Films ġodda fiċ-ċinema għal din il-ġimgħa

Għal min qed jitħajjar jibda San Valentinu b'film... jew forsi jmur jara wieħed fil-weekend li ġej, tistgħu taqraw iktar dwar il-films li ħarġu din il-ġimgħa fl-iswali taċ-ċinema

Carmel Bonnici / 13 ta' Frar 2017 11:30
Fifty Shades Darker

Atturi Ewlenin: Dakota Johnson; Jamie Dornan; Eric Johnson; Rita Ora; Marcia Gay Harden

Direttur: James Foley

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 117 min

Ċert: 18

Wara l-fenomenu ‘Fifty Shades Of Grey’, l-aktar mas-sess femminil, issa wasal it-tieni kapitlu. ‘Fifty Shades Darker’ apposta maħsub biex ikun qed jintwera għall-festa tal-maħbubin - ta' San Valentinu. Jamie Dornan u Dakota Johnson qed jerġgħu jirrepetu l-parti tagħhom ta’ Christian Grey u Anastasia Steele. Din id-darba, ir-reazzjoni bejn dawn iż-żewġ maħbubin se tkun aktar intensa, kif jindika t-titlu. Is-sitwazzjoni mażoċista ta' dominanza u sottomissjoni bejn dawn it-tnejn kienet ħalliet effett qares. Christian irid jerġa' jħajjar lil Anatasia biex mill-ġdid tkun parti minn ħajtu. Qabel taċċetta, hi timponi arranġamenti ġodda. Meta jidher li sabu xortihom għal darb'oħra, xi ħadd misterjuż mill-passat romantiku ta' Christian jibda jħuf madwarhom deċiż li jisfrattahom. F'din il-produzzjoni ġdida, tidher Kim Basinger bħala Mrs. Robinson [dik ta' ‘The Graduate’ [1967]] li għallmet liż-żagħżugħ Christian il-logħob erotiku ta' dominanza u sottomissjoni. L-andament ta' qabel se jkun repetut b'aktar konvinzjoni.


The Space Between Us

Atturi Ewlenin: Gary Oldman; Asa Butterfield; Carla Gugino; Britt Robertson

Direttur: Peter Chelsom

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 120 min

Ċert: PG

Forsi għall-ewwel darba fl-istorja taċ-ċinema, qed insibu film romantiku ‘interpjanetarju’. ‘The Space Between Us’ hi storja ta' mħabba moderna bejn żewġ teenagers fuq tagħhom minn dinjiet differenti. Fuq vjaġġ mid-dinja tagħna biex tiġi kkolonizzata Mars, astronawta twelled kważi fit-tmiem tal-vjaġġ u dlonk tmut. Din it-tarbija, b’mod sigriet, titrabba f'kolonja fuq il-Pjaneta l-Ħamra mingħajr ħadd m'għandu ħjiel min hu l-missier. Gardner Elliot [Butterfield], tfajjel intelliġenti u inkwizittiv, sa meta jagħlaq 16-il sena, f'ħajtu jkun iltaqa' ma' 14-il persuna biss. Meta jibda jfittex dwar missieru u dwar l-għeġubijiet tad-dinja tagħna u tal-ġenituri tiegħu, jagħmel rikonoxxenza, permezz tal-internet, ma' Tulsa [Robertson], tfajla enerġetika u li taf sewwa minn fejn għandha tgħaddi. Biex jiltaqa' magħha jiġi fid-dinja u jibda jistagħġeb bl-avventuri eżileranti li jgħaddu minnhom. Però, x-xjentisti jiskopru li l-organi tiegħu mhumiex kompatibbli mal-atmosfera densa tad-dinja. Malajr tibda ġirja sfrenata biex forsi jiskopri dak kollu li qed ifittex u fejn tassew hu postu.  ‘The Space Between Us’ jirrakkonta storja ħelwa u anki divertenti b'xi eċitament, però fuq kollox jurina li l-imħabba tegħleb kollox u li m'għandhiex fruntieri.

 

Gold

Atturi Ewlenin: Matthew McConaughey; Edgar Ramirez; Bryce Dallas Howard; Corey Stoll; Toby Kebbell

Direttur: Stephen Gaghan.

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 121 min

Ċert: 15

Ibbażat minn fuq storja vera, ‘Gold’ hija l-istorja inkredibbli ta' negozjant li falla bil-kbir, qatt ma ta ruħu mirbuħ u li l-ħolm li kellu f’moħħu ried jattwah sal-aħħar. Kenny Wells [McConaughey] jitkeċċa min-negozju li kien wiret mingħand missieru, tat-tħaffir fil-minjieri. Bi spirtu kumbattiv, ifittex 'l hawn u 'l hinn għal xi opportunità li biha jista' jirnexxi fil-ħajja. Meta jiskopri li l-ġeologu Michael Acosta [Ramirez] qed ifittex lil xi ħadd biex joħroġ il-kapital ħalli jħaffer f'minjiera li aktarx fiha hemm id-deheb, hu jiġbor il-ftit finanzi li fadallu u jitlaq lejn l-Indoneżja. F'Borneo, l-aktar ġungla deżolata fid-dinja, Kenny jmidd idu għax-xogħol u anki jimrad bil-malarja. Wara battalja ħarxa man-natura, ikun imiss oħra aktar krudili mal-istabbilimenti ta' New York. It-tnejn li huma jkunu l-mira diretta ta' konfoffa fuq konfoffa u l-aktar importanti jekk jistgħux jafdaw lil xulxin. ‘Gold’ huwa dramm li jesponi n-natura vera tal-bniedem. B'interpretazzjoni intensa u trasformazzjoni fiżika kompluta u notevoli, fejn ħxien sewwa għal din il-parti, b'ras kważi bla xagħar, b'kilba kbira għad-deheb u l-poter, barra li sikwit jisker, Matthew McConaughey juri li kien ħaqqu jkun nominat għall-Oscar.