Films ġodda din il-ġimgħa

Il-films il-ġodda li ħerġin f'din l-ewwel ġimgħa tas-sena

Carmel Bonnici / 2 ta' Jannar 2017 13:27
Xena mill-film Assasin's Creed, li biċċied minnu nġibdu hawn Malta
Assasin’s Creed

Atturi Ewlenin: Michael Fassbender; Marion Cotillard; Brendan Gleeson; Jeremy Irons; Charlotte Rampling

Direttur: Justin Kurzel

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 116 min

Ċert: 12A

Film ieħor mimli azzjoni u avventuri li jaqsmu s-sekli huwa ‘Assassin's Creed’. Dan hu bbażat minn fuq is-serje spettakolari u popolari tal-logħbiet video ta' Ubisoft. Fi Spanja tas-seklu ħmistax battalja ħarxa kienet tirrenja bejn soċjetà sigrieta magħrufa bħala Assassins, li kienu qed jiġġieldu lill-għaqda antika, għatxana li tibqa’ fil-poter u tibqa' tgħakkes lill-poplu, l-Ordni tal-Kavallieri Templari. F'din it-taqtiegħa bla rażan, bniedem wieħed isib ruħu fiċ-ċentru tagħha. Fil-preżent, Cal Lynch [Fassbender] huwa ħabsi li qed jistenna li jieħu l-kastig il-kbir. Permezz ta' kumpanija ta' influwenza qawwija, Abstergo Industries, hu jkun maħfur. Bis-saħħa ta' teknoloġija revoluzzjonarja, li kapaċi tikxef memorji midfuna fid-DNA tiegħu, Cal ikun trasportat lura fis-sekli fi Spanja ta' żmien l-Inkwiżizzjoni, fis-snin 1400. Hemm jibda jieħu l-esperjenza ta' Aguilar de Nerha antenat antik tiegħu u membru tas-soċjetà sigrieta ta' Assassins. Permezz ta' din it-trasformazzjoni, Cal isir kapaċissimu fil-kumbattimenti u fl-għerf li jgħinuh biex iwarrab darba għal dejjem lill-organizzazzjoni tat-Templari, issa fi żmienna. ‘Assassin's Creed’ hu mimli azzjoni frenetika, tassew enerġetika b'ħafna ġiri fuq il-bjut u anki titjir fl-arja, b'mużika bombastika, kif ukoll maħdum bit-3D. Ħafna minn din l-azzjoni ġiet iffilmjata hawn Malta stess, l-aktar fil-Belt Valletta.

Why Him?

Atturi Ewlenin: James Franco; Bryan Cranston; Zooey Deutch; Megan Mullally

Direttur: John Hamburg

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 111 min

Cert: 15

Id-direttur u anke kittieb John Hamburg kien il-moħħ wara kummiedji qawwija u goffi bħal ‘Meet The Parents’, is-sequel ‘Meet The Fockers’, ‘Zoolander’ u oħrajn. L-aħħar xogħol tiegħu, ‘Why Him?’ huwa farsa oħra sfrenata u bla brejkijiet li, fin-natural tagħha, tikkumplimenta l-films li diġà semmejt ta' dan id-direttur. F'din il-kummiedja ħelwa jiddomina l-klaxx ta' kulturi u ideali, minn dawk antikwati għal dawk tassew eċċentriċi, strambi u ultra liberali. Ned Fleming [Cranston], martu Barb [Mullally] u binhom Scotty [Griffin Gluck] minn Grand Rapids, Michigan, imorru California, fil-vaganzi tal-Milied biex iżuru lill-għażiża binthom, Stephanie [Deutch] u jiltaqgħu mal-maħbub biljunarju tagħha, Laird Mayhew [Franco] f'Silicon Valley. Ned, bniedem ġenjali, edukat u rett jieħu l-qatgħa ta' ħajtu meta quddiemu jfeġġ Laird, ta' natura mill-aktar stramba, liebes ta' kafkaf u spissjat għall-aħħar, Huma jkollhom joqogħdu fid-dar mimlija apparat tekniku u sofiskat ta' Laird.  Ned dejjem ipproteġa lil bintu minn kull xkiel u jibqa' jopponi lil dan il-biljunarju f'kollox biex jipprova jerġa' jeħodha lura d-dar. Il-qofol ta' ‘Why Him?’ hija l-lotta bejn il-missier strett u l-maħbub ta' bintu li għalih kollox jgħaddi. Tassew iqaxxar il-parti James Franco bħal l-‘playboy’ sinjurun, laxk fi kliemu u għemilu, kollu tpinġija, però wkoll ta' qalb tajba u anki dejjem ċajtier. Kummiedja addattata għal dawk li jridu jgħaddu kważi sagħtejn allegri!

Collateral Beauty

Atturi Ewlenin: Will Smith; Edward Norton; Kate Winslet; Keira Knightley; Michael Pena

Direttur: David Frankel

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 96 min

Cert: 12A

‘Collateral Beauty’ huwa dramm li wieħed, wara li jarah, għandu jixtarr sewwa dwaru waqt li jqanqal ħafna ħsibijiet. Din il-produzzjoni hi dwar kif wieħed jista' jerġa' jderri, jerġa' jieħu postu fil-ħajja normali u anki jħobb mill-ġdid, wara li tolqtu traġedja serja. Dan il-film jiffoka wkoll fuq dawk il-mumenti li wieħed ma jistenniehomx u li jġibu tama, tifsir ġdid u fejn wieħed jista' bil-libertà kollha jiftaħ qalbu, mumenti feliċi ta' ftit ħin li jserrħu fi żmien ta' kriżi u niket. Howard [Smith] kiseb suċċess kbir fix-xogħol tiegħu bħala eżekuttiv fir-reklamar. Fil-bidu, narawh tassew motivat jipprietka ma' folla mdaqqsa ċċassata lejh dwar iż-żmien, l-imħabba u l-mewt. Hu jsostni li dawn it-tliet affarijiet jgħaqqdu flimkien lill-umanità - nixtiequ l-imħabba, rridu li jkollna aktar ħin u nibżgħu mill-mewt. Hu stess jibda jirrealizza l-impatt ta' dawn it-tliet affarijiet meta tolqtu traġedja intima.  Waqt li ħbiebu riedu jintegraw aktar miegħu qabel mingħajr suċċess adekwat, issa se jkun hu stess li jfittex il-pariri u l-opinjonijiet tagħhom. ‘Collateral Beauty’ hu xogħol ta' stoffa, film solenni li jqanqal u li jġiegħel tagħder lil dawk li tilfu kull sens u direzzjoni fil-ħajja minħabba xi telfa kbira.  Din mhix l-ewwel darba li Will Smith aċċetta partijiet serji bħal din.