Iktar libertà tal-espressjoni f'pajjizna

Liġi ġdida se tkabbar il-libertà tal-espressjoni ġurnalistika f'pajjiżna kif ukoll tipproteġi d-dritt tal-persuna li jissalvagwardja r-reputazzjoni tiegħu

Ministru Owen Bonnici / 24 ta' Frar 2017 16:20
Dan il-Gvern qiegħed iwettaq bidliet importanti f'pajjiżna fis-setturi kollha, mhux l-inqas fis-settur kruċjali tal-libertà tal-espressjoni.

Minn fejn tlaqna? Tlaqna minn sitwazzjoni fejn artisti kienu jitressqu l-Qorti akkużati b'liġijiet skaduti u antiki, plays li kienu jiġu ċċensurati u l-Gvern jitlef kawża wara l-oħra quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fejn jidħlu l-ġurnalisti u l-libertà tal-istampa.

Għidna mill-bidu nett li rridu nirriformaw għall-aħjar il-liġijiet tal-libertà tal-espressjoni. Din il-kelma se nkunu żammejnieha.

Bdejna b'liġi li neħħiet ix-xkiel fuq il-libertà tal-espressjoni tal-artisti. L-artisti llum igawdu minn libertà tal-espressjoni bla preċedent b'liġijiet li jtuhom l-opportunità li jmexxu 'l quddiem il-messaġġ tagħhom f'livelli bla preċedent. Fl-istess waqt rajna li ma tinqabisx il-linja l-ħamra, ċoè ta' dak li jikkostitwixxi, mhux espressjoni artistika, imma hate speech kontra sezzjonijiet tal-poplu jew attakki inġusti kontra nies vulnerabbli fis-soċjetà tagħna, bħalma huma l-persuni b'diżabbiltà jew inkella t-tfal.

"Il-karatteristika ewlenija tal-Oppożizzjoni kienet negattiviżmu mill-aktar assolut f'attentat iddisprat li tkompli tmexxi 'l quddiem in-narrattiva li pajjiżna jgħix fi stat ta' dittatura mill-iktar kattiva"
Għalhekk ħloqna bilanċ bejn iktar libertà tal-espressjoni artistika u protezzjoni li tagħmel sens fid-dinja tal-lum tal-għeruq l-iktar kruċjali tas-soċjetà tagħna.

Din ir-riforma ma kinitx faċli. Kien hemm min qabel magħna u feraħ magħna meta għaddejna l-liġijiet. Kien hemm ukoll min ġenwinament ma fehemx dak li konna qed ngħidu u baqa' ftit xettiku sal-aħħar. Illum nemmen li s-soċjetà laqgħet l-iżviluppi fil-libertà tal-espressjoni u qed tħares lejhom pożittivament.

 

Is-settur ġurnalistiku

Is-settur ġurnalistiku joffri iktar sfidi għaliex il-bilanċ bejn min-naħa waħda l-libertà tal-espressjoni u min-naħa l-oħra d-dritt tal-individwu li jipproteġi r-reputazzjoni tiegħu hu iktar diffiċli li jintlaħaq.

Il-Qrati Ewropej tad-Drittijiet tal-Bniedem, li bla dubju ta' xejn huma d-dawl f'dak kollu li nagħmlu, jitkellmu dwar il-libertà li ġurnalist għandu jgawdi biex iwettaq dmiru bl-aħjar manjiera. Fl-istess waqt, il-Qrati jitkellmu wkoll dwar l-obbligi tal-ġurnalist li mhumiex żgħar, sabiex wieħed jaċċerta ruħu li l-ħidma ssir b'mod tajjeb.

Għalhekk kull liġi li tmiss mal-libertà tal-espressjoni ġurnalista hija liġi li tqanqal dibattitu. 

 

Liġi ġdida

Il-ġimgħa li għaddiet nedejna l-proposta ta' liġi ġdida dwar il-media. Il-liġi tal-lum hija liġi tal-1975 li ġiet emendata l-aħħar fl-1996, iktar minn għoxrin sena ilu. Fl-aħħar għoxrin sena żviluppa l-internet, żviluppa l-mod ta' kif il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem taqta' s-sentenzi tagħha, inbidel il-mod ta' kif persuna tirċievi l-informazzjoni, inħolqu sistemi ġodda ta' tixrid ta' informazzjoni u żviluppat is-soċjetà tagħna kollha kemm hi.

Din il-proposta ta' liġi għandha l-għan li toħloq il-bilanċ li semmejt qabel. Minn banda waħda tkabbar il-libertà tal-espressjoni ġurnalistika f'pajjiżna u mill-banda l-oħra tipproteġi d-dritt tal-persuna li jissalvagwardja r-reputazzjoni tiegħu.

 

Bidliet ewlenin

L-iktar bidliet prinċipali huma dawn li ġejjin.

L-ewwel nett, qed jiġi propost li jitneħħa darba għal dejjem il-libell kriminali. L-Oppożizzjoni qalet li se tneħħi l-libell kriminali, però fl-ewwel opportunità li kellha, insiet tneħħi l-libell kriminali. Dan ifisser li minn mindu tidħol fis-seħħ il-liġi 'l quddiem, ħadd ma jista' jagħmel kawża ta' libell kriminali kontra ġurnalist. Il-libelli kriminali pendenti (li minnhom fadal 9 biss), se jibqgħu jinstemgħu iżda l-proposta tal-liġi tgħid li l-Maġistrat ma jistax jimponi piena ta' ħabs fihom. 

It-tieni nett, se nneħħu l-possibbiltà li xi ħadd jagħmel mandati kawtelatorji kontra l-persuna l-oħra f'kawżi ta' libell ċivili. L-Oppożizzjoni, f'mozzjoni ta' 60 kelma, proponiet li tneħħi biss mandati kontra kontijiet il-bank. Aħna pproponejna li nneħħu mhux biss il-mandati kontra l-kontijiet il-bank, iżda mandati kontra oġġetti (bħal karozzi u għamara) u mandati kontra ażjendi.

It-tielet nett, se nwessgħu d-difiżi favur il-ġurnalist meta dan jirċievi kawża ta' libell. Rajna x'qalet il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u adattajna l-liġi tagħna.  Per eżempju, żviluppajna l-kunċett ta' opinjoni onesta li hija mibnija u żvilupp fuq dak li sal-lum jissejjaħ fair comment.

Ma' din, daħħalna r-raba' bidla, ċoè sistemi ġodda ta' medjazzjoni li jgħinu lill-partijiet jaslu fi ftehim kemm jista' jkun. Daħħalna wkoll inċentivi biex wieħed jasal iktar għal ftehim.  Nemmen li din hi ħaġa pożittiva mmens.

Se nżidu l-ammonti li l-Qorti tista' tagħti f'danni ċivili. Fl-1975 meta bdiet il-liġi tal-Istampa, l-ammont massimu stabbilit ta' danni li setgħu jingħataw kien ta' Lm2,000. Imbagħad fl-1996, din telgħet għal Lm5,000 u f'20 sena sħaħ ma żdiedet qatt. Issa qed ngħidu li dan l-ammont għandu jiżdied għal €20,000. Kien hemm min rah baxx wisq u kien hemm min rah għoli wisq.  Nemmen li dan l-ammont joħloq bilanċ tajjeb.

Se ndaħħlu l-possibbiltà li persuna tiftaħ kawża ċivili ta' slander, ċoè meta wieħed jiġi insulentat bid-diskors. F'dak il-każ, l-ammont ta' danni li jista' jingħata se jkun ta' massimu ta' €10,000.

Se ndaħħlu wkoll il-possibbiltà li persuna tagħmel kawża ta' libell ċivili għaliex ġiet insulentata l-memorja ta' missieru jew ommu. Ħloqna distinzjoni bejn persuni li ilhom neqsin inqas minn għaxar snin u persuni li ilhom neqsin iktar minn għaxar snin sabiex noħolqu bilanċ f'dan kollu.

Ħadt gost naqra kummenti favorevoli minn diversi ġurnalisti li wħud minnhom anke kitbuli u ċempluli personalment u anke l-pożizzjoni pożittiva ħafna tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin.

 

Oppożizzjoni negattiva

Meta ppubblikajna dan l-abbozz ta' liġi, l-Oppożizzjoni kienet, għal darb'oħra, negattiva. L-ewwel tkellem Beppe Fenech Adami, imbagħad il-Kap tal-Oppożizzjoni, imbagħad Mario de Marco assistiti b'xi deputati oħrajn kemm lokali u kemm Ewropej.

Il-karatteristika ewlenija tal-Oppożizzjoni kienet waħda: negattiviżmu mill-aktar assolut u iswed f'attentat iddisprat li tkompli tmexxi 'l quddiem in-narrattiva li pajjiżna jgħix fi stat ta' dittatura mill-iktar kattiva.

F'din il-kritika kollha, tqajjem punt li però tajjeb li jiġi spjegat. Dak tar-reġistrazzjoni tal-isem tal-editur tas-servizzi tal-aħbarijiet oħrajn.

Pajjiżna għandu uffiċċju, li ġie mwaqqaf bil-liġi tal-1975, fejn fih jitnizzlu l-ismijiet tal-edituri kollha tal-ġurnali u l-istazzjonijiet tat-TV u radju. L-idea hi li ċ-ċittadin ikollu d-dritt li jkun jaf min huma l-edituri tal-mezzi tax-xandir ta' pajjiżna bħala sinjal ta' trasparenza. Matul is-snin twieldu s-servizzi tal-aħbarijiet online u aħna qed ngħidu li dak li japplika għall-edituri tal-ġurnali u l-istazzjonijiet tat-TV u radju japplika wkoll għall-edituri tas-servizzi tal-aħbarijiet jew ġrajjiet kurrenti online. Fl-istess waqt, jinqata' wkoll id-dwejjaq li kultant iridu jgħaddu minnu ġurnalisti online meta - nismagħhom jilmentaw – li kultant ma jiħdux l–istess servizzi bħalma jieħdu l-ġurnalisti ta' mezzi tradizzjonali.

Mhu assolutament minnu xejn dak li qed jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni li aħna rridu nitfgħu mażra fuq l-internet. Kull mhu qed jiġi propost hu li bl-istess mod li l-edituri tas-servizzi tal-aħbarijiet tal-ġurnali, TV u radio jirreġistraw isimhom u ilhom jagħmlu hekk snin kbar, hekk ukoll jirreġistraw isimhom l-edituri tas-servizzi tal-aħbarijiet jew ġrajjiet kurrenti online. L-editur ta' NET TV u Radio 101 ilu għexieren ta' snin jirreġistra ismu u sa fejn naf jien qatt ma smajtu jgħid li l-Gvern qed jindaħallu xi jġib jew ma jġibx fuq it-TV jew Radio. Din hi sempliċi reġistrazzjoni ta' isem, mhux ħruġ ta' liċenzja jew permess.

Lanqas hu minnu li l-liġi kif proposta tħalli l-kelma ‘website’ miftuħa beraħ. Fil-liġi proposta jingħad hekk: ‘sit elettroniku’ tfisser kwalunkwe servizz tal-aħbarijiet fuq l-internet jew kwalunkwe servizz ieħor relatat mal-aħbarijiet jew ġrajjiet kurrenti fuq l-internet li jopera minn Malta jew li fir-rigward tiegħu jittieħdu deċiżjonijiet editorjali f’Malta. Għalhekk mhux vera li l-Gvern irid li tiġi reġistrata kull website, mhux vera li l-Gvern irid li kull min joqgħod jikkummenta biex jgħaddi l-ħin ikollu ismu reġistrat u mhux vera lanqas li l-Gvern irid li jiġu reġistrati l-paġni ta’ Facebook!

Kull ma qed nipproponu hu li l-edituri tas-servizzi ta' aħbarijiet jew ġrajjiet kurrenti online jirreġistraw isimhom bħalma ilhom is-snin jirreġistraw isimhom l-edituri l-oħra kollha.

Fuq dan il-punt, u anke l-punti l-oħra fil-liġi, aħna lesti li nilqgħu kwalunkwe suġġerimenti u kummenti u qed inħarsu lejn il-proċess b'mod miftuħ biex insaħħu u ntejbu dejjem iktar il-proposta legiżlattiva.