Malta Pawlina tiċċelebra lil missierha

Ħarsa lejn parroċċi u knejjes ddedikati lill-San Pawl Appostlu fil-gżejjer tagħna fil-jum li jfakkar il-festa tiegħu

Fr.Hermann Duncan / 10 ta' Frar 2017 08:57
Aħna nafu mill-ktieb tal-Atti tal-Appostli l-ġrajja ta’ meta San Pawl ra l-għarqa u ġie Malta qrib is-sena 60 AD. It-tradizzjoni tgħidilna li San Pawl stkenn ġewwa grotta fir-Rabat Malta. Jingħad li l-ewwel komunità Nisranija twaqqfet propju f’din il-grotta u minn hawn beda l-kult Pawlin f’pajjiżna. Din il-grotta matul is-snin ġibdet bosta barranin u diversi personalitajiet distinti fosthom il-Papa San Ġwann Pawlu II u l-Papa Emeritus Benedittu XVI.

Għall-bidu, il-kult lejn San Pawl ma tantx infirex minħabba li l-Maltin ta’ dak iż-żmien baqgħu jqimu l-allat tagħhom u ħabba l-biża’ tat-theddid tar-Rumani li kienu qed jippersegwitaw lill-Insara. Kien fis-seklu 17, li Patri Eremita Spanjol, Juan Venegas de Cordoba, kien kabbar id-devozzjoni lejn San Pawl wara li żar din il-grotta li tant laqtitu, li waħħal f’rasu li jiddedika ħajtu biex ixerred dan il-kult Pawlin fil-gżejjer tagħna.

Fl-1617, il-Gran Mastru Alof de Wignacourt ħa f’idejh il-ħarsien tal-grotta. Hu waqqaf kulleġġ ta’ kappillani biex iħarsu l-grotta, u ħatar lil Venegas bħala rettur. Taħt il-ħarsien tal-Ordni Militari Sovran ta' San Ġwann ta' Ġerusalemm, Rodi, u Malta, il-kult Pawlin iċċentrat fuq il-grotta kiber b'mod qawwi. Kien ta’ ġid għall-Ordni li jkollhom konnessjoni ma' San Pawl, li ngħaqad ma’ San Ġwann bħala wieħed mill-patruni tal-Ordni. San Pawl sar mudell importanti għall-Knisja b’mod partikolari bħala missjunarju u għalliem.

Il-prominenza ta' San Pawl għas-soċjetà Maltija kibret sew wara l-miġja tal-Kavallieri. Naraw mhux biss pitturi u skulturi li jfakkru l-għarqa tiegħu, iżda mill-inqas hemm għoxrin knisja u kappella li huma ddedikati lilu fosthom il-Katidral Anglikan fil-Belt Valletta.

Insibu diversi postijiet li huma msemmijin għall-San Pawl jew jingħad li xi darba kien żar.

Fin-naħa tat-tramuntana ta' Malta, il-blat u s-sikek fil-post magħruf bħalha ‘tal-Għażżenin’ huma dawk li fuqhom jingħad li ħabat il-bastiment ta’ San Pawl matul it-tempesta. ‘Tal-Għażżenin’ ġejja mill-kelma Griega ‘Thalassanejn’ li tfisser żewġ ibħra. Insibu l-gżejjer ta' San Pawl li huma ddedikati lilu, u fil-bajja msemmija għalih hemm post imsemmi Għajn Rasul, fejn skond il-leġġenda, l-Appostlu għamel li l-ilma joħroġ min din l-għajn biex jkunu jistgħu jixorbu hu u dawk li kienu miegħu.

Il-post fejn jgħidu li l-Maltin qabbdu ħuġġieġa lill-Pawlu u dawk tat-tempesta fejn telgħet il-lifgħa ma’ idejn Pawlu u hu ma ġralu xejn, huwa magħruf bħalha San Pawl tal-Ħġejjeġ viċin San Pawl il-Baħar.

Knejjes dedikati lil San Pawl

F'Burmarrad qrib ħafna ta' fejn hu maħsub li seħħ in-nawfragju ta’ San Pawl, hemm kappella żgħira magħrufa bħala San Pawl Milqi. Hawnhekk jintqal li Pawlu kkonverta lil Publiju wara li fejjaq il-missieru mid-diżinterija.

L-Imdina, fil-bieb prinċipali nsibu l-figuri skulturati ta’ San Pawl, San Publju u Sant Agata, protetturi ta' Malta li saru fl-1724. Il-Katidral tal-Imdina huwa ddedikat lil San Pawl li skond it-tradizzjoni jingħad li huwa mibni fuq l-post fejn Publiju kellu l-palazz tiegħu. Il-pittura titulari tal-knisja turi l- Konverżjoni ta' San Pawl mill-artist Mattia Preti (1613-1699). Fuqu hemm ukoll fresco tan-Nawfraġju ta' San Pawl mill-istess artist.

Barra mill-Imdina, fir-Rabat, fuq ix-xellug tal-grotta ta' San Pawl insibu l-knisja Kolleġġjata u Parrokjali dedikata lill-San Pawl. Hemm ukoll il-katakombi li jinfdu għall-din l-istess grotta li jissejħu l- katakombi ta’ San Pawl minħabba li huma viċin il-grotta.

Fil-Belt Valletta hemm il-knisja Parrokkjali u Kolleġjata ta’ San Pawl Nawfragu, li hija waħda mill-eqdem knejjes fil-Belt Valletta. Il-knisja nbniet fl-1570 minn Glormu Cassar. Fiha hemm diversi opri sbieħ li jixhdu d-devozzjoni kbira lejn dan il-qaddis. Fil-knisja tinsab ukoll relikwa tad-driegħ ta’ San Pawl, mogħtija minn Vincenzo Aloisio Bonavia fl-1823.

F’Ħal Safi, il-knisja Parrokkjali hija ddedikata għall-Konverżjoni ta' San Pawl. Il-bini tal-knisja preżenti beda fl-1726 fuq is-sit fejn diġà kienet teżisti knisja żgħira ddedikata lil San Pawl fil bidu tas-seklu ħmistax.

F’Bormla nsibu knisja ddedikata lil San Pawl viċin il-baċir numru wieħed. Skont l-istoriku Achille Ferres, l-ewwel knisja ddedikata lil San Pawl ġiet mibnija fis-sena 1590. Maż-żmien, din il-knisja reġgħet inbniet. L-ewwel ġebla tqiegħdet fil-11 ta’ Awwissu 1735 mill-Isqof Fra Paolo Alferan de Bussan.

Ġewwa Birkirkara hemm knisja magħrufa bħala ta’ San Pawl tal-Wied, mibnija fl-1538, biex tfakkar il-jiem li qatta’ San Pawl jipprietka fuq il-gżira.

Fil-lokalità ta' San Pawl tat-Tarġa fin-Naxxar, hemm kappella ddedikata lin-Nawfraġju ta' San Pawl u statwa ta' San Pawl. Skont il-leġġenda, dan il-post kien wieħed mill-postijiet fejn San Pawl ipprietka lill-Maltin.

F’Għawdex ukoll hemm diversi knejjes ddedikati lil San Pawl. Fil-Munxar, Għawdex, il-knisja parrokkjali hi ddedikata lil nawfraġju ta' San Pawl. Il-kwadru titulari jirrappreżenta lil San Pawl Nawfragu mpittra minn Robert Caruana Dingli (1882-1940).

Ġewwa Marsalforn insibu l-knisja ddedikata lin-nawfraġju ta' San Pawl. Il-leġġenda turi li tliet xhur wara n-nawfraġju tiegħu f'Malta, San Pawl ħalla l-gżira mill-port ċkejken taħt din il-knisja, li jingħad li hu l-eqreb port tal-Gżejjer Maltin għal Pozzallo fi Sqallija.

Ġewwa n-Nadur, il-knisja Parrokkjali li hija Bażilika Kolleġġjata hija ddedikata lil San Pietru u San Pawl. L-ewwel knisja nbniet mill-parruċċani fuq art pubblika mogħtija mill-Gran Mastru Fra Gregorio Carafa (1680-1690). Il-knisja preżenti kienet mibnija fuq id-disinn tal-perit Malti Giuseppe Bonnici u l-ewwel ġebla tqiegħdet f’Diċembru tal-1760.