Washington DC

Esperjenzi mill-kapitali tal-Istati Uniti... waqt żjara ta' ftit ġranet minn Immanuel Mifsud

Immanuel Mifsud / 25 ta' Frar 2017 18:33
Alam Monjur huwa xufier mal-kumpanija Washington Flyer Taxi. Pakistani. Telaq minn art twelidu lejn l-Amerka biex iwettaq il-ħolma l-kbira wieħed u għoxrin sena ilu. Naqtgħu li għandu qrib is-sittin jew kemm kemm qabiżhom. Kif ngħidu aħna, Alam iħobb jagħfsilha. Wara tmien sigħat fl-ajru u erba’ oħra magħluq ġol-ajruplan sakemm tnaddfet il-borra minn fuq il-ġwienaħ u l-mitjar, il-veloċità li kien għaddej biha għoddha tellgħetli kollox.

Bħal kull xufier tat-taxi ieħor, wara li tajtu l-indirizz fejn ridt immur, staqsieni mnejn jien. Ovvjament ma fehemx u ħasibni ġej mill-Paċifiku. Bħal meta n-nies tal-irħula kienu jistaqsu minn ta’ min int, Alam Monjur staqsieni liema huma l-ġirien u meta għidtlu qatagħha li miniex mill-Paċifiku imma Afrikan. Għidtlu li jien bejn wieħed u ieħor Afrikan u nissejjaħ Ewropew u qabad jidħaq. Imbagħad staqsieni kemm-il miljun jgħixu fuq din Malta u meta għidtlu kważi nofs wieħed reġa’ daħaq. Konna qed insuqu bumper to bumper dak il-ħin u kien pront esklama li kien ikun aħjar għalih isuq f’pajjiż ta’ nofs miljun għax ma jkunx hemm konġestjoni tat-traffiku fit-triqat. Ovvjament ilbitt.

Alam Monjur għandu perċezzjoni ta’ art b’nofs miljun ruħ. Ma taqbilx mal-esperjenza tiegħi imma persważ li meta nżilt mit-taxi abjad karti bl-istonku qisu Tas-Sliema fil-grigal kien għadu jemmen fiha. Ħadli b’idi speċjalment meta ra t-tipp li tajtu, qalli li kont l-ewwel Malti li qatt rikkeb u li kien se jmur jiggoogleja (jiggugilja?) ’l art twelidi.

Alam Monjur ma jafx li qed nikteb fuqu.

 

2.

Politics and Prose huwa ħanut tal-kotba l-ġmiel tiegħu fit-tarf ta’ Connecticut Avenue. Jien u ndur mal-ixkafef mimlija sa ruħ ommhom qgħadt nissemma lill-kittieb Ian Rankin li kien qiegħed jagħmel preżentazzjoni. Il-post kien ippakkjat u Rankin kien qiegħed jitkellem fuq l-esperjenza tiegħu bħala rumanzier – liema diffikultajiet jiltaqa’ magħhom huwa u jaħdem, kemm jaħdem u kemm ma jaħdimx u x’naf jien – kurżitajiet li ħafna qarrejja jkollhom dwar il-kittieba favoriti tagħhom. Imma l-aktar kummenti li spikkaw – u ma kinux wieħed jew tnejn – kienu r-rimarki anti-Trump. Trump sar suġġett tassew interessanti. Mhuwiex daqstant il-president tal-Istati Uniti daqskemm l-oġġett ta’ sarkażmu joqros ħafna. L-armaturi tal-ħwienet tal-kotba mimlijin kotba li diġà, wara biss erbat ijiem, qegħdin janalizzaw il-presidenza l-ġdida. Ma nafx qatt kienx hawn mexxej ta’ stat li kellu tant oppożizzjoni hekk malajr mal-bidu tat-tmexxija tiegħu. Dan biex ma nsemmux ruxxmata kartolini, ġugarelli adulti, posters b’karikaturi u remiżolji oħrajn li qegħdin iwasslu s-sentiment ta’ diżgust li ħafna u ħafna Amerikani għandhom bit-tmexxija l-ġdida.

Sadattant, iżda, wieħed ma jridx jinsa li dan Trump sar president għax ittella’ mill-poplu. Jiġri, ħafna drabi, li nieħdu impressjoni mgħoddija lilna minn sorsi li jogħġbu lilna u nagħmlu l-iżball naħsbu li dik hija l-verità kollha kemm hi u sagrosanta: il-verità unika. Imma, kif nistgħu nobsru, il-verità unika ma teżistix.

Inċidentalment, Rankin tefa’ xi żewġ botti dwar Brexit ukoll u anki dawn nisslu tbissima, jew ftit aktar minn tbissima, fost il-membri tal-udjenza li persważ, għal-lanqas fil-maġġoranza tagħha, kienet Amerikana. Donnu li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea u l-elezzjoni ta’ Trump fil-presidenza Amerikana qegħdin jiġu akkoppjati. Forsi għax l-ambjent li niffrekwenta jien, speċjalment dak virtwali, għadu ma jistax jaċċetta li l-poplu, anzi żewġ popli, iddeċidew b’mod ‘mhux mistenni’. Jew inkella, wisq aktar probabbli, li dawn iż-żewġ fenomeni politiċi ta’ dan l-aħħar qegħdin jawguraw bidu ġdid, mewġa politika (fl-ambjent li niffrekwenta jien) qiegħda tnissel ħafna biża’. Ngħidu aħna Franza u s-Sinjura Le Pen?

 

3.

Kelli l-opportunità nitkellem ma’ diversi Amerikani matul dawn il-ftit jiem f’Washington.

Tassew laqatni l-użu ta’ espressjoni li ħafna minnhom bdew jużaw fid-diskors tagħhom: “now that…” L-istess kif issib li l-attakki tal-11 ta’ Settembru 2001 jimmarkaw kantuniera partikolari fit-triq tal-istorja, tant li tintuża d-demarkazzjoni “post 9/11”, it-tlugħ ta’ Trump bħala president qiegħed jittieħed bħala punt storiku ta’ importanza kbira; mument li se (anzi diġà qiegħed) jimmarka devjazzjoni fil-mixja storika. Donnu li dawn l-Amerikani huma persważi li l-presidenza Trump tant se ġġib taqlib u taħwid li hemm l-Amerka ta’ qabel u l-Amerka ta’ wara Trump. L-espressjoni “now that…” ma laqtitnix daqstant għaż-żewġ kelmiet tagħha daqskemm għall-ellissi, għall-qtugħ ħesrem fl-espressjoni. F’dawk il-puntini, f’dik il-waqfa, hemm ħafna messaġġi midfunin, li mhumiex jintqalu imma qegħdin jiġu espressi xorta waħda.

Tassew dak li jgħidu: is-skiet, xi kultant, jgħid aktar mill-kliem.

 

4.

Kien mument kommoventi ħafna għalija nsib ruħi fuq dak it-taraġ mnejn Martin Luther King, erbgħa u ħamsin sena ilu, ħabbar lill-folol kbar ta’ quddiemu, li kellu ħolma. Diffiċli tkun fuq dak it-taraġ u ma terġax tara x-xbihat bojod u suwed ta’ Luther King iqawwi qalb ir-razza tiegħu u jħeġġiġha timxi ’l quddiem b’rasha mgħollija. Kien mument kommoventi tassew, l-aktar għall-fatt li kont akkumpanjat minn persuna sewda li spjegatli li wara dak id-diskors mitiku, saħansitra wara presidenza doppja ta’ politiku iswed, ir-razza tagħha, imqar sottilment, għadha titqies inferjuri, aljena, jekk mhux ukoll skomda.

U iktar u iktar “now that…”

Immanuel Mifsud twieled f'Malta fl-1967. Beda jikteb il-poeżija u l-proża meta kellu 16-il sena u beda jaħdem ukoll ma' gruppi teatrali esperimentali. Kien jidderieġi x-xogħlijiet tiegħu stess u iktar tard xogħlijiet ta' Chekhov, Dario Fo, Max Frisch, Federico Garcia Lorca, David Mamet, Harold Pinter u Alfred Buttigieg. Diversi xogħlijiet ta' Immanuel Mifsud kienu tradotti u ppubblikati f'ħafna pajjiżi Ewropej u fl-Istati Uniti. Il-proża ta' Mifsud mill-ewwel ġibdet l-attenzjoni tal-kritiċi Maltin u rebaħ l-unur Maltese Generation-X writer. Il-ġabra ta' stejjer qosra fl-2005 'Kimika' qajmu kontroversja u ntqal li kienu 'letteratura pornografika' u l-pubblikatur oriġinali waqqaf l-istampar ta' dan ix-xogħol. Iżda mbagħad dil-ġabra ġiet ippubblikata iktar tard f'dar tal-pubblikazzjoni oħra. Ironikament 'Kimika' spiċċa fit-tieni post fl-Unuri tal-Ktieb Nazzjonali tal-2005. Immanuel Mifsud jikteb ukoll għat-tfal, u ppubblika ġabra ta' stejjer qosra għat-tfal u ktieb bit-taħniniet. Fl-2002, il-ġabra ta' stejjer qosra L-Istejjer Strambi ta' Sara Sue Sammut rebaħ il-Premju tal-Ktieb Nazzjonali u fl-2011 Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben) rebaħ il-Premju Letterarju tal-Unjoni Ewropea.