Il-Katakombi ta' San Pawl lura għal żmien ir-Rumani

Funeral u ikel tradizzjonali Ruman fil-Katakombi ta' San Pawl

Staff Reporter / 8 ta' Frar 2017 09:10
Heritage Malta se tieħu lill-Katakombi ta’ San Pawl lura fis-snin meta bl-attività ‘Mortem’ se ġġedded it-tifkiriet meta r-Rumani kienu jikkommemoraw lill-mejtin b’ritwali funebri u ikla abbinata mad-difna.

‘Mortem’ kienet issir fi żmien li fih kienet tiġi ċċelebrata l-festa Rumana tal-parentalia. Fl-attivitá fil-Katakombi ta’ San Pawl jispikkaw l-esibizzjoni kif kien isir funeral Ruman fejn il-pubbliku jista’ jipparteċipa u l-ikla abbinata mad-difna fuq l-agape, treasure hunts għat-tfal, lectures dwar is-suldati Rumani u tradizzjonijiet Rumani u dwar skavar fil-Katakombi ta’ San Pawl. Ikun hemm ukoll parata u esibizzjonijiet mill-grupp Legio X Fretensis. Matul il-ġurnata se jkun hemm għall-bejgħ ikel u xorb tradizzjonali Ruman ibbażat fuq riċetti riċerkati.

Għal din l-okkażjoni l-Katakombi ta’ Santu Wistin, li normalment jinfetħu b’appuntament, se jkunu miftuħin għall-pubbliku.

L-attivitá ‘Mortem’ se ssir nhar il-Ħadd li ġej, 12 ta’ Frar, u għal din l-okkażjoni s-sit se jiftaħ bejn id-9.00am u s-6.00pm, l-aħħar dħul ikun fil-5.00pm. Il-prezz tad-dħul se jkun imnaqqas għal €2 u jinkludi wkoll il-Katakombi ta’ Santu Wistin.

Iktar tagħrif jinkiseb mill-website ta’ Heritage Malta, www.heritagemalta.org