Fejn int Mulej?

Ir-rakkont Reliġjuż minn Marylin Bellizzi

7 ta' Marzu 2017 15:08
‘A friend in need is a friend indeed’ hija espressjoni li żgur xi darba jew oħra ltqajna magħha, lissinieha fuq fommna jew aktar minn hekk ġarrabnieha. Imma sfortunatament nafu li llum il-ġurnata mhux faċli ssib ħbieb veri li lesti joffrulek spalla u jkunu miegħek waqt maltempata. Sa ċertu punt, attitudni bħal din tistennieha ġaladarba aħna nies dgħajfa u midinba. Imma mhux l-istess nistgħu ngħidu jekk inħossu li Alla, li hu mimli tjieba, imħabba u mogħdrija, jitlaqna u jiddistakka ruħu minna meta l-aktar li jkollna bżonnu!

Għalhekk, f’mumenti ta’ diqa, ħafna jaf jitfixklu, jiddubitaw u jistaqsu: ‘Fejn int Mulej?’ Diffiċli nifhmu għaliex Alla jippermetti t-tbatija. Il-viżjoni tagħna limitata u ma twassalniex biex naraw l-istampa kompluta.

Id-dixxipli ta’ Kristu wkoll sabuha iebsa biex jifhmu għaliex Alla l-Missier ippermetta li Ibnu Ġesù Kristu jbati meta sar bniedem bħalna! Hu wkoll daq il-ġuħ u l-għatx, esperjenza t-tentazzjoni, l-umiljazzjoni, il-persekuzzjoni, in-niket u l-bqija, bħalna. Iżda fuq kollox esperjenza l-inġustizzja meta ġie maqtul fuq is-salib.

Dak kollu li għadda minnu ċertament ma kienx ir-riżultat ta’ dak li ħaqqu. Kien biss qed jiskonta s-sentenza mistħoqqa lilna minħabba dnubietna. Għalhekk nistgħu ngħidu li f’dak kollu li ngħaddu minnu, anke jekk nidhru waħedna, m’aħniex. Kristu, li hu ħaj u esperjenza diġà dak kollu li ngħaddu minnu, jifhimna perfettament. Mhux biss, hu jkellimna, jiggwidana u jinkuraġġina mal-ewwel ċans li nagħtuh permezz tal-Kelma ħajja tiegħu. Hu qiegħed hemm dejjem dispost għalina. Huwa aħna li ntibiegħdu minnu. Iżda dan m’għandux ikun. Anzi, aktarx għandna nieħdu t-tbatija bħala opportunità biex noqorbu lejn Kristu.

Fih innifsu, Kristu hu espressjoni tat-tbatija. Fil-fatt, ħafna jgħidulek li sabu lil Kristu fit-tbatija. Oħrajn jistqarru li permezz tat-tbatija ssodaw fil-fidi u saru baħħara tal-maltemp, tgħallmu jitolbu aktar bil-qalb u jafdaw aktar f’Alla. Hemm min ukoll għaraf il-veru valur ta’ ruħu meta saħħtu bdiet tiddgħajjef, u hemm min sab il-ħajja vera meta ġie affaċjat bil-mewt. Oħrajn jgħidulek li fis-salib ta’ Kristu li minnu nnifsu jfisser il-paċi tal-midneb ma’ Alla, sabu l-paċi veru tar-ruħ li d-dinja, tistinka kemm tistinka, qatt ma tista’ tagħtik għax lanqas biss taf xi jfisser!

Is-salib ta’ Kristu hu l-iskola tagħna. Bih Alla wriena kemm verament jimpurtah mit-tbatija tagħna tant hu hekk li provda mezz uniku biex id-dnub jiġi mħassar minn fuqna, u t-tbatija, għalkemm qed nesperjenzjawha issa, ma nibqgħux nesperjenzawha eternament. Bi Kristu nafu li t-tbatija mhix l-aħħar daqqa. Għalkemm hi qawwija, mhix kapaċi tegħleb il-qawwa tiegħu stess li kapaċi tegħleb l-akbar sfida tal-ħajja – il-mewt. Iva, permezz tas-salib ta’ Kristu, il-Kristjan, anke fil-mewt, isib il-rebħa! Tant hu hekk li diffiċli nimmaġinaw lil xi ħadd diżżappuntat għax miet u spiċċa l-ġenna!

 

[email protected]