It-tifla l-mitlufa

Ir-rakkont ta' Sharon Calleja

Sharon Calleja / 16 ta' Marzu 2017 12:45
Il-karozza kienet waslet fi triq imwarrba, xi ftit imħaffra, b’għelieqi miżgħuda siġar twal.

Għalkemm ix-xemx kienet ilha xi ftit li niżlet, il-veduta f’dawn l-inħawi, kienet tidher qisha stampa ta’ kartolina sabiħa.

Errol ħares lejn il-maħbuba tiegħu. Issa kien il-mument li kien ilu żmien jistenna. Bela’ r-rieq li kien tela’ għal griżmejh u niżżel idejh fuq il-but tal-qalziet. Mingħajr ma qala’ għajnejh minn fuq it-triq li kellu quddiemu, subgħajh iż-żgħir ta’ idu ħabat ma’ kaxxa żgħira mgeżwra b’tant delikatezza li kellu fil-but.

Issa kien wasal il-waqt li kellu jistaqsiha dik id-domanda li tgħidx kemm-il darba kien ilu jipprova quddiem il-mera tat-twaletta ġewwa kamartu f’dawn l-aħħar jiem. Minn dakinhar li kien għamel ħsieb. Ħsieb li jitlobha sabiex tkun martu.

Reġa’ qabad l-isteering tal-karozza hekk kif it-triq kienet donnha waslet f’kisra kerha. Kienu kważi waslu.

Kien qed jibża’.

Beda jħoss l-għaraq ixoqq għalih. Issa jekk twieġbu le? Kieku x’kien se jagħmel? Kif kien ser joqgħod mingħajrha?

Sandra kienet mhedija tħares ’il barra minn ġot-tieqa tal-karozza, tisma’ r-radju u tħossha rilassata wara ġurnata xogħol, hekk kif bdiet tifli l-ħitan tas-sejjieħ u s-siġar kbar li kienu qiegħdin iżejnu ż-żewġ naħat tat-triq minn fejn kienu għaddejjin. Niżżlet it-tieqa tal-karozza u bdiet ixxomm l-arja friska, maqtugħa mit-tniġġis tad-dħaħen tal-karozzi li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar kienu qegħdin jiżdiedu. It-traffiku lejn in-naħat tagħhom kien qed isir problema kbira!

X’differenza hawn. Ma setax jeħodha dawra f’post aħjar, ’il bogħod mill-istorbju, ’il bogħod mill-ġenn! X’paċi...x’paċi kien hawn!

Errol reġa’ ta daqqa t’għajn ħafifa lejn Sandra.

Kienet sabiħa.

L-isbaħ tfajla li qatt kien ra.

Sandra.

Issa kienu ilhom f’relazzjoni għal dawn l-aħħar sentejn u għalkemm kulħadd kien jgħidlu li kien għadu xi ftit kmieni biex jaħseb għaż-żwieġ, hu riedha tkun tiegħu. Riedha tkun martu. Kien iħobbha. Kien iffissat fuqha.

Ħarset lejh u tbissmitlu.

Dawk l-għajnejn kbar, suwed. Dawk ix-xufftejn ħomor, ħomor mingħajr irtokk. Dik il-ġilda fina li kienet qisha xi pupa tal-porċellana.

Errol dawwar il-karozza lejn apertura żgħira li kienet tagħti għal qisu bini abbandunat mistoħbi wara xi siġar kbar taċ-ċitru.

Waqqaf il-karozza bil-mod. Kien qed iħossu mifxul. Ma kienx jaf eżatt kif kellu jibda.

Dak il-ħin, beda jħoss fawra tiela’ għal rasu. Issa jekk ma taċċettax? Jew forsi ppretendiet li kellu jkun aktar romantiku? Forsi xtaqet li jeħodha f’ristorant tajjeb jew...

Errol beda jisma’ qalbu tħabbat iżjed bis-saħħa. Ħares lejn Sandra, li kienet għadha mehdija ddawwar rasha u tifli l-ambjent barra.

Imbagħad daret tħares lejh. Errol bexxaq xufftejh biex ikellimha iżda leħnu ma setax isibu. Sandra resqet lejh, tbissmitlu u bisitu fuq xufftejh.

Iva, b’daqshekk? Kien ilu jbusha u jħobbha. Ma kienx jaf għala kważi ħassu mbarazzat.

Imbagħad donnu għamel bħal kuraġġ, daħħal idejh fil-but u ħareġ il-kaxxa.

Sandra kienet qiegħda tħares lejh iżda ma kinitx indunat x’kien qed jagħmel. Tella’ ħarstu lejha u kien jaf li wiċċu kien sar aħmar nar u kellu idejh jirtogħdu.

Kien propju dak il-ħin.

Semgħu ħoss ta’ passi u tħaxwix ta’ ħaxix. Semgħu wkoll xi zkuk jinqasmu, qisu xi ħadd kien qed jirfishom.

“Errol dak x’inhu...?” staqsietu Sandra hekk kif it-tnejn li huma baqgħu b’ħalqhom miftuħ.

Minn qalb xi siġar raw dell donnu ġej jiġri lejhom.

Fil-bidu ma setgħux jifhmu x’kien eżatt iżda hekk kif resqet qrib tagħhom, qalbhom għamlet tikk.

Tifla.

Tifla ta’ xi sitta jew seba’ snin kienet ġejja tiġri lejhom b’kemm kellha saħħa. Il-libsa bajda li kienet liebsa kienet tidher maħmuġa u xi ftit imċarrta wkoll. Hekk kif resqet aktar qribhom indunaw li kienet tidher imwerwra u xagħarha kien imħabbel. F’idha kellha ors tal-bellus li għalkemm kien suppost ta’ kulur ċar, kien jidher maħmuġ ukoll. Donnha kienet qiegħda tibki. Għajnejha kienu mberrqin u xufftejha kienu donnhom maqsumin b’xi demm niexef. Kienet bla nifs u hekk kif waslet qrib il-karozza tagħhom, bdiet tgħajjat u tgħid kliem li ma setgħux jifhmu sew.

“Ajjut!” qaltilhom, hekk kif bdiet issabbtilhom fuq il-ħġieġa tal-karozza. Kienet tidher ippanikjata

“X’għandek bżonn?” staqsieha Errol, hekk kif fetaħ il-bieba tal-karozza u ħareġ barra fuq iż-żrar.

Mingħajr ma qaltilhom xejn aktar, it-tifla ħarset lejhom b’ħarsa mwerwra u telqet tiġri lejn in-naħa opposta ta’ minn fejn kienet ġiet.

“Ojjjj!” beda jgħajjat Errol, hekk kif mar jiġri warajha iżda ma laħaqhiex. Kienet diġa telqet ’il bogħod.

“Ġesu tiegħi...” qal Errol, kważi lilu nnifsu, jpoġġi lura l-kaxxa ċ-ċkejkna li kellu f’idu fil-but. Ma tantx kien baqgħalu moħħ. Mhux wara dak li kien għadu kemm kien ra.

“Errol,” qaltlu Sandra. “Tgħid kienet ruħ?”

“Ruħ?” staqsieha Errol. “Hux ruħ hu...” Iżda lanqas hu stess ma kien konvint minn leħnu.

“Imma rajtha kif kienet?”

“Iva, Sandra. Rajtha. Forsi mitlufa, forsi...”

“Miskina!” weġbitu Sandra. “Tgħid xi ġralha? Għadha żgħira biex tiġri hekk fl-imwarrab waħedha!”

Errol baxxa rasu. Bejn għax donnu fl-aħħar kien deċiż li jitlobha tkun martu u issa kien donnu neħħa l-kuraġġ kollu u bejn għax kien inkwetat għal dik it-tifla, lanqas biss kien jaf x’kellu jaqbad jagħmel.

“Ma lħaqthiex. Mort warajha iżda ma lħaqthiex...”

Dak il-ħin eżatt, raw raġel ġej jimxi minn wara ħajt tas-sejjieħ, ifittex u jdawwar ħarstu ’l hawn u ’l hemm.

Sew Sandra u anke Errol, baqgħu jħarsu lejn dan ir-raġel li kien donnu qed ifittex xi ħaġa jew lil xi ħadd. Resaq lejn il-karozza tagħhom.

“Sinjuri,” qalilhom. Anke dan ir-raġel kien donnu b’nifsu maqtugħ. “Rajtu lil binti ġejja ’l hawn? Rajtuha x’imkien?”

“Bintek?” staqsieh Errol, hekk kif reġa’ ħareġ minn ġol-karozza u mar quddiemu. Anke Sandra ħarġet minn ġol-karozza u marret ħdejh.

“Iva, konna qegħdin flimkien u ntilfet! Ma nista’ nsibha mkien!” qalilhom, b’għajnejh kważi jdemmgħu. Kien jidher iddisprat mhux ftit.

“Iva, rajnieha, sinjur!” ħatfitu fil-pront Sandra.

“Iva mela!” qallu Errol fl-istess ħin.

“Veru?” għajnejh bdew ileqqu. “Fejn marret? F’ġieħ id-dinja, fejn marret Katia tiegħi?”

“Ara sinjur,” bdiet tgħidlu Sandra, “marret tiġri lejn dik in-naħa!” indikatlu. “Propju bejn dawk is-siġar ta’ hemmhekk! Jekk tibqa’ nieżel minn hemm taraha suppost! Ħaffef! Għax Errol ipprova jilħaqha iżda telqet tiġri!”

“Grazzi, grazzi ħafna!” qalilhom is-sinjur u telaq jiġri lejn fejn indikatlu Sandra.

“Qed tara kif ma kinitx ruħ!” qal Errol lil Sandra hekk kif it-tnejn li huma kienu lura bilqiegħda fil-karozza.

“Nispera li jsibha miskina!” qaltlu Sandra.

Errol qabel magħha u ddeċieda li għal dakinhar kienu għaddew biżżejjed ħin fit-triq l-imwarrba u ħass li aħjar juża ċ-ċurkett li kellu mgeżwer għal darb’oħra. Waqt li beda jsuq lura, kemm kemm ma ħassux irrabjat għal dik it-tifla ċkejkna li kienet waqqfitu milli jipproponi lit-tfajla tiegħu u bidlet l-atomosfera romantika li xtaq li sab f’dak il-post imwarrab.

Dakinhar wassal lil Sandra d-dar u mar jorqod bil-kwiet fl-appartament tiegħu. Kien propju filgħodu, x’ħin kien sejjer għax-xogħol li nnota li mal-ħġieġa tal-karozza tan-naħa tiegħu, fejn kienet misset idejha t-tifla, il-ġurnata ta’ qabel, kien hemm traċċi ta’ demm.

Għal mument waqaf bilwieqfa jħares lejh u jinkwieta. Tgħid kien sabha missierha? Tgħid kienet qawwija u sħiħa d-dar?

Moħħu beda jiġri bih iżda kien sarlu l-ħin biex imur ix-xogħol.

Dakinhar filgħaxija, eżatt malli xegħel it-televiżjoni, waqt li kien ser jiekol bukkun, sab l-aħbarijiet.

Qalbu għamlet tikk.

Fuq it-televiżjoni ra r-ritratt tat-tifla li kienu ltaqgħu magħha propju l-jum ta’ qabel u maġenbha r-ritratt ta’ missierha.

Errol ċċassa jħares lejn it-televiżjoni u ħassu kważi jistordi hekk kif beda jisma’ lill-mara tal-aħbarijiet titkellem.

“Għadna kemm irċevejna aħbar xokkanti. Katia Mamo, tifla ta’ seba’ snin instabet mejta fl-inħawi tal-għelieqi tan-Nafra. Il-ġisem bla ħajja tat-tifla nstab imqatta’ biċċiet fil-ġiebja li hemm abbandunata bla ilma. Hu maħsub li t-tifla sfat stuprata diversi drabi qabel ma nqatlet. Tonio DeRenaux, dan ir-raġel li jidher maġenb ir-ritratt tat-tifla jinsab imfittex mill-pulizija għaliex hemm biżżejjed indikazzjonijiet li huwa l-persuna li seraq lit-tifla, stupraha, qatilha u qatta’ l-ġisem bla ħajja taċ-ċkejkna Katia. Min għandu aktar informazzjoni fuq dan ir-raġel hu mitlub iċempel minnufih lill-pulizija...”

 “Konna aħna stess...” beda jgedwed waħdu Errol, hekk kif ħass saqajh bla saħħa taħtu. “Aħna stess...għidnielu fejn kienet,” qal b’leħen bilkemm jinstema’. “Ajjut!” leħen it-tifla donnu reġa’ beda jisimgħu jidwi f’widnejh.

“Rajtu lil binti ġejja ‘l hawn?” leħen ir-raġel.

Leħen il-qattiel tagħha.