Films ġodda fiċ-ċinema din il-ġimgħa

Din il-ġimgħa fis-swali taċ-ċinema, fost films ġodda oħra, l-aħħar tislija lil Hugh Jackman bħala Wolverine fil-film 'Logan'

Carmel Bonnici / 6 ta' Marzu 2017 10:39
Logan

Atturi Ewlenin: Hugh Jackman; Patrick Stewart; Stephen Merchant; Boyd Holbrook; Dafne Keen; Richard E. Grant

Direttur: James Mangold

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 135 min | Ċert: 15

Is-sensiela ‘X-Men’ tal-kotba komiks Marvel issa waslet fl-għaxar film tagħha. Tlieta minn dawn kienu ddedikati lis-supereroj Logan, magħruf ukoll bħala Wolverene. F'dan it-tielet attentat dwaru, ‘Logan’ hu ispirat mill-komik ‘Old Man Logan’ ta' Mark Miller u Steve McNiven. Dan l-eroj li minn fuq il-għadam tas-swaba ta' jdejh joħorġu dwiefer kbar, issa kiber ġmielu, kif ukoll tilef il-fattur ewlieni li bih kien jiġġenera ruħu. Biex jaqla' x'jiekol, isuq karozza f'belt fil-fruntiera mal-Messiku u jara minn fejn jakkwista l-mediċini li hu u l-marid Professor X [Stewart] għandhom bżonn. Huma jgħixu f'dar mhux stabbli flimkien ma' Caliban [Merchant], li d-dawl tax-xemx jagħmillu ħażin u li jieħu l-kura ta' Professor X. L-inkwiet jibda ġej meta mara misterjuża [Elizabeth Rodriguez] titlob l-għajnuna ta' dan is-supereroj ma' Laura [Keen], tfajla b'doni speċjali mfittxija minn organizzazzjoni potenti li qed tbiddel tfal ġenji f'ġellieda qalila. Kontra qalbhom u mingħajr il-forzi speċjali ta' qabel, Logan u l-Professur isibu ruħhom mill-ġdid f'sitwazzjonijiet iddisprati. ‘Logan’ hu episodju ieħor verament movimentat u mimli azzjoni ta' din is-serje li bdiet 17-il sena ilu. Dan ix-xogħol jieħu s-sura ta' Western modern, bid-deżert Messikan tant jispikka u b'andament ukoll ta' ‘road movie’. It-tfajla Dafne Keen bħala Laura tikkumbatti l-għadu ħafna aħjar mill-protagonist waqt li timita ħafna lil Hit Girl [Chloe Grace Moretz] ta' ‘Kick Ass’. Aktarx, il-quddiem din se tkun ta' pedina sostanzjali fil-films futuri ta' ‘X-Men’. Trasferiment ta' ktieb komik b’mod konvinċenti!

 

Hidden Figures

Atturi Ewlenin: Taraji P. Henson; Octavia Spencer; Janelle Monae; Kevin Costner; Kirsten Dunst; Jim Parsons

Direttur: Theodore Melfi.

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 126 min | Ċert: PG

Fl-eqqel tal-Gwerra Bierda, lejn il-bidu tas-snin sittin, l-Amerika bdiet timmira lejn il-kwiekeb, l-aktar meta s-Sovjetiċi rnexxielhom itellgħu bniedem fl-ispazju. Kienu ħafna dawk li ħadmu fin-NASA biex jaraw lil pajjiżhom jieħu s-supremazija fl-ajru. L-ismijiet tal-astronawti John Glen, Alan Shephard u Neil Armstrong għadhom popolari sal-lum. Imma mingħajr il-ġenwinità tax-xjentisti, matematiċi u inginiera studjużi tal-atmosfera, dawn il-qalbenin kienu żgur jibqgħu fl-art. Tliet nisa suwed, Katherine G. Johnson [Henson], Dorothy Vaughan [Spencer] u Mary Jackson [Monae], fi żmien oskur ta' razziżmu qawwi, daħlu jaħdmu fin-NASA Langley Research f'Virginia u taw kontribuzzjoni qawwija biex pajjiżhom jirbaħ it-tellieqa għall-konkwista tal-ajru, biex diversi snin wara anki jniżżlu bniedem fuq il-qamar. ‘Hidden Figures’, li hu bbażat minn fuq il-ktieb ta' Margot Lee Shetterly, jagħti omaġġ mill-qalb li dawn it-tliet eroj minsija mill-istorja. Fuq il-post tax-xogħol sabu ma' wiċċhom antipatija, kuntrarju u ċaħda, però, bil-perseveranza u rieda sfiqa għelbu kull ostaklu.  Madankollu, minkejja li ġew imċaħħda minn promozzjonijiet li tassew kien jixirqilhom, sabu wkoll għajnuna u solidarjetà minn Al Harrison [Costner], id-direttur li tant apprezza xogħolhom li kisser it-tabella ta' latrina użata mill-bojod biss biex ma jieħdux triq twila. ‘Hidden Figures’ hu wkoll mimli b'sekwenzi ġentili ta' xeni familjari, bit-tliet karattri protagonisti tassew brillanti u ta' sapport kontinwu għal xulxin tant li ma' kull ostaklu li jitfaċċa għalihom, b'kalma kbira jissuperawh u b'hekk verament jikbru fid-dinjità tagħhom. Dawn it-tliet ‘kompjuters umani’ għenu bil-kbir biex pajjiżhom avvanza ’l quddiem fil-vjaġġi spazjali. Produzzjoni ta' kalibru għoli.

 

John Wick: Chapter 2

Atturi Ewlenin: Keanu Reeves; Ian McShane; Ruby Rose; John Leguizamo; Riccardo Scarmarcio; Laurence Fishburne; Common

Direttur: Chad Stahelski

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 122 min | Ċert: 15

Keanu Reeves qed jerġa' jirritorna f'‘John Wick: Chapter 2’ fejn se jsib ruħu f'aktar intriċċi, ġlidiet, sparar u taħbit bil-karozzi. Mal-bidu eżatt, dan il-film jisplodi f'ġiri sfrenat wara xulxin bil-karozzi, taħbit, tkissir u sparaturi bl-addoċċ. Dan l-andament splussiv se jkompli kważi tul il-film kollu, fejn John Wick [Reeves], qisu magna li telimina mingħajr nifs, waħdu se jeħodha mal-gangsters u l-Mafja Russa, mal-Camorra f'Ruma fejn wieħed żgur se jsibha diffiċli jgħodd il-vittmi tiegħu u jkompli bl-istess stragi fi New York. Il-ħsieb ewlieni ta' John kien li jirtira mix-xogħol tiegħu ta' qattiel imħallas u jgħix ħajja kwieta. Gangster Taljan, Santino D'Antonio [Scarmarcio], iħabbat il-bieb tiegħu, jurih medalja tad-deheb li tfisser li hu għandu xi dejn minn ta' qabel x'jiskonta. It-taħwid li John jidħol għalih żgur li ma jitwemminx meta qisu armata ta' wieħed waħdu se jiknes it-triqat, il-katakombi u lukanda lussuża f'Ruma b'furja ndimonjata. ‘John Wick: Chapter 2" jiżvolġi qisu xi logħba vidjo fejn l-eroj irid jilħaq livelli għola. L-istragi palpabbli li tinħoloq, bil-protagonist juża kull mezz ta' kumbattiment, bħall-arti marzjali u anki lapes bħala arma mortali, jirriduċi dan ix-xogħol f'banalità assoluta. Mill-banda l-oħra, il-fotografija hija tassew skwiżita u attraenti għall-għajnejn, b'sets imponenti fi kmamar kollha ħġieġ ikkulurit li jagħtu effett psikadeliku. Għal min iħobb azzjoni, azzjoni u aktar azzjoni!