'Qatt ma kien hemm xi ħadd li kien qed jippressiedi u kellu tarbija waqt il-presidenza' - Neil Kerr

“Il-presidenza kien xogħol ta’ 4 snin u mhux ta’ sitt xhur…issa nistennew li jasal Lulju u Awwissu ħa ngawdu l-familja”

 

John Busuttil minn Brussell / 27 ta' Frar 2017 08:44
Neil hu minn San Ġwann. Miżżewweġ lil Lysanne, Olandiża li kien iltaqa magħha fl-Universita ta’ Malta, “ħafna snin ilu, fl-2003” qal bi tbissima Neil. Dak iż-żmien kienu qed isegwu l-istess kors Universitarju  ta’ International relations u diplomatic studies u ggradwaw it-tnejn li huma. Iżda l-mara tiegħu għażlet li ssegwi lilu fi Brussell u tieħu ħsieb lill-uliedhom u ċċedi l-karriera tagħha, “iżda b’għażla tagħha” dment weġibni Neil. Missier Thomas ta’ 6 snin, Benjamin ta’ 4 snin u ġimgħatejn ilu twelidtlu Juliet fi Brussell. “Apparentement l-ewwel darba li qatt ġrat fil-kumitat li nippresedi fuqu jien. Qatt ma kien hemm xi ħadd li kien qed jippreseiedi u kellu tarbija waqt il-presidenza qaluli hawn. Inzertat twieldet f’ġimgħa impenjattiva fejn ġurnata qabel iffirmajna l-ftehim dwar ir-roaming u t-tifla twieldet eżatt ġurnata wara.”

Ritratt: Ray Attard
Kerr kien diġa jaħdem Dar Malta qabel il-presidenza, eżatt fl-2006 fejn kien responsabbli fir-riċerka, żgħażagħ u dam hemm erba snin sas-Sajf tal-2010. “Imbagħad erġajt sibt ruħi Brussell f’Ottubru tal-2013 f’kariga differenti.” Fil-fatt illum Neil Kerr hu ambaxxatur u deputat rappreżentant permanenti. Għal min ma jafx fil-Belġju jaħdmu minn Dar Malta hemm erba’ li jissejħu ambaxxaturi; Ray Azzopardi bħala l-ambaxxatur bilaterali, Marlene Bonnici bħala ambaxxatriċi u responsabbli mill-kumitat tar-rappreżentanza permanenti fil-Coriper 2, Alan Bugeja bħala l-ambaxxatur responsabbli mill-kumitat tas-sigurta politika u l-istess Kerr li għandu f’idejh il-Coriper 1.

Coriper tfisser li l-kunsill jiltaqa f’għaxar formazzjonijiet differenti, ekonomija, ġustizzja, ekonomija eċċ eċċ. “Erba’ minnhom ix-xogħol tagħhom hu kordinat minn Coriper 2 li jaqa taħt Marlene Bonnici u s-sitta l-oħra hu koordinat minni. Il-kunsill għandu tliet livelli, il-kumitat tekniku, dak ministerjali u bejniethom dak tal-ambaxxaturi li jinseġ it-tekniku mal-politiku.

Malli ltqajt ma’ Neil Kerr sibt persuna li anke jekk bħala eta ta’ 39 sena  għadu kemmxejn żagħżugħ sibt persuna fabbli iżda determinata u manager mill-aqwa, anke skont ħaddiema li tkellimt magħhom. Għandu stil ta’ tmexxija moderna u l-bogħod ħafna mill-istil li jitmexxa ċ-ċivil f’Malta. U persuna hekk biss kien hemm bżonn biex għexieren ta’ ħaddiema li ġew minn Malta biex jaħdmu għal presidenza setgħu ġew motivati biex jaħdmu bla waqfien. U dwar dan il-fattur uman l-aktar li bbażajt l-intervista tiegħi ma’ Neil Kerr.

“Is-suċċess fil-presidenza nqabblu ma’ piramida. Il-piramida kollha importanti. Il-piramida bla fuq nett ma tibqax piramida. HU stat ta’ fatt li meta sar studju u kien qed jiġi trattat ta’ Lisbona int għandek tliet livelli tal-kunsill. Livell ta’ working party, livell ta’ coriper u livell tal-kunsill ministerjali. 85% mid-deċiżjonijiet jiġu maqbula fuq livell tekniku, dak tal-working parties, 10% fuq livell ta’ coriper u 5% fuq il-livell ministerjali. Is-sistema li għandna tiżgura u taċċerta li l-politiku anke jekk ix-xogħol ikun sar qabel tittieħed deċiżjoni finali, niżguraw li nfasslu l-programm tal-presidenza li huma jkunu komdi bih” Hekk spjegali x-xogħol enormi li sar u għadu qed isir għal presidenza minn Dar Malta fi Brussell, Neil Kerr.

Erba snin ilu taħt it-tmexxija tiegħu kien hemm biss madwar 20 persuna, illum dawn ittriplaw. “Kont naf x’irrid nagħmel mill-bidu. Kont naf li rrid nibdel is-sistema li kienet ilha ggerjata mill-2004 għal waħda ‘l barra mill-‘comfort zone’ ta’ ħafna milli kienu diġa jaħdmu hawn. Il-Bersall tiegħi kien l-presidenza. Ikolli nammetti li għall-bidu sibt ruħi naħdem kontra l-kurrent b’diversi ħaddiema bdew iħossu li qed nheddulhom it-trankwilita ta’ xogħlhom. Jien mill-ewwel għidt lil ħaddiema li xogħlna se jkun qisna qegħdin f’karrozza fejn il-ministri jagħtuk id-direzzjoni politika, jien min-naħa tiegħi nkun nista niggwidahom liema toroq jistgħu jieħdu, iżda huma biss se jkunu fil-karrozza, flimkien mat-teams tagħhom. Huma jridu jagħmlu l-mili. Ikun min ikun ix-xufier u min huma l-apssiġġieri huma flimkien iridu jwasslu l-karrozza sad-destinazzjoni li tahom il-ministru konċernat.  U dan wassal biex il-ħaddiema fehmu u l-isforzi tagħna kollha ssarfu f’riżultati.”

Tkellem ukoll dwar dawk il-ħaddiema ġodda li telgħu Brussell għal żmien il-presidenza biss, “Kull wiħed u waħda minnhom tellajthom fl-uffiċju tiegħi u għidtilhom is-sigriet tas-suċċess tagħna lkoll. Ridna nibnu fuq il-fiduċja u r-rispett. Il-fiduċja bdewha mil-100 li ġabu magħhom ladarba ġew hawn u jrisu jagħmlu l-almu tagħhom biex iżommuha sal-aħħar. Bħala rispett lejn xulxin bdejna b’zero għax ma nafux lil xulxin iżda flimkien irridu nitilgħu sa fuq.”

Neil Kerr qal li il-ħaddiema li telgħu fi Brussell kienu ġejjin minn diversi oqsma tax-xogħol f’Malta u kien fatt li ħadd minnhom ma kellu esperjenza tax-xogħol tal-presidenza, bħalma fil-fatt lanqas hu ma kellu għax din kienet l-ewwel presidenza. “Il-fatt li kien hemm nies li ma kellhomx esperjenza dawwarniha f’opportunita fejn dawk li ġew daħlu hawn with a ‘clean slate’ u ġagħlnihom jadattaw il-mentalita li konna bnejna diġa hawnhekk. LI hawn riedu jibnu ‘dar’ ġdida mingħajr ma kellhom għalfejn iħottu dak li kellhom. U issa qegħdin f’pożizzjoni fejn anke dawk li bdew ftit tax-xhur ilu qed iħossu diġa li huma parti mit-team għax jien dejjem iffukajt fuq ‘team work’. Nirbħu flimkien u nitilfu flimkien. Dak il-motto tiegħi.”

Neil Kerr qal li Dar Malta anke jekk tagħmel parti miċ-ċivil, ma joperax bħal ma jopera ċ-ċivil f’Malta. “Il-fatt li aħna qegħdin kontinwament nikkordinaw ma nies minn pajjiżi oħra, irridu nimxu fuq l-istess linja. Tkun ħasra jekk ir-residenza permanenti tiġi ridotta għal dipartiment ieħor taċ-ċivil. Jien hawn irrid niżgura li kulmin ġie hawn għal dawn ix-xhur tal-presidenza jrid jaħdem fuq il-linji t’hawn. Kont naf li kien hemm bżonn għal presidenza u ġala darba ġejt fdat biex inwettaq din il-kariga, dan hu l-uniku stil li rrid mmexxi bih. Il-bqija kont inkun l-ewwel wieħed li nagħmel wisa għal ħaddieħor.”

Hu fattur reali li dawk il-ħaddiema li ttellgħu Brussell għal sitt xhur wara li tgħaddi l-presidenza dawn xogħlhom se jispiċċa minn hemm, “se jispiċċaw fiżikament” qalli Neil. “is-suċċess tagħhom se jibqa jissemma. Hawn għamilna ħajt fejn meta jingħalaq file importanti, intellgħu lil dawk li jkunu ħadmu fuqu, nieħdu drink u jiffirmaw karta li jkun hemm miktub is-suċċess tagħhom u titwaħħal mal-ħajt. Issa dan il-ħajt sal-aħħar tal-presidenza irid mhux jimtela iżda l-amra kollha trid tkun mimlija u se nsejħulha the ‘hall of fame’. Kollha jafu li dak is-suċċess mhu ta’ ħadd ħlief tagħhom. Kulħadd jaf li jekk se jkunu jsarffu dak ix-xogħol tajjeb li għamlu f’isem il-presidenza, jien se nkun l-ewwel wieħed li se nimbuttahom lejn toroq oħra li jkunu jistgħu jsarrfu dak li għamlu f’xi ħaġa ta’ suċċess kif fil-fatt jistħoqqilhom.”

Neil Kerr qal li l-ħaddiema hawn iħossu ċerta ‘kburija’ għax qed ixejru l-bandiera Maltija għal ħidma tagħhom. “Jiena nħossni player coach li ninżel nilgħab magħhom u flimkien nissabbtu u flimkien nilħqu l-quċċata. L-aktar iebes kien qabel bdiet il-presidenza fejn tħoss pressjoni u anke tensjoni. Iżda ladarba f’Jannar kellna l-ewwel laqgħat żammejna l-istil li konna bnejna u f’dan il-kuntest li dan hu l-kumitat tan-nies għan-nies.”

Mistoqsi x’tista tieħu Malta fil-presidenza Kerr qal, “qisu għandek persuna għomru f’wheelchair u f’daqqa waħda nduna li jista jimxi. L-esperjenza urietni li aħna konna kapaċi ħafna iżjed milli ħsibna. Il-kuntatti li se nkunu bnejna f’dan iż-żmien tal-presidenza, ir-reputazzjoni li qed inġibu bħala nies serji u onesti rridu nkomplu nsarrfu dan kollu f’ġid għal għada pitgħada. Iżda l-aktar ħaġa importanti u li rridu nirikonoxxu li għandek pjanta li qed tikber mertu għal vitamini li ħadet f’dawn is-sitt xhur u issa l-aktar ħaġa importanti hu li minnha noħorġu diversi qsari.”

Neil Kerr qal li llum hu m’għadux jgħix minn ġurnata għal oħra iżda minn laqgħa għal oħra, “iżda konna nafu għalxhiex deħlin u hawn m’hawnx ħin x’ħin tibda u tispiċċa.” Temma l-intervista billi rringrazzja lil martu li ssagrifikat karriera għalih, “li kieku ma kinitx hi ma kienx ikolli s-serħan tal-moħħ biex naħdem u ngħix hawn il-Belġju.”

Neil Kerr qal ukoll li hu jinsab kburi li l-barranin li ltaqa magħhom dejjem raw lil malta mhux bħala gżira ċkejkna iżda bħala pajjiż mimli storja u kultura u li għandu ħafna x’joffri. “Aħna l-Maltin qatt ma ħarisna lejnha nfusna bħala l-pajjiż bl-inqas numru ta’ voti. Għax aħna player ieħor fuq il-mejda u rridu nkomplu naħdmu ħalli leħinnha jkompli jasal anke jekk mhux faċli daqs ta’ ħaddieħor.”

“Nemmen li fi tmiem il-presidenza se ngħidu, ‘Għamilniha’ u għamilniha kollha flimkien, nonostante kollox u l-isfidi li kien hemm. Dan kien proġett ta’ 4 snin u mhux sitt xhur u nistenew li jasal Lulju u Awwissu ħalli nkunu nistgħu nerġgħu nibdew ingawdu l-familja. Is-suċċess aħħari għalija jkun li jibqgħu jiftakruna mhux għan-numru ta’ qbil li se jkun hemm iżda għal mod kif inġibuh.”