Filmati | Il-kbir għadu ġej…

Freddie Portelli, ir-Re tar-Rock ‘n’ Roll Malti, se jsirlu monument biex jiċċelebra l-unur u l-isem li ta lil pajjiżu permezz tal-mużika tiegħu.

Ruben Anthony Xuereb / 20 ta' Diċembru 2016 16:50
Freddie Portelli onorat bil-medalja għall-Ġieħ ir-Republika
Id-diska ta’ Freddie Portelli ‘Viva Malta’ hija l-aktar waħda li biegħet kopji fl-istorja mużikali ta’ pajjiżna. Il-ġimgħa li għaddiet, Freddie Portelli ingħata Ġieħ ir-Republika… imma fi kliem ir-re tar-Rock ‘n’ Roll Malti stess, Il-kbir għadu ġej’, hekk kif se jsirlu monument fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, fejn twieled u għex tfulitu, biex jiċċelebra l-unur u l-isem li ta lil pajjiżu permezz tal-mużika tiegħu.

Iva, sewwa qrajt, monument għal Freddie Portelli li bħalissa qed jinħadem mill-iskultur Angelo Agius, li fil-fatt diġà lesta l-ewwel abbozz tagħha.

Freddie Portelli onorat bil-medalja għall-Ġieħ ir-Republika | Filmat ta' James Bianchi
Viva Malta u l-Maltin…Viva r-Re tar-Rock ‘n’ Roll Malti Freddie Portelli

Għal ħafna, il-kantant veteran Freddie Portelli huwa meqjus bħala r-re tar-Rock ‘n’ Roll ta’ Malta u xejn inqas minn monument nazzjonali ħaj, li permezz ta’ diski bħal ‘Viva Malta’, ‘Mur Ħallini’ u ‘Xewqat Sbieħ’ fost oħrajn, kiseb suċċess internazzjonali u ta unur u isem lill-pajjiżu, li hu tant għażiż għalih.

Freddie, tant hu maħbub li grupp ta’ nies minn San Pawl il-Baħar iddeċidew li jridu jagħmlulu monument, biex ikun fost il-ftit personaġġi Maltin li sarilhom monument meta kienu għadhom ħajjin.

Minkejja li din l-informazzjoni ingħatat lill-ILLUM minn xi nies minn San Pawl il-Baħar, dan ikkonfermah l-istess Freddie Portelli, li laqgħana f’daru biex ikellimna dwar il-karriera mużikali tiegħu mis-sittinijiet sal-ġurnata tal-lum, ftit tal-ġranet wara li huwa ġie mogħti l-medalja għal Ġieħ ir-Repubblika.

‘Inħossha stramba li għadni ħaj u se jagħmlu statwa għalija’

Abbozz għall-monument ta’ Freddie Portelli mill-iskultur Angelo Agius
Freddie stqarr ma’ dan is-sit li meta qalulu li għal darb’oħra kien ġie nnominat għal Ġieħ ir-Republika, hu ħadha biċ-ċajt. “Ma kontx naf li xi ħaġa daqshekk kbira,” qal Freddie, li iżda ammetta wkoll li meta mbagħad ġie preżentat bil-medalja mill-President Coleiro Preca, ħassu onorat ħafna.

“Jien naħseb li ħadt ġieħ ir-Republika għax fil-karriera tiegħi inħoss li tajt unur u isem lil Malta madwar id-dinja,” sostna l-kantant.

Mistoqsi dwar x’jaħseb dwar il-fatt li ssir statwa biex tonorah, Freddie spjega li xi snin ilu, kien ingħata l-premju għal ‘ġieħ San Pawl’ u l-aħbar tal-istatwa kienet kemxejn sorpriża għalih. “Jien ħassejtni stramb li għadni ħaj u ħa ssirli statwa ngħidlek il-verità,” daħaq Freddie, hekk kif kompla jispjega li sa minn xi snin ilu l-iskultur Anġelo Agius dejjem xtaq jagħmel statwa tiegħu, u issa diġà lesta abbozz tagħha. Freddie qal li għadu ma jafx biċ-ċert fejn u meta se titpoġġa din l-istatwa f’San Pawl il-Baħar.

‘Viva Malta’ hija l-aktar diska li biegħet kopji f’Malta

‘Mela ejjew ngħidu VIVA MALTA’, u kulħadd jirrispondi ‘Malta u l-Maltin…’ M’hawn ħadd li ma jafhiex din id-diska u li jkunx kburi jkanta magħha, tant li ‘Viva Malta’ hija l-aktar diska li biegħet kopji f’Malta, waħda mill-aktar diski li qatt indaqqet f’pajjiżna u l-aktar diska Maltija, bil-Malti, li għadha tindaqq barra minn xtutna sal-ġurnata tal-lum. Miktuba fl-1967, din id-diska ġabet fama internazzjonali lil Freddie Portelli, il-grupp li magħhom ħareġ din id-diska, il-Malta Bums u lil pajjiżna stess, hekk kif ‘Viva Malta’ ndaqqet fil-Ġermanja, fir-Renju Unit, fl-Istati Uniti u saħansitra r-Russja sa mis-snin sittin. Illum, għadha tindaqq barra minn Malta aktar milli tindaqq hawn stess.

'Viva Malta' ta' Freddie Portelli : l-aktar diska li biegħet kopji f’Malta | Filmat ta' James Bianchi
Freddie Portelli għadu jitħallas mill-PRS sal-ġurnata tal-lum

Id-diska tant kisbet popolarità internazzjonali li fis-sittinijiet, Freddie Portelli ffirma mal-PRS u ‘Viva Malta’ għadha sal-ġurnata tal-lum tiksiblu qliegħ tad-drittijiet tal-awtur kull darba li tindaqq jew tintuża.

Forsi mingħajr ma ried, Freddie rrisponda waħda mill-mistoqsijiet li l-ILLUM għamlet lill-PRS for Music ta’ Londra u li għadha sal-lum mhux imwieġba. Fl-isfond tar-reazzjonijiet diversi li ġabet l-istorja dwar il-PRS fuq din il-gazzetta, Freddie Portelli qal li sal-lum, id-diski tiegħu għadhom jirrendulu qligħ u almenu, din hi prova li artisti Maltin bħalu qegħdin jieħdu l-frott minn din is-sistema.

Il-‘Malta Bums’ irrekordjaw fl-istess studio li kienu jużaw il-‘Beatles’

Il-karriera ta’ Freddie Portelli u l-gruppi li kien magħhom, tagħthom ħafna opportunitajiet li jdoqqu fil-Ġermanja, fir-Renju Unit, fl-Istati Uniti fost pajjiżi oħrajn, u daqqew qabel Carlos Santana fl-1969 u anke ma’ Demis Roussos.

Flimkien mal-grupp ‘Malta Bums’ Freddie Portelli rrekordja d-diska ‘Olive Tree’ fl-Apple Studios fl-Ingilterra, l-istess studios li fih inħolqu l-aqwa albums tal-‘Beatles’ u li waqt ir-recording, Freddie u sħabu użaw l-istess instrumenti użati minn John, Paul, George u Ringo.

Freddie rrakkonta kif darba fost l-oħrajn, huwa ġie offrut kuntratt ta’ solista mal-‘Atlantic records’, waħdu mingħajr il grupp, iżda meta ġie biex jagħti l-aħbar lil sħabu, huwa staħa jgħidilhom, u spiċċa m’aċċettax l-offerta. Iżda Freddie Portelli qal li sal-ġurnata tal-lum ma jiddispjaċihx mid-deċiżjoni, minħabba li dejjem xtaq jikteb u jkanta bil-Malti, bħalma infatti kulħadd jaf li għamel.

L-isbaħ ħaġa għal Freddie hi li jmur fejn imur, in-nies għadhom jilqugħ u jkantaw miegħu

Mistoqsi dwar x’jgħożż l-aktar mill-karriera tiegħu, Freddie saħaq li “għalija l-isbaħ ħaġa u li żżommni ħaj, hi li mmur fejn immur in-nies għadhom jilqgħuni u jkantaw miegħi, u li nies ta’ kull età jafu l-kliem u jkantaw mad-diski tiegħi.”

Fost l-isbaħ mumenti f’ħajtu, Freddie rrakonta dwar tliet serati ta’ kunċerti flimkien mal-band u l-Maestro Joe Brown f’Dar il-Mediterran, li kienu t-tlieta li huma sold out. “Naħseb dik kienet unur kbir għalija, hekk kif wara li kantajt ‘American Trilogy’ ta’ Elvis, kont qlajt ‘standing ovation’… li wara sirna nafu li kienet l-itwal waħda, ta’ 13-il minuta, li qatt kien hawn Malta. Lanqas stajna nemmnu, u qalb iċ-ċapċip kellna nerġgħu noħorġu u komplejt b’ ‘Xewqat Sbieħ’.

Tul il-karriera tiegħu, Freddie Portelli ikkompona u ħareġ 350 diska.

U meta waslilna l-ħin biex ‘immorru, nħalluh u nitilqu ’l hemm”, Freddie assigurana li almenu aħna ma dejjaqniehx u wiegħed lil dawk kollha li jsegwu l-mużika tiegħu, li jekk Alla jagħtih is-saħħa, bejn unuri, monumenti u aktar diski…il-kbir għadu ġej.