però qed ikun xi ftit ekonomiku mal-verità.

L-ispiża kapitali fl-2016 kienet it-tieni l-inqas kważi fl-aħħar 10 snin. B’€310 miljun, l-unika sena li kien inqas kien taħt Gvern Nazzjonalista fl-2011, b’€288 miljun. Li ma semmiex Busuttil huwa li fl-2014 u l-2015 il-Gvern preżenti alloka spiża kapitali rekord fl-aħħar 10 snin (€581.4 miljun fl-2015).

Lil hinn miċ-ċifri iżda Busuttil jaf li hawn kritika partikolari minħabba li jinħass li m’hawnx biżżejjed proġetti għaddejjin. Fil-fatt huwa vera, li t-tkabbir ekonomiku eċċezzjonali tal-aħħar snin ma kienx rifless biżżejjed f’proġetti infrastrutturali, li japprezzawhom u jarawhom il-votanti.

 

Melħ fuq ferita

Busuttil jitfa’ melħ fuq ferita partikolari, li minn dak li qed jasal għand din il-gazzetta jidher li hija ferita konsiderevoli għall-PL f’ċerti distretti, tal-bousing. Meta jsemmiha jkun qed jindirizza, anke jekk ma jgħidhiex, numru konsiderevoli ta’ nies li dejjem ivvutaw jew li fl-aħħar elezzjoni vvutaw lill-Partit Laburista. 

Busuttil jaf li parti kbira minn din il-problema dan il-Gvern wiritha, imma jaf ukoll li dan ftit li xejn ifisser u jiswa meta l-kandidati Laburisti jħabbtu l-bibien tan-nies. Jaf ukoll li beda x-xogħol fuq proġett pjuttost estensiv ta’ bini ta’ housing soċjali, imma jaf ukoll li dan il-proġett mhux se jkun lest (jew mhux kollu lest) sal-elezzjoni ġenerali.

Jekk il-Gvern ma jagħmilx progress biżżejjed fuq din il-kwistjoni, Busuttil se jibqa’ jitfa’ aktar melħ fuq din il-ferita partikolari, bit-tama li ssir aktar ħsara elettorali lill-PL.  

 

Cyrus et al...

Fuq l-istazzjon tal-PN, Busuttil reġa’ kkonferma li l-PN ma tantx se juri ħniena u mhux beħsiebu jibni pontijiet ma’ settur partikolari ta’ nies li kienu Nazzjonalisti u li llum jappertjenu l-Partit Laburista u li ngħataw xi kariga.

Indirizza lil Engerer bħala sieħeb Joseph Muscat “b’€7,000 fix-xahar.”

Cyrus Engerer jibqa’ wieħed minn dawk li ngħataw pożizzjoni fl-istrutturi tal-Gvern, wara li qabel l-aħħar elezzjoni biddel l-alleanza tiegħu minn mal-PN. Għall-PN dan jibqa’ att politiku li prattikament ma jinħafirx. Busuttil ma tantx jidher li għandu interess li jibni relazzjoni ma’ nies bħal Engerer. Miegħu jingħaqdu nies oħrajn bħal Jeffrey Pullicino Orlando u Franco Debono. Għall-PN dawn huma ‘lost cause’ u miftuħin għall-kritika bħal kull persuna oħra ta’ profil li tidentifika mal-PL.

 

Il-baqra li għadha tinħeleb

Ma setax jonqos li l-kwistjoni tal-Panama tissemma, għalkemm f’dawn l-okkażjonijiet issemmiet b’inqas intensità. Fil-fatt, fil-programm ta’ Norman Vella, Busuttil semma l-każ Panama meta mistoqsi mill-preżentatur.

Naturalment dan jista’ ma jfisser xejn. Jista’ jfisser ukoll imma li Busuttil ingħata l-parir biex filwaqt li jibqa’ jsus wara l-każ Panama, ma jibqax jagħmlu l-unika suġġett ta’ diskussjoni.

Il-PN jaf li minkejja li ħafna huma konsonanti ma’ dak li jaħseb il-PN fuq dan il-każ, issa ħafna jħossu li ġie eżawrit u waqfu jinteressaw ruħhom dwaru.

Minkejja dan, Busuttil afferma hekk: “Inwiegħed ġustizzja ma’ kull min huwa involut.” 

Jidher li l-baqra ‘Panama’ għad hemm x’jinħeleb minnha, imma Busuttil ma jridx jibqa’ perċeput li dik hija l-unika baqra li għandu x’jaħleb biex isir Prim Ministru.

 

Polza t’assigurazzjoni f’każ ta’ telfa?

F’dawn l-aħħar ġimgħat, mas-sens ta’ urġenza nħoloq ukoll sens ta’ biża’. Biża’ li l-Partit Laburista se ‘jbagħbas’ l-elezzjoni. Busuttil iddeskriva dik li sejjaħ “orġja ta’ nepotiżmu” ta’ nies deħlin mal-gvern u fuq in-NET qal li ma jistax jagħti garanzija li mhux se jkun hemm min jivvota darbtejn, fir-rigward tal-każ tal-ID Cards.

Issa, fejn jirrigwarda power of incumbency ħadd daqs l-eks-PM Alfred Sant ma semma dan it-tip ta’ poter bħala raġuni għal telfa Laburista. Darba saħansitra, fl-1998, kien qal li Gvern huwa ‘illeġittimu’ minħabba l-famuża ‘gerrymandering’ fid-distretti.

Filwaqt li, naturalment il-PN u Busuttil għandhom dover jitkellmu, l-fatt li qed jintefa’ dell fuq il-leġġittimità tal-elezzjoni ġenerali, tista’ tkun qed issir bi skop. Tip ta’ polza t’assigurazzjoni biex jekk jitlef il-PN fl-elezzjoni li jmiss, ikun jista’ jwaħħal (parzjalment) fit-tbagħbis u l-power of incumbency. 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.