Films ġodda fiċ-ċinema din il-ġimgħa

Films ġodda li ħerġin fis-swali taċ-ċinema din il-ġimgħa

Carmel Bonnici / 20 ta' Frar 2017 12:44
The Great Wall

Atturi Ewlenin: Matt Damon; Pedro Pascal; Willem Dafoe; Jing Tian; Andy Lau

Direttur: Zhang Yimou

Maħruġ minn KRS Releasing | Ħin: 102 min | Ċert: 12A

F'nofs is-snin tmenin, tim ta' diretturi żgħażagħ Ċiniżi, li ngħataw l-isem tal-Ħames Ġenerazzjoni, poġġew lin-nazzjon tagħhom fi sfera luminanti f'dak li jirrigwardja xogħlijiet ċinematografiċi. Il-produzzjonijiet tagħhom bdew jirbħu ħafna unuri ġo diversi festivals fil-Punent. Minn dan iċ-ċirku ta' ġenji, wara bdew ħerġin proġetti spettakolari u epiċi, xi drabi anki b'ko-produzzjoni ma' Hollywood.  Wieħed minn ta' quddiem nett minn dan il-grupp hu Zhang Yimou, arkitett meraviljuż ta' films ta' natura diversa bħal; ‘Jou-Du’, ‘Raise The Red Lantern’, ‘Hero’, ‘House Of Flying Daggers’, u oħrajn. Il-film ġdid epiku, fantastiku u spettakolari tiegħu hu ‘The Great Wall’. Il-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina hu wieħed mill-għeġubijiet tad-Dinja Antika u dwaru tnisslu ħafna leggendi. F'waħda minn dawn insibu li din l-istruttura formidabbli inbniet biex iżżomm barra forza qawwija sopranaturali li kapaċi teqred l-umanità minn wiċċ l-art. William Garin [Damon], merċenarju qalil u arċier gwapp li qed ifittex is-sigriet tat-trab tal-porvli, flimkien ma' sieħbu Pero Tovar [Pascal], suldat Spanjol espert fil-ġlied bix-xabla, jinqabdu priġunieri minn armata sigrieta ta' gwerrieri supremi. F'post iżolat fil-muntanji magħruf bħala Fortress City, imdawwar b'ħajt għoli u sod, dawn qed ilestu biex jiġġieldu ma' qawwa superjuri biex jipproteġu lill-bnedmin. Garin u sieħbu flimkien ma' Ballard [Dafoe], li ilu priġunier f'dan il-kwartier, jippjanaw kif se jaħarbu u magħhom jieħdu arma tassew perikoluża. Fil-proċess, kontra dak previst, Gavin jispikka u jiddistingwi ruħu bħala eroj f'battalja ħarxa u qalila, meta l-eżistenza ta' kulħadd tkun minaċċjata. ‘The Great Wall’ hu film ta' xeħta kolossali, epiku bit-timbru ta' Zhang Yimou tant evidenti. Il-bidu jieħu sura ta' Western fl-istil ta' John Ford u Sam Peckinpah, kif ukoll fl-avventuri ta' Genghis Khan biex ikompli jimita lil ‘Lord Of The Rings’ u ‘Jurassic Park’.

 

Rings

Atturi Ewlenin: Matilda Lutz; Alex Roe; Johnny Galecki; Aimee Teagarden; Vincent d'Onofrio; Bonnie Morgan

Direttur: F. Xavier Gutierrez

Maħruġ minn KRS Releasing | Ħin: 97 min | Ċert: 15 

Dsatax-il sena ilu, mill-Orjent wasal ‘Ringu’ film tal-biża' u t-twerwir li ta perspettiva ġdida b'atmosfera morbida u differenti lil dan il-ġeneru – ‘J-Horror’ jew ‘Japan Horror’.  L-Amerikani mill-ewwel ikkupjawh b'mod tassew ammirevoli b'‘The Ring’ [2002]. Ftit wara, wasal is-sikwel ‘The Ring Two’ [2005]. Minn dak iż-żmien 'l hawn, il-leġġenda kompliet titkattar u kull min jara l-filmat, malajr idoqq it-telefown jew mowbajl u sa ġimgħa wara jkun mejjet. L-ispirtu vendikattiv tat-tfajla Samara Morgan għadu joħroġ mill-bokka tal-bir u joqtol lill-isfortunati. ‘Rings’ huwa kapitlu ġdid [it-tielet wieħed] li jirrakkonta storja awtonoma, 13-il sena wara l-avvenimenti tal-aħħar produzzjoni. Il-protagonista din id-darba hi Julia [Lutz], tfajla li għadha kemm iggradwat u li l-ħabib tagħha, Holt [Roe] sparixxa. Meta tipprova tikkuntattjah, lanqas fuq il-mowbajl ma jirrispondi. Is-suspetti ta' Julia jkunu kkonfermati meta żżur l-iskola u tmur wara Sky [Teagarden], f'laboratorju taħt l-art fejn Gabriel [Galecki], professur tat-teoloġija, għandu fil-pussess tiegħu dan il-misħut filmat. Sky toffrilha biex teħodha tara lil Holt, iżda qabel trid turiha l-filmat konċernat. L-avventuri tagħhom jeħduhom f'belt fil-kampanja ta’ Washington, fejn forsi jsibu xi ħjiel tal-passat traġiku ta' Samara u fejn jiltaqgħu mal-misterjuż Burke [d'Onofrio], il-gwardjan għami taċ-ċimiterju. ‘Rings’ ikompli fuq l-istruttura tax-xogħlijiet ta' qabel, b'aktar intriċċi, bl-istess biża' palpabbli u xi qtil ieħor brutali. L-atmosfera hi kontinwament minaċċjuża. 

 

Denial

Atturi Ewlenin: Rachel Weisz; Tom Wilkinson; Timothy Spall; Andrew Scott; Harriet Walter

Direttur: Mick Jackson

Maħruġ minn KRS Releasing | Ħin: 110 min

L-effetti u l-ħniżrijiet tan-Nażisti għadhom jinħassu fiċ-ċinema wara aktar minn 70 sena. Fost id-delitti l-aktar faħxin li kkommettew insibu l-Olokawst - il-qerda ġenerali tal-poplu Lhudi. Provi ta' dan huma dawk il-ftit li rnexxielhom isalvaw u l-kampijiet tal-konċentrament bil-postijiet fejn kienu jesterminaw bi gzuz bil-gass velenuż, bħal Auschwitz. Minkejja dan kollu, kien hemm xi wħud li baqgħu jinnegaw li l-Olokawst hu parti reali u importanti mill-istorja umana. Wieħed minn dawn hu l-istoriku Brittaniku, David Irving [Spall] li fi ktieb tiegħu sostna li dan il-flaġell tremend hu fittizju.  Professoressa Amerikana ta' nisel Lhudi, studjuża tal-istorja, Deborah Lipstadt [Weisz] ħarġet ktieb ‘Denying The Holocaust: The Growing Assault On Truth And Memory’, li kien ippubblikat fir-Renju Unit. Fih implikat li Irving hu wieħed li jħobb jinnega l-verità magħrufa. Dan, wara li hi rrifjutat dibattitu miegħu, tant ħa għalih li għamlilha libell bil-ġuri jinstema' fil-Qorti Ingliża. ‘Denial’ jiffoka primarjament fuq dan il-ġuri li dam sitt snin biex ħareġ il-verdett tiegħu. Is-sistema legali Brittanika, f'każi ta' libell, tgħabbi lil dak li jiddefendi biex iġib provi konkreti. Deborah kienet avżata biex tirranġa kollox barra l-Qorti għax qalulha li jaqblilha, iżda hi rrifjutat bil-qawwa. It-tim legali tagħha mmexxi mill-avukat Richard Rampton [Wilkinson] iddeċieda li ma jtellax xhieda lil dawk li ħelsuha minn dan ir-reat viljakk. ‘Denial’ jittratta storja qawwija dwar l-isforzi bla waqfien ta' mara li trid tara li s-sewwa u l-ġustizzja jseħħu u anki tfakkar lid-dinja bit-traġedja li tassew grat. Tom Wilkinson hu tajjeb ferm bħala l-avukat difensur li fid-deher jidher li nhux interessat iżda jirriżulta li minn ġewwa hu mimli ħerqa u daqsu jimpressjona Timothy Spall, l-kittieb eċitat, bla serħan f'ġismu waqt il-ġuri, li jemmen bil-qawwa fit-teoriji żbaljati tiegħu.

 

The Young Offenders

Atturi Ewlenin: Alex Murphy; Chris Walley; Hilary Rose; Dominic MacHale; P.J. Gallagher

Direttur: Peter Foott.

Maħruġ minn Side Street Films, Eden Cinemas | Ħin: 83 min | Ċert: 15

Fis-sena 2007 inqabdet ħażna kbira ta' kokaina 'l barra mill-kosta Irlandiża tal-Punent. Dan l-avveniment ispira lill-kittieb u direttur, Peter Foott biex joħloq kummiedja ħelwa dwar żewġ teenagers nofs kedda, kważi bla moħħ. ‘The Young Offenders’ li jieħu s-sura ta' ‘road movie’ jiffoka fuq Conor MacSweeney [Murphy] u Jock Murphy [Walley], ħbieb kbar li jgħixu fil-belt ta' Cork.  Jock hu ħalliel tar-roti bis-Surġent Healey [MacHale] sikwit jiġri warajh. Conor jgħix ma' ommu Mairead [Rose] li taħdem f'ħanut tal-ħut ġo suq fuq ġewwa. Meta dgħajsa ta' xi traffikanti tad-drogi tinqaleb fil-kosta tal-Punent tal-Irlanda, huma jmorru fuq il-post, b'roti misruqin, biex ifittxu xi borża mitlufa. F'waħda mir-roti, is-Surġent poġġa xi apparat biex ikun jista' jkun jaf id-direzzjoni fejn qiegħda u jitlaq għal warajhom. Meta huma verament isibu borża mimlija trab tal-kokaina li tkun fil-pussess ta' negozjant rieqed ġo għar, bil-mod u bil-galbu jirnexxielhom jisirquha minn bejn idejh.  Dan ukoll se jsus warajhom b’rabja kbira fuqu. ‘The Young Offenders’ jiżvolġi f'kummiedja divertenti, kif ukoll sfrenata fl-aħħar nofs siegħa tagħha, minħabba l-ineffiċjenza grassa taż-żewġ protagonisti. Madankollu, iżda wieħed malajr jieħu grazzja magħhom, għax minkejja l-istupidaġni persistenti li jippossedu, jirriżulta li huma par żgħażagħ baħbuħa. Fl-Irlanda, ‘The Young Offenders’ kellu suċċess enormi.