Ray Azzopardi: Minn fuq it-TV għal fuq il-podju tad-diplomazija

40 sena fix-Xandir wassluh biex jeċċella bħala l-ambaxxatur tal-kultura Maltija

John Busuttil minn Brussell / 20 ta' Frar 2017 08:49
Ray Azzopardi jiftaħ l-esebizzjoni tal-arti fil-Parlament Ewropew
Magħruf li jipproduċi u jippreżenta programmi kulturali għaż-żgħażagħ, saħħa u kultura Maltija. Beda fuq Xandir Malta għal diversi snin u kompla fuq Super One. Persuna li kien ukoll fit-tmexxija tal-kampanji elettorali tal-Partit Laburista. Bniedem li mexa b’ideal fil-politika iżda qatt ma ħalla l-politika xxekklu milli jippromwovi l-kultura Maltija f’kull livell li hu tant iħobb. Persuna li min jafu mill-viċin jagħraf persuna li l-ebda kulur politiku ma jaffettwah fejn tidħol ħbiberija u irġulija. Għalih l-uniċi kuluri li jara huma l-aħmar u l-abjad (il-kuluri tal-bandiera Maltija). Ħamruniż li kien attiv ferm fil-festa ta’ San Gejtanu u anke dejjem preżenti fiż-żmien glorjuż tal-Ispartans. Dan hu Ray Azzopardi kif nafu jien għal snin twal u ninsab ċert li hekk jafuh il-bosta. B’karriera ta’ 40 sena fix-xandir u karattru li qatt ma emmen fil-politika ta’ ‘aħna u huma’ għenuh fit-triq li llum hu l-ambaxxatur tad-diplomazija u l-kultura Maltija.

Ray Azzopardi hu l-ambaxxatur Malti għal Belġju, Lussemburgu u n-NATO. Ilu f’din il-kariga minn Ottubru tal-2013 fejn jgħix fi Brussell u jaħdem Dar Malta. Meta tiltaqa ma’ Ray f’xi okkażjoni ssibu dejjem jitkellem dwar Malta, dwar kemm jieħu gost jagħmel ġid lil Malta u lil Maltin kollha u kif iħares lejn il-Maltin bħala poplu wieħed u mhux maqsum bil-kuluri. Fil-fatt diversi gruppi li jtellgħu l-Membri Parlamentari Ewropej, sew dawk Nazzjonalisti kif ukoll dawk Laburisti, kollha jilqagħhom u jdawwarhom f’Dar Malta filwaqt li jitkellem magħhom dwar ix-xogħol favur pajjiżna li jsir f’dan il-bini ta’ Triq Archimede ferm prestiġġjuż li jinsab faċċata tal-Kummissjoni Ewropea.

Ray Azzopardi fir-rwol tiegħu ta’ Ambaxxatur Malti jaqgħu taħt il-kappa tiegħu 1,300 ċittadin Malti li jaħdmu fil-Belġju u fil-Lussemburgu. Fil-fatt, Maltin jaħdmu l-Belġju hemm 859 u hemm ukoll 450 Malti li jaħdmu l-Lussemburgu.

Jidher li fejn tidħol il-kultura Maltija, mhux jien biss għaraft id-doti li għandu, iżda anke ġurnalisti barranin li ddeċidew li għal żmien il-presidenza ta’ Malta fil-Kunsill Ewropew jintervistaw lil Ray Azzopardi fil-magażin ta’ prestiġju ‘Diplomat’ li hu l-ewwel wieħed tas-sura tiegħu fid-dinja tad-diplomatiċi mmexxi minn ġurnalisti Olandiżi.

Ħa ngħiduha kif inhi, il-Presidenza nnifisiha pprovdiet lil Malta b’opportunità eċċellenti li tkun vetrina tal-wirt kulturali tagħha hawnhekk fi Brussell. U meta wieħed iqis li Malta hi l-iċken pajjiż mill-Unjoni, għandha ħafna storja rikka u anke kultura rikka. U dan hu riżultat mill-post strateġiku li tinsab fiha eżatt fin-nofs tal-Mediterran li ħafna jqisuh bħala l-benniena ta’ diversi ċivilizazzjonijiet. Dawn iċ-ċivilizazzjonijiet li ġew jaħkmu l-gżira tagħna f’xi żmien jew ieħor berkuna b’arkitettura maestuża. U fil-fatt id-dinjitarji u dawk li jżuru Malta, kulħadd jibqa’ mmeraviljat bir-rikkezza tal-wirt artistiku tagħna. Gżira daqshekk ċkejkna u li tant għandha x’toffri.

Angela Merkel u dinjitarji oħra setgħu jimmerviljaw ruħhom b’San Ġwann u l-ġawhra tal-arti ta’ Caravaggio
Din l-introduzzjoni li nkitbet fuq midja barranija twassal biex l-ambaxxatur Ray Azzopardi jagħmilha parti mill-missjoni diplomatika tiegħu li f’dawn iż-żminijiet tal-Presidenza iwassal b’mod viżibbli l-wirt kulturali ta’ pajjiżna. Fejn l-ambaxxata Maltija qed twassal messaġġ importanti li Malta hi taħlita ta’ teżori kulturali u artistiċi flimkien mal-ħajja attiva u vigoruża ta’ Malta.

L-ewwel impatt li Ray Azzopardi rnexxielu jagħmel fil-Belġju kien il-kunċert straordinarju u ta’ klassi kbira mit-tenur Joseph Calleja u l-orkestra filarmonika Maltija mmexxija minn Brian Schembri. Kunċert li wassal ir-rikkezza ta’ talent Malti lil ’il fuq minn 2,000 persuna mistiedna li ppakkjaw kull siġġu tat-teatru Bozar.

Nhar il-Ġimgħa li għaddiet l-Ambaxxata Maltija kompliet bl-attivitajiet kulturali tagħha bl-esebizzjoni ta’ arti msejha Malta Land and Sea Exhibition fl-istess Bozar u li se ddum sat-28 ta’ Mejju ta’ din is-sena. Din il-wirja tinkludi diversi pitturi ta’ Caravaggio, li normalment ikunu għal wiri fil-Palazzo Pitti f’Firenze l-Italja. Din se tkun l-ewwel darba li dawn il-pitturi se jkunu ħarġu mill-Italja u dawn ħarġu bħala parti mill-avvenimenti kulturali li jimmarkaw il-Presidenza Maltija.

L-ambaxxata Maltija fi Brussell qed taħdem qatigħ biex ilaqqgħu diversi diplomatiċi li jaħdmu fi Brussell u jġibuhom aktar qrib ta’ xulxin. Hawnhekk, xogħol Ray Azzopardi hu li jorganizza ikliet u avvenimenti fejn dawn id-diplomatiċi jkunu mistiedna għalihom. Għax waqt dawn l-attivitajiet jiġu diskussi temi importanti għall-pajjiż.

It-teatru Bozar fi Brussell laqa ’l fuq minn 2,000 mistiden distint biex jkunu preżenti għal wirja spettakolari tat-talent Malti
Meta kien intervistat minn ‘The Diplomat’, Ray Azzopardi qal li s-summit informali li sar Malta fit-3 ta’ Frar wera li Malta bħala pajjiż żgħir kienet kapaċi tirbaħ ħafna anke jekk hi skarsa fir-riżorsi tagħha. Fil-fatt, il-kapijiet tal-Unjoni Ewropea kollha ħadu gost b’dak li offrietilhom Malta. “Fejn ħafna minnhom żaru l-Konkatidral ta’ San Ġwann li hu teżor maestuż tal-arti. Għax barra li jiċċelebra l-Barokk, f’dan il-Katidral hemm ġawhra artistika oħra, il-qtugħ tar-ras ta’ San Ġwann il-Battista,” qal Ray Azzopardi lil ġurnalist Olandiż.

Jibqa’ fatt li Ray Azzopardi hu persuna kolta f’dik li hi kultura Maltija u l-esperjenza tiegħu bħala xandar għenitu biex ixandar il-kultura Maltija fuq il-podju Ewropew u internazzjonali flok minn fuq is-sett tat-televiżjoni jew radju. U b’hekk iwassal dak li hu sabiħ u li jiġbed miljuni ta’ turisti lejn Malta.

Iżda dwar Ray Azzopardi qed ineħjji biex nerġgħu niltaqgħu miegħu f’intervista esklussiva dwar l-esperjenzi ta’ ħajtu fejn xi anedotti ma jonqsux u anke dwar il-futur tal-ambaxxata wara l-Presidenza.